EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CA0538

Kawża C-538/19: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Curtea de Apel Constanţa – ir-Rumanija) – TS, UT, VU vs Casa Naţională de Asigurări de Sănătate, Casa de Asigurări de Sănătate Constanţa (Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 20(1) u (2) – Kura medika rċevuta fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tal-persuna assigurata – Awtorizzazzjoni minn qabel – Kundizzjonijiet – Rekwiżit ta’ rapport maħruġ minn tabib li jagħmel parti mis-sistema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard nazzjonali li jippreskrivi trattament – Preskrizzjoni, għall-finijiet tat-tieni opinjoni medika, maħruġa fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tal-persuna assigurata, ta’ trattament alternattiv li għandu l-vantaġġ li ma jikkawżax diżabbiltà – Rimbors sħiħ tal-ispejjeż mediċi relatati ma’ dan it-trattament alternattiv – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikolu 56 TFUE)

ĠU C 481, 29.11.2021, p. 10–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 481/10


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Curtea de Apel Constanţa – ir-Rumanija) – TS, UT, VU vs Casa Naţională de Asigurări de Sănătate, Casa de Asigurări de Sănătate Constanţa

(Kawża C-538/19) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Sigurtà soċjali - Assigurazzjoni għall-mard - Regolament (KE) Nru 883/2004 - Artikolu 20(1) u (2) - Kura medika rċevuta fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tal-persuna assigurata - Awtorizzazzjoni minn qabel - Kundizzjonijiet - Rekwiżit ta’ rapport maħruġ minn tabib li jagħmel parti mis-sistema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard nazzjonali li jippreskrivi trattament - Preskrizzjoni, għall-finijiet tat-tieni opinjoni medika, maħruġa fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tal-persuna assigurata, ta’ trattament alternattiv li għandu l-vantaġġ li ma jikkawżax diżabbiltà - Rimbors sħiħ tal-ispejjeż mediċi relatati ma’ dan it-trattament alternattiv - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Artikolu 56 TFUE)

(2021/C 481/13)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Constanţa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: TS, UT, VU

Konvenuti: Casa Naţională de Asigurări de Sănătate, Casa de Asigurări de Sănătate Constanţa

Dispożittiv

L-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009, moqri flimkien mal-Artikolu 56 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna assigurata li tkun irċeviet, fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tagħha, trattament li jinsab fost il-benefiċċji previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, għandha dritt għar-rimbors sħiħ tal-ispejjeż ta’ dan it-trattament, taħt il-kundizzjonijiet previsti minn dan ir-regolament, meta din il-persuna ma tkunx setgħet tikseb awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni kompetenti, konformement mal-Artikolu 20(1) tal-imsemmi regolament, għar-raġuni li, minkejja li d-dijanjosi u n-neċessità li t-trattament jingħata b’urġenza jkunu ġew ikkonfermati minn tabib li jagħmel parti mill-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat Membru tar-residenza tagħha, dan it-tabib ikun ippreskrivielha trattament differenti minn dak li l-imsemmija persuna tkun għażlet, konformement mat-tieni opinjoni medika mogħtija minn tabib ta’ Stat Membru ieħor, liema trattament, b’differenza mill-ewwel wieħed, ma jikkawżax diżabbiltà.


(1)  ĠU C 357, 21.10.2019.


Top