Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE5706

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej” (COM(2017) 481 final — 2017/0219 (COD))

    ĠU C 129, 11.4.2018, p. 96–97 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.4.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 129/96


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej”

    (COM(2017) 481 final — 2017/0219 (COD))

    (2018/C 129/16)

    Relatur:

    Sir Graham WATSON

    Korelaturi:

    Anne DEMELENNE

    Stéphane BUFFETAUT

    Konsultazzjoni

    Kunsill tal-Ministri, 11.10.2017

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Deċiżjoni tal-Bureau

    Grupp ta’ abbozzar, 17.10.2017

    Adottata fis-sessjoni plenarja

    7.12.2017

    Sessjoni plenarja Nru

    530

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    141/0/5

    1.

    Il-KESE, l-istess bħall-Kummissjoni, jenfasizza li d-demokrazija hija wieħed mill-valuri fundamentali tal-UE u li l-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet politiċi għandhom rwol essenzjali x’jaqdu f’demokrazija rappreżentattiva, kif rikonoxxut fl-Artikolu 10 tat-TUE u l-Artikolu 12(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

    2.

    Il-Kumitat jirrikonoxxi li r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għen fil-proċess biex jiżdiedu l-viżibilità, ir-rikonoxximent, l-effettività, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi affiljati magħhom; iżda jaqsam mal-Kummissjoni l-fehma li fadal xi jsir biex tiżdied il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, tissaħħaħ l-inklużività tal-elezzjonijiet u d-dimensjoni Ewropea tad-dibattitu politiku, jiġu enfasizzati l-affiljazzjonijiet bejn il-partiti nazzjonali u Ewropej u tiġi promossa r-responsabbilità politika.

    3.

    Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li, minkejja l-progress li sar permezz tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, ir-regoli eżistenti għandhom lakuni li jridu jiġu indirizzati u jinnota s-sejħa tal-Parlament Ewropew (2017/2733 (RSP)) għal titjib u aġġustamenti tar-regoli.

    4.

    Il-Kumitat jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni għal emendi għar-Regolament dwar min jista’ jisponsorja r-reġistrazzjoni ta’ partit politiku Ewropew, il-proporzjonalità tal-finanzjament tal-UE, il-limitu ta’ aċċess għal tali finanzjament, l-osservanza tal-kriterji ta’ reġistrazzjoni u l-irkupru ta’ fondi li jkunu ntefqu ħażin.

    5.

    Il-Kumitat jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħmel il-programmi elettorali tal-partiti politiċi fil-livell Ewropew aċċessibbli b’mod iżjed faċli għaċ-ċittadini. Huwa għandu xi dubji, madankollu, dwar il-punt 3a l-ġdid propost li jiżdied mal-Artikolu 18 tar-Regolament. Dan il-punt jesiġi li partit politiku Ewropew għandu jinkludi fl-applikazzjoni tiegħu evidenza li turi li l-partiti membri tiegħu ppubblikaw kontinwament fis-siti web tagħhom, matul it-12-il xahar li jippreċedu l-mument li fih issir l-applikazzjoni, il-programm politiku u l-logo tal-partit politiku Ewropew kif ukoll l-informazzjoni, fir-rigward ta’ kull wieħed mill-partiti membri tiegħu, dwar ir-rappreżentanza tal-ġeneri fost il-kandidati tiegħu fl-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u fost l-MEPs.

    6.

    Il-Kumitat jistaqsi b’mod partikolari kif ser jiġi infurzat l-ewwel rekwiżit, kif jista’ japplika għal partiti ġodda li qed joħorġu fl-Istati Membri, u kif jista’ japplika jekk il-partiti politiċi Ewropej idumu biex jadottaw il-programmi politiċi tagħhom; u ’il għala t-tieni rekwiżit jiffoka biss fuq il-ġeneru u mhux, pereżempju, fuq kriterji ta’ razza, ta’ etniċità jew ta’ lingwa.

    7.

    Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda lill-Kummissjoni li t-tul ta’ żmien li matulu l-programm għandu jkun disponibbli fis-siti web tal-partiti għandu jitnaqqas minn tnax-il xahar għal tliet xhur u li l-informazzjoni dwar id-diversità tal-kandidati fil-listi elettorali ma tkunx biss obbligata li turi l-għadd relattiv ta’ rġiel u nisa iżda wkoll l-oriġini etnika u d-diversità lingwistika.

    8.

    Barra minn hekk, il-KESE għal darb’oħra jiġbed l-attenzjoni għall-inugwaljanza li dejjem qed tikber fit-trattament bejn il-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, minn naħa waħda, u l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet Ewropej b’għanijiet aktar ġenerali (eż. ekonomiċi, soċjali, umanitarji, kulturali, ambjentali jew sportivi, eċċ.) min-naħa l-oħra.

    9.

    Il-Kumitat għal darb’oħra jilmenta dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, għadd ta’ snin ilu, li tirtira l-abbozz ta’ statut għal assoċjazzjoni Ewropea: l-ostakli għar-reġistrazzjoni ta’ kumpaniji bi statuti Ewropej u għal darb’oħra jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta fil-futur qrib Regolament Ewropew ekwivalenti dwar l-istatut u l-finanzjament ta’ assoċjazzjonijiet Ewropej li mhumiex affiljati ma’ partiti politiċi.

    Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2017.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    Top