Det här dokumentet är ett utdrag från EUR-Lex webbplats
Dokument 52020AE5278
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Challenges of teleworking: organisation of working time, work-life balance and the right to disconnect’ (Exploratory opinion at the request of the Portuguese Presidency)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-isfidi tat-telexogħol: l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u d-dritt għall-iskonnessjoni” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Portugiża)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-isfidi tat-telexogħol: l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u d-dritt għall-iskonnessjoni” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Portugiża)
EESC 2020/05278
ĠU C 220, 9.6.2021, s. 1–12
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
9.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 220/1 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-isfidi tat-telexogħol: l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u d-dritt għall-iskonnessjoni”
(Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Portugiża)
(2021/C 220/01)
|
Relatur: |
Carlos Manuel TRINDADE |
|
Talba mill-Presidenza Portugiża tal-Kunsill |
26.10.2020 |
|
Bażi legali |
L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
|
Adottata fis-sezzjoni |
11.3.2021 |
|
Adottata fil-plenarja |
24.3.2021 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
559 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
221/15/20 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jirrikonoxxi li fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, it-telexogħol ikkontribwixxa biex l-ekonomija tkompli tiffunzjona u biex l-impjieg jiġi protett fl-Istati Membri differenti, billi llimita t-telf ta’ negozju. Fl-Ewropa, miljuni ta’ ħaddiema bdew jaħdmu mid-dar: madwar 40 % minnhom, skont l-estimi tal-Eurofound. |
|
1.2. |
Qabel il-pandemija, it-telexogħol ammonta għal proporzjon ħafna aktar baxx tax-xogħol kollu milli fl-Istati Uniti jew il-Ġappun (inqas minn nofs). Madankollu, il-pandemija ħaffet il-bidla lejn it-telexogħol, u saret essenzjali biex tiġi indirizzata l-kriżi tas-saħħa. Konsegwentement, in-negozji, il-ħaddiema u s-soċjetà qed jiffaċċjaw sfidi kbar. Ovvjament se jkun hemm bosta lezzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-pandemija, li jippermettulna nagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet u neliminaw ir-riskji assoċjati mat-telexogħol. |
|
1.3. |
F’dan il-kuntest, il-KESE jirrikonoxxi l-viżjoni tal-imsieħba soċjali Ewropej fil-kuntest tal-ftehim dwar it-telexogħol tal-2002. Huwa jappella lill-imsieħba soċjali fl-Istati Membri biex ikomplu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv u biex jiddefinixxu regoli u proċessi adattati għal kull Stat Membru u għas-sitwazzjoni f’kull settur. |
|
1.4. |
Il-KESE jqis li għandhom jinstabu soluzzjonijiet li jqisu t-tranżizzjoni ekonomika lejn id-diġitalizzazzjoni, żvilupp aktar sostenibbli u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi. |
|
1.5. |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-2002 dwar it-Telexogħol u l-Ftehim tal-2020 dwar id-Diġitalizzazzjoni. Fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-pandemija, ir-regolamenti eżistenti fl-UE u fl-Istati Membri jistgħu jiġu emendati u jistgħu jinħolqu regolamenti ġodda sabiex jippromovu l-aspetti pożittivi tat-telexogħol u jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema. Il-KESE josserva li l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, ir-riskji għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, id-dritt għall-iskonnessjoni u l-effettività tad-drittijiet tax-xogħol fil-kuntest tat-telexogħol għandhom jingħataw attenzjoni partikolari. L-evoluzzjoni tat-teknoloġija u l-metodi ta’ ħidma qed jaċċelleraw u jeħtieġu li jiġi żgurat li r-regoli u l-prattiki jiġu adattati għall-kundizzjonijiet il-ġodda li se jipprevalu fil-ġejjieni. |
|
1.6. |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-Istati Membri, bil-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali, jiżguraw li jkun hemm qafas nazzjonali adatt għat-telexogħol, li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-impriżi u l-ħaddiema interessati li dan jiġi adottat. |
|
1.7. |
Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jittrasponu u jimplimentaw b’mod korrett id-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. |
|
1.8. |
Il-KESE jenfasizza li l-ftehimiet konklużi fl-2002 u l-2020 bejn l-imsieħba soċjali Ewropej jinkludu l-prinċipji ewlenin li jippermettu li jiġu sfruttati l-effetti pożittivi tat-telexogħol u jiġu mminimizzati l-effetti negattivi tiegħu. |
|
1.9. |
Il-KESE huwa tal-fehma li fir-rigward tar-regolamentazzjoni, l-isfidi ewlenin huma li jiġi żgurat li t-telexogħol ikun volontarju u riversibbli u li t-teleħaddiema jkollhom l-istess drittijiet individwali u kollettivi bħall-ħaddiema paragunabbli fl-impriża li jaħdmu fiha. Fost affarijiet oħra, dan għandu jkun il-każ għall-organizzazzjoni tax-xogħol, sabiex jiġi żgurat li l-ammont ta’ xogħol ikun paragunabbli. L-arranġamenti tat-telexogħol għandhom jiġu stabbiliti bil-miktub u għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi, fejn meħtieġ, biex tiġi żgurata l-effettività tad-drittijiet tat-teleħaddiema u t-trattament ugwali fil-konfront tal-ħaddiema l-oħra, b’mod partikolari f’termini ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. |
|
1.10. |
Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza li jiġu definiti b’mod ċar il-kwistjonijiet kollha relatati mat-tagħmir, ir-responsabbiltajiet u l-ispejjeż qabel ma jiġi introdott it-telexogħol. Huwa jemmen li b’mod ġenerali, min iħaddem huwa responsabbli għall-forniment, l-installazzjoni u l-manutenzjoni tat-tagħmir meħtieġ għat-telexogħol. Min iħaddem għandu jkopri direttament l-ispejjeż imġarrba fit-telexogħol, b’mod partikolari dawk relatati mal-komunikazzjoni (oġġetti tal-konsum, telefon ċellulari, internet). |
|
1.11. |
Il-KESE jipproponi li, fil-kuntest tat-telexogħol, u f’konformità mal-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali dwar it-telexogħol u l-ftehimiet dwar in-negozjar kollettiv fil-livell nazzjonali, reġjonali, settorjali jew tan-negozji, l-impriżi jkunu obbligati jużaw mekkaniżmi adatti biex ikejlu s-sigħat ta’ xogħol regolari u ta’ sahra. |
|
1.12. |
Il-KESE jqis li l-metodi ta’ kontroll u ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol għandhom ikunu mmirati strettament lejn dan l-għan, ikunu magħrufa mill-ħaddiema, u ma jkunux intrużivi jew jiksru l-privatezza tal-ħaddiem, filwaqt li jitqiesu l-prinċipji applikabbli tal-protezzjoni tad-data. |
|
1.13. |
Il-KESE jenfasizza li l-ħaddiema fuq telexogħol m’għandhomx ikunu żvantaġġati fil-ħajja tax-xogħol tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp tal-karriera professjonali tagħhom, it-taħriġ kontinwu, l-aċċess għall-informazzjoni interna tal-impriża, il-parteċipazzjoni u r-rappreżentazzjoni tat-trade unions, id-drittijiet speċifiċi tax-xogħol (il-mediċina okkupazzjonali, l-assigurazzjoni, eċċ.) u l-aċċess għal drittijiet speċifiċi oħra previsti fl-impriża. |
|
1.14. |
Il-KESE jqis li għandu jitnieda proċess konġunt bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-ILO u l-OECD fuq il-bażi ta’ studji dwar il-konsegwenzi tat-telexogħol, bħala tħejjija għall-abbozzar ta’ konvenzjoni tal-ILO dwar it-telexogħol. Il-KESE jqis ukoll li l-kundizzjonijiet deċenti ta’ telexogħol għandhom ikunu parti mill-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO u l-programmi nazzjonali korrispondenti. |
2. Aspetti kunċettwali u kuntest tat-telexogħol
|
2.1. |
Din l-Opinjoni twieġeb għall-mistoqsijiet imqajma mill-Presidenza Portugiża dwar l-isfidi tat-telexogħol f’termini ta’ organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u d-dritt għall-iskonnessjoni, bil-ħsieb li tippromovi l-mudell soċjali Ewropew. Dawn il-kwistjonijiet jinkludu perspettiva tal-ġeneru, li se tiġi esplorata f’Opinjoni separata (SOC/662) li għandha tinqara flimkien ma’ din l-Opinjoni. |
|
2.2. |
Il-KESE japprezza x-xogħol li sar mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-Eurofound dwar il-metodi u l-kunċetti tat-telexogħol, li jippermettu li d-data titqabbel fuq livell Ewropew u internazzjonali (1). |
|
2.3. |
Meta jirreferi għal dan it-tip ta’ xogħol, il-KESE juża t-terminu “telexogħol” biex ifisser attivitajiet professjonali mwettqa mill-bogħod, lil hinn mill-bini tal-kumpanija u bl-użu ta’ tagħmir tal-ICT. Il-post fejn jitwettaq ix-xogħol u l-użu tal-ICT huma għalhekk tnejn mill-aspetti li jiddefinixxu t-telexogħol. Il-KESE jirrikonoxxi li hemm modi differenti ta’ telexogħol, skont il-liġijiet u l-prattiki nazzjonali eżistenti. Din l-Opinjoni ser tiffoka fuq it-telexogħol għall-impjegati u mhux ser tikkunsidra l-kwistjoni tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, xi ħaġa li ser ikollha tiġi koperta f’Opinjoni separata fil-futur. |
|
2.4. |
It-telexogħol kien soġġett għal politiki regolatorji. Għalkemm fil-livell Ewropew u internazzjonali m’hemmx direttivi jew standards speċifiċi għat-telexogħol, l-UE għandha madankollu strumenti applikabbli, jiġifieri d-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (2), id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE dwar is-sigurtà u s-saħħa fuq ix-xogħol (3), id-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea (4), u d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata (5). Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jipproċedu bit-traspożizzjoni effettiva ta’ dawn id-Direttivi. |
|
2.5. |
L-imsieħba soċjali Ewropej taw ukoll attenzjoni partikolari lil dan il-qasam. Fl-2002, l-imsieħba soċjali ffirmaw Ftehim Qafas dwar it-Telexogħol (ftehim awtonomu), iżda l-implimentazzjoni ma kinitx uniformi madwar l-Ewropa. Diversi aspetti huma enfasizzati, b’mod partikolari: in-natura volontarja tat-telexogħol; it-trattament ugwali fir-rigward ta’ ħaddiema paragunabbli fl-impriża, b’referenzi speċifiċi għall-ammont ta’ xogħol, l-aċċess għat-taħriġ u d-drittijiet kollettivi; ir-riversibbiltà, il-fatt li l-bidla għat-telexogħol ma tbiddilx l-istatus tal-impjieg tal-ħaddiem; ir-rispett tal-ħajja privata tat-teleħaddiem; il-protezzjoni tad-data; il-konformità ma’ standards ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Sabiex jiġi vverifikat li l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà huma applikati b’mod korrett, min iħaddem, ir-rappreżentanti tat-trade unions/tal-ħaddiema u awtoritajiet kompetenti oħra għandu jkollhom aċċess għall-post tax-xogħol, fil-limiti tal-liġijiet u l-ftehimiet kollettivi nazzjonali. Jekk it-teleħaddiem jaħdem id-dar, dan l-aċċess huwa soġġett għal notifika u approvazzjoni minn qabel. It-teleħaddiem għandu jkollu d-dritt li jitlob żjarat ta’ spezzjoni. |
|
2.6. |
F’Ġunju 2020, l-imsieħba soċjali Ewropej ikkonkludew ftehim qafas awtonomu dwar id-diġitalizzazzjoni, li jkopri erba’ oqsma speċifiċi b’mod partikolari: il-ħiliet diġitali u l-iżgurar ta’ impjieg; it-termini ta’ konnessjoni u skonnessjoni; l-intelliġenza artifiċjali u ż-żamma tal-kontroll mill-bniedem; ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem u l-kwistjoni tas-sorveljanza. Il-KESE jqis li huwa neċessarju li ssir valutazzjoni tar-riżultati tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan il-ftehim mill-aktar fis possibbli. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Imsieħba Soċjali biex jippromovu l-implimentazzjoni rapida u adatta tal-ftehim. Inizjattiva leġiżlattiva Ewropea tista’ potenzjalment titnieda taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Artikoli 151 et seq. TFUE) u/jew fil-livell tal-Istati Membri, sabiex jiġi protett u implimentat id-dritt tal-ħaddiema li jiskonnettjaw. |
|
2.7. |
Fil-livell tal-imsieħba soċjali Ewropej, twettqet u se tkompli titwettaq ħidma importanti f’għadd sinifikanti ta’ setturi. Il-lista ta’ ftehimiet konklużi fil-qasam tat-telexogħol u d-diġitalizzazzjoni hija mehmuża ma’ dan id-dokument. Għalkemm mhix eżawrjenti, din il-lista tixhed l-isforz tad-djalogu soċjali li sar f’dan il-qasam. |
|
2.8. |
Fil-livell tal-Istati Membri, il-leġiżlazzjoni tax-xogħol tirregola ċerti aspetti rilevanti għat-telexogħol, bħat-tul u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, ir-relazzjoni subordinata ta’ impjieg u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, b’dispożizzjonijiet speċifiċi bħar-rekwiżit ta’ kuntratt ta’ impjieg bil-miktub. Il-Ftehim Qafas dwar it-Telexogħol kellu influwenza fuq il-kontenut tal-istandards adottati. |
|
2.9. |
It-telexogħol kien, u ser ikompli jkun, is-suġġett ta’ negozjar kollettiv u ta’ konvenzjonijiet (xi kultant tripartitiċi) stabbiliti fil-livell nazzjonali, settorjali jew tal-impriża, li l-kontenut tagħhom kien influwenzat ukoll mill-ftehim Ewropew tal-2002. Minħabba li n-negozjati ħafna drabi jsiru fil-livell tal-impriża, il-kontenut tal-ftehimiet huwa inqas magħruf (6). |
|
2.10. |
L-Istati Membri tal-Ewropa tal-Lvant huma eċċezzjoni għal din ir-realtà. Il-KESE jistieden lill-imsieħba soċjali f’dawn il-pajjiżi biex jinnegozjaw ftehimiet dwar it-telexogħol, jew biex jaġġornawhom fejn meħtieġ. |
|
2.11. |
Skont id-data mill-Istħarriġ Ewropew dwar il-Kondizzjonijiet tax-Xogħol tal-2015, il-proporzjon ta’ ħaddiema li jipprattikaw it-telexogħol kien għoli f’żewġ pajjiżi Nordiċi — id-Danimarka (37 %) u l-Iżvezja (33 %) — u fin-Netherlands (30 %), medju f’pajjiżi bħal-Lussemburgu (26 %), Franza (25 %), l-Estonja (24 %), il-Belġju (24 %) u l-Finlandja (24 %) u baxx f’nofs il-pajjiżi tal-UE, li jvarja minn 12 sa 13 % (il-Ġermanja, Spanja, il-Bulgarija, il-Litwanja, ir-Rumanija), jew saħansitra minn 7 % sa 11 % (l-Italja, iċ-Ċekja, il-Polonja, is-Slovakkja, il-Portugall u l-Ungerija). Ta’ min jinnota li, b’mod ġenerali, il-kategorija “telexogħol okkażjonali” tikkonċerna nofs it-teleħaddiema u ftit inqas minn kwart minnhom jipprattikaw it-“telexogħol regolari” (mid-dar) (7). |
|
2.12. |
Insemmu xi riżultati ta’ riċerki reċenti (8): |
|
2.12.1. |
Fl-2019, 5,4 % biss tal-impjegati fl-UE-27 ġeneralment ħadmu mid-dar, u dan il-perċentwal prattikament ma nbidilx matul l-aħħar għaxar snin; madankollu, bejn l-2009 u l-2019, il-proporzjon ta’ teleħaddiema okkażjonali żdied minn 5,2 % fl-2009 għal 9 % fl-2019. Skont studji tal-ILO, l-inċidenza tat-telexogħol (inkluż it-telexogħol “mobbli”) hija ta’ 8 % tal-forza tax-xogħol kollha tal-UE, meta mqabbla ma’ 20 % fl-Istati Uniti u 16 % fil-Ġappun (9). |
|
2.12.2. |
Il-prevalenza tat-telexogħol tvarja b’mod konsiderevoli skont is-setturi u l-professjonijiet, u hija partikolarment għolja fis-setturi tal-informazzjoni u t-teknoloġija u fis-setturi intensivi fl-għarfien, kif ukoll fost il-professjonisti bi kwalifiki għolja. L-istruttura industrijali tal-Istati Membri, id-distribuzzjoni tal-impjiegi skont id-daqs tal-impriża, ir-rata tal-impjieg indipendenti u l-ħiliet diġitali tal-ħaddiema huma wħud mill-fatturi li jispjegaw id-differenzi u l-varjazzjonijiet fl-inċidenza tat-telexogħol bejn l-Istati Membri. |
|
2.12.3. |
Id-differenzi fl-aċċess għat-telexogħol u l-protezzjoni tal-ħaddiema għandhom il-potenzjal li jżidu l-inugwaljanzi bejn il-ħaddiema, inkluż fir-rigward tad-dimensjoni tal-ġeneru li hija indirizzata fl-Opinjoni SOC/662. Jeħtieġ li tinstab soluzzjoni biex dawn jiġu rrimedjati. |
|
2.12.4. |
L-iżvilupp tal-ħiliet diġitali tal-ħaddiema huwa essenzjali biex jintlaħqu l-isfidi tal-bidla teknoloġika u tal-modi ġodda ta’ xogħol (fl-2019, it-taħriġ għall-ħiliet diġitali kopra inqas minn 25 % tal-impriżi tal-UE bħala medja — dan il-perċentwal ivarja minn 6 % fir-Rumanija għal 37 % fil-Finlandja). |
|
2.13. |
Minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, miljuni ta’ ħaddiema fl-Ewropa bdew jaħdmu mid-dar, u l-Eurofound tistma li madwar 40 % tal-ħaddiema bdew jaħdmu mid-dar full-time minħabba l-pandemija. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dan huwa obbligatorju wara deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi għal raġunijiet ta’ kontroll tas-saħħa. |
|
2.14. |
Il-KESE jafferma mill-ġdid l-fehma li esprima fid-diversi Opinjonijiet tiegħu (10) dwar il-kwistjonijiet relatati mal-futur tax-xogħol, id-diġitalizzazzjoni, l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. |
3. Possibbiltajiet u riskji marbuta mat-telexogħol
|
3.1. |
Fir-rigward tal-impriżi, it-telexogħol jista’ jwassal għal żieda fil-produttività, iżda joħloq diffikultajiet għall-kultura tal-impriża u l-organizzazzjoni tax-xogħol. Mill-perspettiva tal-impriżi, l-użu tat-telexogħol għandu għanijiet multipli, b’mod partikolari (11):
|
|
3.2. |
Fir-rigward tal-ħaddiema, it-telexogħol jista’ jiffaċilita r-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jnaqqas l-ispejjeż assoċjati mal-ivvjaġġar għax-xogħol. B’mod ġenerali, it-telexogħol jista’ jippermetti awtonomija akbar, konċentrazzjoni aħjar u żieda fil-produttività (12). . Madankollu, l-awtonomija mhux dejjem tikkumpensa għall-effetti negattivi fuq is-saħħa u l-benesseri u tista’ saħansitra żżid l-intensità tax-xogħol meta tiġi kkombinata ma’ ammont ta’ xogħol eċċessiv u ma’ kulturi tal-impriżi orjentati lejn il-kompetizzjoni, li jimponu prestazzjonijiet għoljin li jwasslu għal ammont eċċessiv ta’ xogħol (mhux imħallas) u perjodi ta’ mistrieħ insuffiċjenti (13). |
|
3.3. |
Il-KESE jenfasizza li t-telexogħol huwa fattur pożittiv għall-iżvilupp sostenibbli u d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija, kif ukoll biex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà urbana. |
|
3.4. |
Il-KESE jinnota li bis-saħħa tat-telexogħol, l-impatt negattiv tal-pandemija tal-COVID-19 tnaqqas b’mod konsiderevoli. Iż-żieda sinifikanti tiegħu ppermettiet li bosta setturi tal-ekonomija jibqgħu jiffunzjonaw. |
|
3.5. |
Il-KESE jinnota li l-isfukar tal-limiti bejn il-ħinijiet tax-xogħol u l-mistrieħ jista’ jwassal għal żieda fin-numru ta’ sigħat attwalment maħduma, għal intensità akbar ta’ xogħol u għal diffikultajiet ta’ skonnessjoni mix-xogħol, u jista’ jaffettwa l-ħajja tal-familja. Il-kejl u l-monitoraġġ tal-ħin tax-xogħol huma sfida ewlenija għall-amministrazzjonijiet tal-ispettorati tax-xogħol tal-Istati Membri, u dan jeħtieġ li jiġi indirizzat b’mod adegwat. |
|
3.6. |
Ir-riċerka tenfasizza ċerti riskji għall-ħaddiema: dawn mhumiex biss ir-riskji assoċjati ma’ forom differenti ta’ iżolament, bħall-istress, id-depressjoni u l-ansjetà, iżda wkoll mard muskuloskeletali, uġigħ ta’ ras, eżawriment, problemi bl-irqad u fenomeni diġitali ġodda bħall-“preżenteiżmu virtwali”. L-effett tal-preżenteiżmu fuq il-ħajja tax-xogħol ivarja. Skont il-Eurofound, l-esperjenza hija negattiva għal xi ħaddiema, filwaqt li oħrajn huma kuntenti li jistgħu jaħdmu mid-dar aktar milli jmorru fil-bini ta’ min iħaddimhom meta jħossuhom ma jifilħux. Madankollu, dan m’għandux jinterferixxi mad-dritt għal-liv tal-mard. It-telexogħol joħloq ukoll diffikultajiet kbar bħall-organizzazzjoni u l-parteċipazzjoni f’attivitajiet trejdjunjonistiċi, l-inviżibilità, l-invażjoni tal-privatezza u t-tixrid tat-teleħaddiema. |
|
3.7. |
Il-KESE jinnota li hemm riskji oħra għat-telexogħol, bħal dawk relatati maċ-ċibersigurtà, li għandhom jiġu indirizzati b’mod adegwat sabiex jiġu difiżi n-negozji u tiġi protetta l-ħajja privata tat-teleħaddiema. Riskju ieħor relatat mat-telexogħol huwa l-impatt potenzjalment negattiv fuq kulturi organizzattivi eżistenti, f’unitajiet li jipproduċu oġġetti jew servizzi jew fi strutturi assoċjattivi u/jew volontarji. |
|
3.8. |
It-telexogħol jirrikjedi ħiliet tal-ICT u aċċess għal tagħmir u servizzi, kif ukoll kundizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni u kondizzjonijiet oħra li jiffavorixxu t-telexogħol, li tqajjem il-kwistjoni tal-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali. |
|
3.9. |
Il-KESE jirrikonoxxi li t-telexogħol jista’ jiffaċilita l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ ċerti gruppi diskriminati, b’mod partikolari l-persuni b’diżabilità, in-nisa tqal u l-ġenituri waħedhom, li spiss jiffaċċjaw ostakli strutturali għall-aċċess għall-impjieg. |
|
3.10. |
Il-KESE huwa tal-fehma li fir-rigward tar-regolamentazzjoni, l-isfidi ewlenin huma li jiġi żgurat li t-telexogħol ikun volontarju u riversibbli — ħlief f’każijiet eċċezzjonali, bħall-pandemija, fejn dan ikun impost mill-awtoritajiet pubbliċi — u li t-teleħaddiema jkollhom l-istess drittijiet individwali u kollettivi bħall-ħaddiema paragunabbli fl-impriża li jaħdmu fiha; li l-arranġamenti tat-telexogħol ikunu stabbiliti bil-miktub; u li jittieħdu miżuri speċifiċi, fejn meħtieġ, biex tiġi żgurata l-effettività tad-drittijiet tat-teleħaddiema u t-trattament ugwali fil-konfront tal-ħaddiema l-oħra. |
|
3.11. |
Il-KESE jemmen li r-regolamentazzjoni tat-telexogħol tista’ tiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u tgħin biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi u l-faqar fuq il-post tax-xogħol (14). |
|
3.12. |
Il-KESE jqis li min iħaddem huwa responsabbli għat-taħriġ u għall-forniment, l-installazjoni u l-manutenzjoni tat-tagħmir meħtieġ għat-telexogħol. Min iħaddem għandu jkopri direttament l-ispejjeż imġarrba fit-telexogħol, b’mod partikolari dawk relatati mal-komunikazzjoni (oġġetti tal-konsum, telefon ċellulari, internet). |
|
3.13. |
Jeħtieġ li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiġi protetta d-data relatata mat-telexogħol, b’mod partikolari d-data personali tat-teleħaddiema. |
|
3.14. |
Il-KESE jinnota li, fil-maġġoranza l-kbira tan-negozji, kien hemm tkabbir qawwi fis-sistemi ta’ monitoraġġ, kontroll u segwitu tal-attività tat-teleħaddiema. Huwa jirrakkomanda li l-użu ta’ dawn l-għodod ta’ monitoraġġ għandu jqis il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data u, jekk meħtieġ, jiġi inkwadrat minn leġiżlazzjoni Ewropea futura u/jew negozjar kollettiv fil-livell nazzjonali, reġjonali, settorjali u tan-negozji bejn l-imsieħba soċjali fl-Istati Membri. |
4. L-isfidi tat-telexogħol
4.1. Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol
|
4.1.1. |
Il-KESE jinnota li r-riċerka dwar l-effetti tat-telexogħol fuq il-ħin tax-xogħol hija unanima — billi jindika l-ħinijiet twal ta’ xogħol bħala l-iżvantaġġ ewlieni ta’ din il-forma ta’ xogħol (15). It-telexogħol jippermetti lill-ħaddiem iqassam il-ġurnata tax-xogħol tiegħu u jevita li joqgħod jivvjaġġa lejn l-impriża tiegħu u lura lejn daru, iżda dan iġib miegħu ħinijiet itwal ta’ xogħol filgħaxija u fi tmiem il-ġimgħa. |
|
4.1.2. |
Il-KESE jinnota b’sodisfazzjon li l-imsieħba soċjali Ewropej reċentement qablu li skambji regolari bejn il-maniġers u l-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom dwar l-ammont ta’ xogħol u l-proċessi tax-xogħol (16) huma wħud mill-miżuri li għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti mill-proċess ta’ sħubija konġunta li huwa l-bażi tal-ftehim. |
|
4.1.3. |
Fil-fatt, studju tal-Eurofound (17) jindika li: |
|
4.1.3.1. |
Fil-kuntest tat-telexogħol “regolari”, madwar 30 % tal-ħaddiema jaħdmu kuljum jew diversi drabi fil-ġimgħa waqt il-ħin liberu tagħhom; madwar 50 % tal-ħaddiema jiġu interrotti biex iwettqu kompiti mhux previsti u xi 20 % jaħdmu aktar minn 48 siegħa fil-ġimgħa (dan il-perċentwal huwa madwar 30 % għat-teleħaddiema “mobbli” u 10 % għat-teleħaddiema “okkażjonali”). |
|
4.1.3.2. |
Fil-kuntest tat-telexogħol “regolari”, madwar 40 % tat-teleħaddiema għandhom perjodu ta' mistrieħ ta’ inqas minn 11-il siegħa (dan jikkonċerna madwar 25 % tat-teleħaddiema “okkażjonali” u madwar 60 % tat-teleħaddiema “mobbli”). |
|
4.1.4. |
L-istħarriġ tal-Eurofound juri li l-intensità tax-xogħol hija problema komuni fil-pajjiżi Ewropej (pereżempju, 37 % tal-ħaddiema jirrapportaw li huma soġġetti għal skadenzi stretti) u li din hija aktar komuni fost it-teleħaddiema, b’mod partikolari t-teleħaddiema mobbli (18). |
|
4.1.5. |
Għandhom jiġu vvalutati l-implikazzjonijiet fuq is-saħħa u l-benesseri mill-użu intensiv tal-ICT, bħal xogħol quddiem l-iskrin jew bl-ismartphones. L-effetti negattivi, li jistgħu jiġu amplifikati bit-telexogħol, huma l-pressjoni psikoloġika (l-istress), l-għeja tal-għajnejn, l-ansjetà, l-uġigħ ta’ ras, l-eżawriment, id-disturbi fl-irqad u l-mard muskuloskeletali (19). |
|
4.1.6. |
Għalkemm hemm standards Ewropej li jistgħu jkopru t-applikabbli għat-telexogħol, jeħtieġ li jiġi vvalutat jekk id-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol, kif ukoll id-Direttivi l-oħra msemmija fil-paragrafu 2.4, jew il-ftehim dwar it-telexogħol (tal-2002) u l-ftehim dwar id-diġitalizzazzjoni (tal-2020) humiex biżżejjed biex jipproteġu lil dawn il-ħaddiema (20). F’dan ir-rigward, il-KESE jinnota l-importanza tal-ġurisprudenza Ewropea, li skontha “(…) l-Istati Membri għandhom jimponu fuq il-persuni li jimpjegaw l-obbligu li jistabbilixxu sistema oġġettiva, affidabbli u aċċessibbli li tippermetti l-kejl tat-tul tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum maħdum minn kull ħaddiem” (21). Il-KESE jinnota li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw l-arranġamenti speċifiċi għall-implimentazzjoni ta’ sistema bħal din, filwaqt li jqisu, fost l-oħrajn, id-differenzi bejn is-setturi u l-attivitajiet (22). |
|
4.1.7. |
Fid-dawl ta’ dan, il-KESE jipproponi li, fil-kuntest tat-telexogħol, u konformità mal-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali dwar it-telexogħol u l-ftehimiet dwar negozjar kollettiv fil-livell reġjonali, settorjali jew tan-negozji, l-impriżi jkunu obbligati jużaw mekkaniżmi xierqa biex ikejlu s-sigħat ta’ xogħol regolari u ta' sahra. |
|
4.1.8. |
Il-KESE jqis li t-trattament ugwali fil-konfront ta’ ħaddiema paragunabbli fl-istess impriża japplika wkoll għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, għall-organizzazzjoni tax-xogħol b’tali mod li jiggarantixxu ammonti ta’ xogħol paragunabbli u d-dritt tat-trade unions/tar-rappreżentanti tal-ħaddiema li jkollhom aċċess għall-post tat-telexogħol, fil-limiti tal-leġiżlazzjonijiet u l-ftehimiet kollettivi nazzjonali. |
|
4.1.9. |
It-teleħaddiema ma għandhomx ikunu żvantaġġati fil-ħajja tax-xogħol tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp tal-karriera professjonali tagħhom, it-taħriġ kontinwu, l-aċċess għall-informazzjoni interna tal-impriża, il-parteċipazzjoni u r-rappreżentazzjoni tat-trade unions, id-drittijiet speċifiċi tax-xogħol (il-mediċina okkupazzjonali, l-assigurazzjoni, eċċ.) u l-aċċess għal drittijiet speċifiċi oħra previsti fl-impriża. |
4.2. Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata
|
4.2.1. |
Wieħed mill-ixpruni tal-iżvilupp tat-telexogħol huwa l-konvinzjoni li din il-forma ta’ xogħol tidher li tippermetti bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, żieda fil-produttività u l-lealtà tal-persunal, u tnaqqis fir-rotazzjoni tal-impjegati. Madankollu, peress li huwa diffiċli li jsiru konklużjonijiet definittivi dwar l-effetti tat-telexogħol fuq id-dinja tax-xogħol abbażi tar-riċerka attwali dwar is-suġġett, jista’ jkun li r-realtà hija ħafna aktar kumplessa u ambigwa, u saħansitra anke kontradittorja, fir-rigward ta’ din ir-reċiproċità potenzjali li tibbenefika lill-ħaddiema u għal min iħaddem (23).. |
|
4.2.2. |
Il-KESE jinnota li hemm kontradizzjoni bejn iż-żieda fil-flessibbiltà tas-sigħat tax-xogħol u l-objettiv ta’ xogħol deċenti rakkomandat mill-ILO. |
|
4.2.3. |
Fir-rigward tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-KESE jemmen li l-effetti negattivi huma amplifikati għat-teleħaddiema Huma jvarjaw ukoll skont il-karatteristiċi individwali tal-ħaddiem, il-kultura u l-organizzazzjoni tax-xogħol (24). Il-KESE jqis li t-traspożizzjoni effettiva tad-direttiva li tirregola din il-kwistjoni bla dubju ser twassal għal titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-teleħaddiema (25). Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jittrasponu u jimplimentaw b’mod korrett din id-Direttiva. |
|
4.2.4. |
Il-KESE jinnota li l-effetti tat-telexogħol fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata huma ferm ambigwi, saħansitra kontradittorji, u jeħtieġu riċerka aktar fil-fond dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata (26). |
|
4.2.5. |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ taħriġ adegwat tal-ħaddiema u l-maniġers bażiċi dwar il-prattiki tajba fil-ġestjoni tat-telexogħol u dwar il-konformità mar-regoli ġuridiċi u kuntrattwali, b’mod partikolari fir-rigward tal-promozzjoni tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. |
|
4.2.6. |
Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jagħmlu investimenti adegwati fil-ħolqien u/jew l-iżvilupp ta’ servizzi soċjali ta’ kwalità għolja u aċċessibbli b’mod universali għall-anzjani u t-tfal u li jistgħu jikkontribwixxu għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. |
4.3. Id-dritt għall-iskonnessjoni
|
4.3.1. |
Il-KESE huwa konxju li kultura “dejjem mixgħula”, li tkun konnessa kontinwament u nuqqas ta’ mistrieħ toħloq riskji fiżiċi u psikosoċjali sinifikanti għat-teleħaddiema (27). Il-konnessjoni tfisser li jsir diffiċli li jiġu rrispettati l-limiti bejn ix-xogħol imħallas u l-ħajja privata. |
|
4.3.2. |
Fir-rigward tad-dritt għall-iskonnessjoni, reċentement tnedew politiki tal-Istati Membri — anke jekk isegwu approċċi differenti — u/jew azzjonijiet tal-imsieħba soċjali u l-impriżi biex jiġu limitati dawn l-effetti negattivi u biex il-ħaddiema jiġu protetti matul il-ħin liberu tagħhom. |
|
4.3.3. |
Il-konnessjoni kontinwa għandha konsegwenzi negattivi. Huma n-nisa li jbatu l-aktar, peress li normalment jieħdu ħsieb xogħol domestiku bla ħlas u jieħdu ħsieb it-tfal, l-anzjani u l-morda (28). |
|
4.3.4. |
Il-leġiżlazzjoni tkopri l-biċċa l-kbira tas-suġġetti relatati mat-telexogħol, u għalhekk l-implimentazzjoni effettiva tagħha għadha rilevanti ħafna. Il-ftehim qafas dwar id-diġitalizzazzjoni ffirmat fil-livell Ewropew f’Ġunju 2020 jirrigwarda b’mod partikolari r-regoli dwar id-dritt għall-iskonnessjoni, il-konformità mad-dispożizzjonijiet relatati mal-ħin tax-xogħol fil-leġiżlazzjoni u l-ftehimiet kollettivi, kif ukoll dispożizzjonijiet kuntrattwali oħra, u l-ħaddiem m’għandux jiġi kkuntattjat minn min iħaddmu barra l-ħinijiet tax-xogħol. Il-KESE jinnota li dan il-ftehim huwa fil-fażi ta’ implimentazzjoni mill-imsieħba soċjali fil-livell tal-Istati Membri. Madankollu, tibqa’ possibbli inizjattiva leġiżlattiva taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 151 et seq TFUE) sabiex jiġi protett u implimentat id-dritt tal-ħaddiema li jiskonnettjaw, u b’hekk jitnaqqas id-deterjorament fil-kundizzjonijiet ta’ xogħol tagħhom. |
|
4.3.5. |
Hemm fehmiet differenti dwar l-istabbiliment ta’ dritt ta’ skonnessjoni fl-Istati Membri (29). Erba’ pajjiżi (il-Belġju, Spanja, Franza u l-Italja) adottaw leġiżlazzjoni speċifika. Żewġ pajjiżi oħra jew iddiskutew abbozz ta’ leġiżlazzjoni (il-Portugall) jew kellhom proċess ta’ konsultazzjoni (in-Netherlands) iżda ma ġiet adottata l-ebda leġiżlazzjoni speċifika. Fi Stati Membri oħra, il-fehmiet huma diverġenti: f’xi każijiet, it-trejdjunjins jitolbu leġiżlazzjoni speċifika minħabba li l-liġijiet eżistenti mhumiex meqjusa suffiċjenti; f’oħrajn in-negozjar kollettiv huwa meqjus bħala l-aħjar forma ta’ regolamentazzjoni u f’oħrajn huwa argumentat li l-leġiżlazzjoni li tirregola l-ħin tax-xogħol hija biżżejjed. |
|
4.3.6. |
Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-KESE jilqa’ r-riżoluzzjoni adottata mill-Parlament Ewropew fil-21 ta’ Jannar 2021 kif ikkunsidrata mill-Kummissjoni Ewropea fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tal-4 ta’ Marzu taħt il-kapitolu dwar it-telexogħol u d-dritt ta’ skonnessjoni (30). F’dan il-qafas, il-KESE jqis li d-dritt ta’ skonnessjoni għandu jiġi indirizzat kif xieraq fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. |
|
4.3.7. |
Il-KESE jenfasizza li, fir-rigward tad-dritt għall-iskonnessjoni, is-sahra mhijiex fiha nnifisha problema, sakemm tikkonforma mar-regoli stabbiliti, b’mod partikolari fir-rigward tan-numru massimu ta’ sigħat permessi, u li jiġi żgurat li x-xogħol kollu mwettaq jiġi remunerat skont il-qafas legali ta’ kull pajjiż. |
5. Azzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali
|
5.1. |
Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ aktar informazzjoni statistika u ta’ kwalità aħjar, kif ukoll ta’ aktar riċerka dwar it-telexogħol, sabiex jiġu identifikati l-aħjar prattiki u jiġi analizzat l-impatt tagħhom fuq il-ħajja tal-ħaddiema, l-impriżi u s-soċjetà. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb ir-riċerka fil-qasam tat-telexogħol u l-effetti tiegħu, tippromovi l-iskambju ta’ prattiki tajba bejn l-Istati Membri dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u d-dritt għall-iskonnessjoni u, fl-aħħar, tappoġġja l-iżvilupp tat-tranżizzjoni meħtieġa f’termini ta’ ħiliet, filwaqt li tirrispetta d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv bejn l-imsieħba soċjali f’livelli differenti. |
|
5.2. |
Il-KESE jenfasizza li l-ftehimiet tal-2002 u l-2020 jinkludu l-prinċipji ewlenin li jippermettu li jiġu sfruttati l-effetti pożittivi tat-telexogħol u jiġu mminimizzati l-effetti negattivi tiegħu. |
|
5.3. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-ftehimiet tal-2002 u tal-2020, jekk meħtieġ jadattaw ir-regoli eżistenti abbażi tal-esperjenza tal-pandemija, u jiżviluppaw oħrajn ġodda, sabiex jippromovu l-elementi pożittivi tat-telexogħol u jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema. L-evoluzzjoni tat-teknoloġija u l-metodi ta’ ħidma qed jaċċelleraw u jeħtieġu li jiġi żgurat li r-regoli u l-prattiki jiġu adattati għall-kundizzjonijiet il-ġodda li se jipprevalu fil-ġejjieni. |
|
5.4. |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-Istati Membri, bil-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali, jiżguraw li jkun hemm qafas nazzjonali adatt għat-telexogħol, li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-impriżi u l-ħaddiema interessati fl-adozzjoni tiegħu, fid-dawl tal-ftehimiet imsemmija qabel. |
|
5.5. |
B’mod partikolari, l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, ir-riskji għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, id-dritt għall-iskonnessjoni u l-effettività tad-drittijiet tax-xogħol fil-kuntest tat-telexogħol għandhom jingħataw attenzjoni partikolari. |
|
5.6. |
Il-KESE huwa konvint li l-problemi relatati mat-telexogħol għandhom jiġu indirizzati fil-qafas tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. |
|
5.7. |
Il-KESE jemmen li l-parteċipazzjoni u l-assoċjazzjoni tal-imsieħba soċjali fil-livelli kollha, inkluż permezz tan-negozjar kollettiv, huma essenzjali biex jinstabu soluzzjonijiet ibbilanċjati, dinjitużi u ġusti. |
|
5.8. |
Il-KESE jqis li għandu jitnieda proċess konġunt bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-ILO u l-OECD fuq il-bażi ta’ studji dwar il-konsegwenzi tat-telexogħol, bħala tħejjija għall-abbozzar ta’ konvenzjoni tal-ILO dwar it-telexogħol. Il-KESE jqis ukoll li l-kundizzjonijiet deċenti ta’ telexogħol għandhom ikunu parti mill-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO u l-programmi nazzjonali korrispondenti. |
Brussell, l-24 ta’ Marzu 2021.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Alex Soojung-Kim Pang (2017) Rest — Why you get more done when you work less (Penguin Life, 2018).
(2) ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9.
(3) ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.
(4) ĠU L 186, 11.7.2019, p. 105.
(5) ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79.
(6) Eurofound u ILO, Working anytime, anywhere: The effects on the world of work (2017), (Naħdmu kull ħin u kullimkien: L-effetti fuq id-dinja tax-xogħol), 2017, p. 51-54. (Dan id-dokument huwa msemmi hawn taħt bħala “Eurofound u ILO (2017)”.)
(7) Il-Kummissjoni Ewropea, Telework in the EU before and after the COVID-19: were we were, where we head to (It-telexogħol fl-UE qabel u wara l-COVID-19: fejn ninsabu, fejn sejrin), Science for Policy Briefs, 2020.
(8) Idem.
(9) ILO, Telework in the 21st century, 2019, p. 294 (It-telexogħol fis-seklu 21).
(10) ĠU C 129, 11.4.2018, p. 44, ĠU C 197, 8.6.2018, p. 45, ĠU C 237, 6.7.2018, p. 8, ĠU C 367, 10.10.2018, p. 15, ĠU C 440, 6.12.2018, p. 37, ĠU C 232, 14.7.2020, p. 18.
(11) Eurofound u ILO 2017, p. 51.
(12) Eurofound, Telework and ICT-based mobile work: flexible working in the digital age (It-telexogħol u x-xogħol mobbli abbażi tal-ICT: xogħol flessibbli fl-era diġitali), 2020, p. 53 (Dan id-dokument huwa msemmi hawn taħt bħala “Eurofound (2020)”.)
(13) Eurofound u ILO 2017, p. 40.
(14) Ara r-riżoluzzjoni reċenti adottata mill-Parlament Ewropew.
(15) It-telexogħol fis-seklu 21, ILO, 2019, p. 298.
(16) Ftehim Qafas tal-imsieħba soċjali Ewropej dwar id-diġitalizzazzjoni, Ġunju 2020, p. 10 (mhux disponbbli bil-Malti).
(17) Further exploring the working conditions of ICT-based mobile workers and home-based teleworkers, Dokument ta’ ħidma, 2020, pp. 23-33.
(18) Eurofound 6th European Working Conditions Survey, Overview report (Is-Sitt Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol, rapport b’ħarsa ġenerali), 2016, p. 47-51. Ara wkoll in-nota preċedenti f’qiegħ il-paġna.
(19) Dwar il-konsegwenzi tat-telexogħol għas-saħħa u l-benesseri, ara: Eurofound 2020, pp. 27-35.
(20) Eurofound 2020, p. 54.
(21) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Kawża C-55/18, ECLI: EU:C:2019:402, punt 60. Rigward it-telexogħol, ara wkoll il-bqija tal-ġurisprudenza: C-518/15; C-344/19; C-580/19; C-214/20; C-84/94.
(22) Idem kawża C-55/18, ECLI: EU 2019: paragrafu 63.
(23) It-telexogħol fis-seklu 21, ILO, 2019, p. 302.
(24) Sors prinċipali: Eurofound 2020, pp. 13-26.
(25) Eurofound 2020, p. 54.
(26) Eurofound u ILO 2017, p. 33 u p. 40.
(27) Eurofound u ILO 2017, p. 37.
(28) Ara l-Opinjoni tal-KESE SOC/662 (ara l-paġna 13 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(29) Sors prinċipali: Eurofound 2020, pp. 13-26.
(30) Ara r-riżoluzzjoni reċenti adottata mill-Parlament Ewropew.
ANNESS I
EUROPEAN SECTORAL SOCIAL DIALOGUE JOINT TEXTS ON TELEWORK AND DIGITALISATION (1)
Telework
Eurocommerce and UNI, Europa, European agreement on guidelines on Telework and ICT-mobile work in commerce, 25 May 2018 (commerce)
EACB, EBF-FBE, ESBG and UNI Global Union, Declaration on Telework in the European Banking Sector, 17 November 2017 (banking)
ETNO and UNI Europa, Joint Declaration on ICT-based mobile work, 2 February 2017 (telecommunications)
ETNO and UNI Europa, Joint declaration on telework, 9 June 2016 (telecommunications)
ACME, BIPAR, CEA and UNI-Europa, Joint declaration on telework by the European social partners in the insurance sector, 10 February 2015 (insurance)
CEMR-CCRE and EPSU, CEMR-EP/EPSU joint statement on telework, 13 January 2004 (local and regional government)
Eurelectric and EPSU, EMCEF, Joint declaration on telework, 13 November 2002 (electricity)
Eurocommerce and UNI Europa, European Agreement on Guidelines on Telework in Commerce, 26 April 2001 (Commerce)
ETNO and UNI Europa, Guidelines for Telework in Europe, 7 February 2001 (telecommunications)
Joint Committee, Opinion on telework, 23 November 1998 (telecommunications)
Digitalisation
ETNO and UNI-Europa, Joint Declaration on Artificial Intelligence, 30 November 2020 (telecommunications)
CEEMET and IndustriAll, Joint opinion on the impact of digitalisation on the world of work in the met industries, 9 November 2020 (metal industry)
EFIC and EFBWW, European Social Partners joint statement on Digital Transformation in workplaces of the European Furniture Industry, 6 July 2020 (Furniture)
Federation of European Social Employers and EPSU, Joint Position Paper on Digitalisation in the Social Services Sector — Assessment of Opportunities and Challenges, 6 June 2020 (social services)
Eurelectric and EPSU, IndustriAll, Digitalisation at the heart of social partners' commitment to keep the lights on, 9 April 2020 (electricity)
Eurelectric and EPSU, IndustriAll, A Social Partners' Framework of Actions – Challenges and opportunities of the digitalisation for the workforce in the European Electricity Sector, 9 April 2020 (electricity)
PostEurop and UNI Europa, Joint Declaration on Training in the Digital Era, 6 December 2019 (postal services)
ECEG and IndustriAll, Joint recommendations on digital transformations in the workplace for the European chemicals, pharmaceuticals, rubber and plastics sectors, 8 November 2019 (chemical industry)
EFCI/FENI and UNI Europa, Joint Statement on the Impact of Digitalization on Employment in the Cleaning and Facility Services Industry, 29 October 2019 (industrial cleaning)
INTERGRAF and UNI-Europa, Print is vital for the future of reading – INTERGRAF and UNI Europa Graphical & Packaging joint statement, 21 October 2021 (graphical industry)
FEPORT, ESPO and ETF, Joint statement “Market based and technological developments in the shipping sector and technological innovation represent major challenges for the port sector”, 24 June 2019 (ports)
AMICE, BIPAR, Insurance Europe and UNI Europa, Follow-up statement on the social effects of digitalization, 15 February 2019 (insurance)
IRU and ETF, Joint statement from Social partners for better regulation and digital enforcement, 7 December 2018 (road transport)
EBF-FBE and UNI Europa, Joint Declaration on the Impact of Digitalisation on Employment, 30 November 2018 (banking)
CEPI and IndustriAll, A social partner resolution addressing the ongoing digitalisation in the European pulp and paper sector and its potential impact on industry and employment, 6 July 2018 (paper industry)
CEEMET and IndustriAll, The impact of digitalisation on the world of work in the metal, engineering and technology-based industries, 8 December 2016 (metal industry)
AMICE, BIPAR, Insurance Europe and UNI Europa, Joint declaration on the social effects of digitalisation by the European social partners in the insurance sector, 12 October 2016 (Insurance)
EPSU and CEMR, Joint Declaration on the opportunities and challenges of digitalisation in local and regional administration, 11 December 2015 (local and regional administration)
(1) Based on the European Commission EU social dialogue texts database, the European Trade Union Institute (ETUI) EU Social Dialogue texts database (not yet publicly available) and own research.
ANNESS II
L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew talinqas kwart tal-voti (Artikolu 43(2) tar-Regoli ta’ Proċedura):
Punt 1.14 (marbut ma’ 5.8)
Ibdel it-test kif ġej:
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni:
|
Favur: |
109 |
|
Kontra: |
130 |
|
Astensjonijiet: |
14 |
Punt 4.1.1
Ibdel it-test kif ġej:
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni:
|
Favur: |
111 |
|
Kontra: |
120 |
|
Astensjonijiet: |
18 |
Punt 5.8 (marbut ma’ 1.14)
Ibdel it-test kif ġej:
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni:
|
Favur: |
109 |
|
Kontra: |
130 |
|
Astensjonijiet: |
14 |
(15) It-telexogħol fis-seklu 21, ILO, 2019, p. 298.