This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52017AE3013
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — An Action Plan for nature, people and the economy’ (COM(2017) 198 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni għan-natura, għaċ-ċittadini u għall-ekonomija” (COM(2017) 198 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni għan-natura, għaċ-ċittadini u għall-ekonomija” (COM(2017) 198 final)
ĠU C 129, 11.4.2018, p. 90–95
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
11.4.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 129/90 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni għan-natura, għaċ-ċittadini u għall-ekonomija”
(COM(2017) 198 final)
(2018/C 129/15)
Relatur: |
Lutz RIBBE |
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 31.5.2017 |
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
25.4.2017 |
|
|
Sezzjoni responsabbli |
Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
Adottata fis-sezzjoni |
21.11.2017 |
Adottata fis-sessjoni plenarja |
6.12.2017 |
Sessjoni plenarja Nru |
530 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
157/5/6 |
1. Sommarju tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-KESE
1.1. |
Il-KESE jilqa’ b’mod ġenerali r-riżultati tal-kontroll tal-idoneità tad-Direttivi dwar in-Natura. Dawn jindikaw li d-Direttivi qed iwettqu l-għan tagħhom bħala l-pedamenti ta’ politika usa’ tal-bijodiversità, iżda l-implimentazzjoni tagħhom għandha tittejjeb b’mod sostanzjali. |
1.2. |
Għalkemm kull waħda mill-15-il miżura proposta tal-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid hija utli, il-pjan joħloq konfużjoni peress li għadu mhux ċar kif huwa relatat mal-istrateġija attwali għall-bijodiversità, speċjalment peress li ħafna mill-kontenut tiegħu huwa dupplikazzjoni u ftit biss huma l-elementi l-ġodda. Il-Kumitat iqis li kien ikun aktar utli li tiġi evalwata, u fejn meħtieġ, tittejjeb l-istrateġija attwali għall-bijodiversità. |
1.3. |
Il-problema deċiżiva għas-suċċess ta’ politika tal-bijodiversità hija li, għas-sidien u l-utenti tal-artijiet, il-miżuri għall-promozzjoni jew iż-żamma tal-bijodiversità fil-biċċa l-kbira llum il-ġurnata jirrappreżentaw fattur ewlieni tal-ispejjeż pjuttost milli sors ta’ dħul. Il-miżuri tal-bijodiversità – kemm jekk jiġu implimentati fi ħdan iż-żoni tan-Natura 2000 jew ’il barra minnhom – għandhom jagħmlu sens ekonomiku għal dawk li għandhom jimplimentawhom. M’għandhomx u ma jistgħux jitwettqu għad-detriment tagħhom. L-ebda programm introdott mill-UE u l-Istati Membri sal-lum il-ġurnata ma kien kapaċi jsolvi b’mod effettiv din id-dilemma fundamentali; u sfortunatament lanqas il-Pjan ta’ Azzjoni, fejn issir referenza qawwija għal sitwazzjonijiet li minnhom igawdi kulħadd, ma joffri approċċi utli. |
1.4. |
In-nuqqas ta’ finanzjament mhuwiex biss problema ewlenija biex jintlaħqu l-objettivi miftiehma tal-bijodiversità iżda huwa wkoll sintomu tal-falliment tal-politika Ewropea. Jiġu deċiżi liġijiet li jinvolvu spejjeż, però ma jintlaħaq l-ebda ftehim dwar min għadu jħallas u dwar kif għandhom jiġu koperti dawn l-ispejjeż. |
1.5. |
Madankollu, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tal-UE twettaq estrapolazzjoni aġġornata tal-ispejjeż tan-netwerk tan-Natura 2000. Fil-fehma tal-KESE, l-ispejjeż li dejjem jissemmew ta’ EUR 6,1 biljun bħala l-ħtiġijiet finanzjarji tan-netwerk tan-Natura 2000 mhumiex adegwati u l-ħtieġa attwali x’aktarx hija d-doppju jew it-triplu ta’ dan l-ammont. |
1.6. |
Il-KESE għalhekk jemmen li huwa indispensabbli li tiġi stabbilita strateġija fit-tul biex jiġu koperti l-bżonnijiet ta’ finanzjament tal-politika dwar il-bijodiversità (1). Il-kuntest adatt għal dan huwa d-dibattitu dwar il-perspettivi finanzjarji għal wara l-2021, iżda la l-Pjan ta’ Azzjoni u lanqas l-approċċi stabbiliti fid-Dokument ta’ Riflessjoni dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE (2) ma jindikaw li s-sitwazzjoni tista’ tittejjeb b’mod sinifikanti. |
1.7. |
Il-KESE jilqa’ bi pjaċir li l-Kummissjoni Ewropea trid tkompli tiżviluppa l-istrateġija dwar l-infrastruttura ekoloġika fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni. Anke fid-dawl ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kumitat jirrimarka li l-ebda pjan ta’ azzjoni mingħajr finanzjament ma jista’ jwassal għal tibdil. |
2. Kuntest tal-Opinjoni
2.1. |
L-UE adottat l-ewwel strateġija dwar il-bijodiversità (3) fl-1998 biex jitwaqqaf it-telf ta’ speċijiet ta’ annimali u pjanti selvaġġi u l-ħabitats tagħhom. L-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli (l-Istrateġija ta’ Göteborg), li ġiet adottata fl-2001, stabbilixxiet objettivi ċari fir-rigward tal-bijodiversità, jiġifieri li jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità fl-UE sal-2010 u li jiġu restawrati l-ħabitats u l-ekosistemi naturali. |
2.2. |
Dan kien segwit b’aktar miżuri inkluż Pjan ta’ Azzjoni tal-Bijodiversità (4) fl-2001, u Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Bijodiversità ieħor f’Mejju 2006 (5), li l-kontenut tiegħu kien prattikament l-istess. |
2.3. |
Meta ħareġ fid-dieher li l-objettiv deċiż u mwiegħed ma setax jinkiseb, ġiet adottata “Strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020” ġdida (6), abbażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Alternattivi għal viżjoni Ewropea u mira għall-bijodiversità wara l-2010” (7). Din essenzjalment reġgħet saħqet fuq ir-rakkomandazzjonijiet u l-istrumenti tal-pjani ta’ azzjoni preċedenti u ressqet sas-sena 2020 il-mira li oriġinarjament kienet għas-sena 2010. |
2.4. |
L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-istrateġija għall-bijodiversità, li tinkludi 6 objettivi individwali definiti b’mod ċar b’total ta’ 20 miżura, tat riżultati diżappuntanti ħafna u kkonkludiet li l-isforzi għall-protezzjoni tal-ambjent naturali għandhom jiżdiedu b’mod drammatiku sabiex jinkiseb l-objettiv il-ġdid li jitwaqqaf għalkollox it-telf tal-bijodiversità sal-2020 u jiġi żgurat ir-restawr tal-ħabitats mitlufa. |
2.5. |
Il-KESE esprima l-opinjoni tiegħu dwar dawn it-testi kollha, u essenzjalment kellu l-istess pożizzjoni kritika li:
|
2.6. |
Madankollu, il-Kummissjoni Juncker iddeċidiet tirrevedi d-Direttivi dwar in-Natura bħala parti mill-programm REFIT tagħha. Ir-riżultat ikkonferma l-opinjoni tal-KESE, u anke l-Kunsill Ambjent iddikjara li “bħala pilastru ta’ politika usa’ tal-UE dwar il-bijodiversità, id-Direttivi dwar in-Natura huma adatti għal dan il-għan iżda l-kisba tal-objettivi tagħhom u l-potenzjal sħiħ tagħhom ikunu jistgħu jintlaħqu biss billi titjieb l-implimentazzjoni tagħhom b’mod sostanzjali” (9). |
2.7. |
B’reazzjoni għar-riżultati tal-programm REFIT, il-Kummissjoni ppreżentat “Pjan ta’ Azzjoni għan-natura, għaċ-ċittadini u għall-ekonomija” (10), li huwa s-suġġett ta’ din l-opinjoni. |
3. Kummenti ġenerali dwar il-Pakkett ta’ Azzjoni
3.1. |
Il-Pjan ta’ Azzjoni jibda b’deskrizzjoni aġġornata tal-istat ħażin ferm ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet u l-ħabitats, li fir-realtà misshom ilhom protetti għal ħafna snin fil-qafas tad-Direttivi dwar in-Natura tal-1979 jew tal-1992. “Fost il-fatturi ewlenin li qed jikkawżaw in-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni hemm il-limitazzjonijiet fir-riżorsi, id-dgħjufijiet fl-infurzar, in-nuqqas ta’ integrazzjoni tal-għanijiet tan-natura f’oqsma oħra tal-politika, in-nuqqas ta’ għarfien biżżejjed u n-nuqqas ta’ aċċess għad-dejta, id-dgħjufijiet fil-komunikazzjoni, u n-nuqqas ta’ involviment tal-partijiet konċernati. Minbarra dan, dawk li jimplimentaw id-Direttivi, l-aktar fil-livell reġjonali u lokali, xi minn daqqiet ma jkollhomx għarfien biżżejjed dwar ir-rekwiżiti tad-Direttivi jew dwar il-flessibbiltà u l-opportunitajiet li dawn joffru. Dan iwassal għal tensjonijiet bejn il-protezzjoni tan-natura u l-attività ekonomika.” |
3.2. |
Il-Pjan ta’ Azzjoni għandu l-għan li “titjieb l-implimentazzjoni tad-Direttivi, tiżdied il-koerenza tagħhom mal-għanijiet soċjoekonomiċi, u jissaħħaħ l-impenn mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, il-partijiet konċernati u ċ-ċittadini”. |
3.3. |
Peress li d-Direttivi għandhom dimensjoni territorjali b’saħħitha u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni fl-implimentazzoni ta’ dawn id-Direttivi, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ġie involut mill-qrib fit-tħejjija ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni u se jkollu wkoll rwol essenzjali fil-ħidma mal-awtoritajiet reġjonali u lokali u s-sensibilizzazzjoni tagħhom. |
3.4. |
Il-pjan ta’ azzjoni għandu skeda ta’ żmien qasira. Il-Kummissjoni ser toħroġ rapport dwar “ir-riżultati” qabel tmiem il-mandat attwali tagħha fl-2019. Fil-fehma tal-Kumitat dan huwa ambizzjuż ħafna biss biss għaliex il-Kummissjoni ma tipprovdix għal riżorsi umani addizzjonali biex timplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni. |
3.5. |
Il-Pjan ta’ Azzjoni jidentifika 4 oqsma prijoritarji b’total ta’ 15-il azzjoni konkreta:
|
4. Kummenti speċifiċi tal-KESE dwar il-Pjan ta’ Azzjoni
4.1. |
Il-KESE jilqa’ r-riżultat tal-kontroll tal-idoneità li jikkonferma l-opinjoni attwali tiegħu. Għadd kbir ta’ partijiet interessati kienu involuti fil-kontroll tal-idoneità. Dan juri li l-politika tal-UE dwar il-bijodiversità hija kwistjoni li tiġbed l-interess ta’ sezzjoni kbira tal-popolazzjoni u li għandha impatt dirett fuq xi partijiet interessati u qed tiġi diskussa b’mod intensiv. |
4.2. |
Għalkemm kull waħda mill-15-il miżura individwali tal-Pjan ta’ Azzjoni fiha nnifisha tista’ tikkontribwixxi għat-titjib tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni attwali dwar il-protezzjoni tan-natura, il-KESE huwa xi ftit konfuż dwar il-fatt li l-Kummissjoni ppreżentat pjan ġdid. Fil-fehma tal-KESE kien ikun aktar utli li tiġi evalwata l-istrateġija tal-bijodiversità eżistenti bis-6 miri individwali u l-20 azzjoni konkreta tagħha, titwettaq u tiġi ppubblikata analiżi dettaljata tal-punti dgħajfa tagħha u, abbażi ta’ din l-analiżi, eventwalment jiżdiedu miżuri addizzjonali fl-istrateġija attwali. Il-preżentazzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni ġdid issa toħloq konfużjoni peress li għadu mhux ċar għalkollox kif inhu relatat mal-istrateġija attwali għall-bijodiversità, peress li xi miżuri individwali tal-Pjan ta’ Azzjoni (eż. il-prijoritajiet B u C) ilhom is-snin fil-programmi tal-UE dwar il-bijodiversità u fuq l-aġenda politika u għad iridu jiġu implimentati. |
4.3. |
Il-KESE diġà nnota li l-għadd kbir ta’ programmi u strateġiji joħloq biss konfużjoni u tista’ tingħata l-impressjoni li ż-żieda ta’ aktar programmi, pjani jew strateġiji ġodda huwa mod kif nagħmlu tabirruħna li qed nieħdu azzjoni filwaqt li fir-realtà ftit li xejn isir titjib. |
4.4. |
Fil-fatt, fit-titolu tal-istqarrija għall-istampa tagħha dwar il-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni Ewropea diġà tistqarr li ser tgħin lir-reġjuni “jiddefendu l-bijodiversità u jgawdu l-benefiċċji ekonomiċi tal-ħarsien tan-natura”. Il-KESE japprezza li l-Pjan ta’ Azzjoni ma jindirizzax “biss” in-natura/il-bijodiversità, iżda jittratta wkoll l-interazzjoni bejn il-bniedem, in-natura u l-attivitajiet ekonomiċi. Dan juri li l-politika tal-bijodiversità tmur lil hinn mill-obbligu etiku u morali biex jiġu protetti l-ispeċijiet u l-ħabitats u huwa wkoll konsistenti mal-kummenti tal-KESE tul dawn l-aħħar snin. |
4.5. |
F’ħafna reġjuni tal-Ewropa ilu żmien li ġew żviluppati ideat dwar kif in-nies jistgħu jibbenefikaw mill-kapital naturali. Pereżempju, hemm konnessjoni ovvja bejn it-turiżmu u l-pajsaġġi varjati, multipli u rikki fil-bijodiversità. Hemm ukoll rikonoxximent dejjem akbar li s-servizzi tal-ekosistema, li mhumiex biss provduti fis-siti tan-Natura 2000, jippromovu l-benesseri komuni. |
4.6. |
Il-problema deċiżiva madankollu hija li l-miżuri għall-promozzjoni jew iż-żamma tal-bijodiversità fil-biċċa l-kbira illum il-ġurnata jirrappreżentaw fattur ewlieni tal-ispejjeż pjuttost milli sors ta’ dħul għas-sidien u l-utenti tal-artijiet. Filwaqt li d-diversità naturali kienet tkun kważi prodott sekondarju tal-agrikoltura estensiva, issa nħoloq kunflitt klassiku fl-użu tal-art li faqqa’ fost affarijiet oħra mill-ambjent ekonomiku diffiċli li qed jiffaċċjaw il-bdiewa u l-forestiera. |
4.7. |
Il-miżuri tal-bijodiversità — kemm jekk jiġu implimentati fi ħdan iż-żoni tan-Natura 2000 jew ’il barra minnhom — għandhom jagħmlu sens ekonomiku għal dawk li għandhom jimplimentawhom. M’għandhomx u ma jistgħux jitwettqu għad-detriment tagħhom. L-ebda programm introdott mill-UE u l-Istati Membri sal-lum il-ġurnata ma kien kapaċi jsolvi b’mod effettiv din id-dilemma fundamentali; u sfortunatament lanqas il-pjan ta’ azzjoni, fejn issir referenza qawwija għal sitwazzjonijiet li minnhom igawdi kulħadd, ma joffri approċċi utli. |
4.8. |
Anke dawk il-miżuri li kienu neqsin mill-istrateġiji preċedenti dwar il-bijodiversità u ġew introdotti fil-Pjan ta’ Azzjoni mhux ser ibiddlu dan il-fatt: l-ebda kampanja ta’ sensibilizzazzjoni, tajba kemm tkun, l-ebda impenn pubbliku, elaborat kemm ikun, l-ebda gwida mtejba u saħansitra lanqas id-dikjarazzjoni tal-21 ta’ Mejju bħala l-Ġurnata Ewropea tan-Natura 2000 — ilkoll miżuri ġodda introdotti fil-Pjan – mhux ser ikunu effettivi sakemm il-kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma jkunux tajbin. Il-KESE jemmen li jinħtieġ aktar titjib f’dan ir-rigward u għandu jiġi allokat finanzjament adegwat għan-netwerk tan-Natura 2000 fil-qafas tal-programm finanzjarju l-ġdid fil-perjodu medju sa mill-2021; għandu jiġi provdut biżżejjed persunal għall-awtoritajiet li jamministrawh, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak tal-Istati Membri. |
5. Id-dilemma tan-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji
5.1. |
Sa mill-bidu tal-istabbiliment tan-netwerk Natura 2000, is-sidien u l-utenti tal-art diġà ġew imwiegħda li pereżempju jirċievu tal-anqas kumpens finanzjarjau adatt jekk jintlaqtu finanzjarjament ħażin b’riżultat tal-miżuri jew l-obbligi relatati mas-siti tan-Natura 2000. Fil-Valutazzjoni tal-2010 tal-Implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Bijodiversità tagħha (11), il-Kummissjoni tirreferi għall-iżgurar ta’ biżżejjed riżorsi ta’ finanzjament bħala wieħed minn erba’ miżuri ta’ appoġġ ewlenin. Tinnota, madankollu, li “[h]uma biss 20 % tal-ħtiġijiet tal-finanzjament totali għall-ġestjoni taż-żoni protetti, inkluż in-netwerk ta’ Natura 2000 fl-Ewropa, li qegħdin jiġu ssodisfati. Fl-2004, kien stmat li l-ġestjoni ta’ Natura 2000 kienet teħtieġ investiment ta’ € 6,1 biljun fis-sena għall-UE-25”. Dan ifisser li hemm lakuna finanzjarja annwali ta’ aktar minn EUR 5 biljun. |
5.2. |
Il-kalkoli aktar reċenti tal-ispiża tal-ġestjoni tas-siti tan-Natura 2000 jissuġġerixxu li jinħtieġu konsiderevolment ħafna aktar riżorsi. Il-Länder tal-Ġermanja jistmaw li annwalment jinħtieġu madwar EUR 1 417 biljun għan-netwerk terrestri tan-Natura 2000 fil-Ġermanja, li jfisser medja ta’ EUR 175 għal kull ettaru. L-estrapolazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż għal kull ettaru għan-netwerk terrestri tan-Natura 2000 madwar l-UE tirriżulta fi ħtieġa annwali ta’ finanzjament għall-UE-28 ta’ madwar EUR 21 biljun. Dan ma jinkludix l-ispejjeż tas-siti marini tan-Natura 2000. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tal-UE twettaq estrapolazzjoni aġġornata tal-ispejjeż tan-netwerk kollu tan-Natura 2000. |
5.3. |
In-nuqqas ta’ fondi għall-ġestjoni tan-netwerk tan-Natura 2000 mhuwiex biss problema ewlenija biex jintlaħqu l-miri tal-bijodiversità miftiehma, imma huwa iktar sintomu ta’ funzjonament ħażin tal-politika Ewropea. Jiġu deċiżi liġijiet li jinvolvu spejjeż, però fl-istess ħin ma jintlaħaq l-ebda ftehim dwar min għadu jħallas u dwar kif għandhom jiġu koperti dawn l-ispejjeż. In-nuqqas ta’ koerenza bejn il-liġijiet tal-UE u l-baġit tal-UE huwa s-sors ewlieni tal-problemi fil-qasam tal-protezzjoni tal-bijodiversità fl-Ewropa. |
5.4. |
Anke l-Pjan ta’ Azzjoni ma jinkludi l-ebda bidla fil-baġit tal-UE. Dan jinftiehem għalkollox peress li ninsabu f’nofs il-perjodu finanzjarju 2014-2020; iżda jfisser li l-problemi tal-protezzjoni tal-bijodiversità ma jistgħux jiġu solvuti b’dan il-mod mill-Pjan ta’ Azzjoni. |
5.5. |
L-unika miżura finanzjarja mħabbra fil-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid hija żieda ta’ 10 % fil-baġit tal-programm LIFE għall-proġetti li jippromovu l-protezzjoni tan-natura u l-bijodiversità. Dan għandu jkollu impatt newtrali fuq il-baġit, jiġifieri l-baġit totali tal-LIFE għandu jibqa’ fl-istess livell, u b’hekk se jkollu jiġi kkumpensat permezz ta’ tnaqqis fil-finanzjament għal miżuri oħra tal-LIFE. Bejn l-2014 u l-2017, madwar EUR 610 miljun kienu disponibbli fil-qafas tal-baġit tal-LIFE għall-qasam prijoritarju “Natura u Bijodiversità”. Għaldaqstant, żieda ta’ 10 % tammonta għal EUR 15-il miljun fis-sena. |
5.6. |
Għaldaqstant, il-Kummssjoni għandha raġun issemmi wkoll “[i]s-sinerġiji mal-PAK” b’rabta mal-prijorità C tal-Pjan ta’ Azzjoni (Inqawwu l-investiment f’Natura 2020 u nkattru s-sinerġiji mal-istrumenti ta’ finanzjamet tal-UE), kif ukoll iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni tal-opportunitajiet ta’ finanzjament fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni u l-politika komuni tas-sajd, u l-istabbiliment ta’ linji gwida għall-promozzjoni tal-“infrastruttura ekoloġika”. Madankollu l-ebda waħda minn dawn mhuma miżuri jew proposti ġodda, iżda punti li ilhom ħafna fuq l-aġenda politika u ilhom meħtieġa għal żmien twil. Jissemmew fil-programmi u l-pjani ta’ azzjoni preċedenti iżda ma sar l-ebda progress fir-rigward tagħhom tul dawn l-aħħar snin. |
5.7. |
Għaldaqstant, jeħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi strateġija fit-tul għall-finanzjament tal-politika dwar il-bijodiversità (12). Il-KESE jqis li d-diskussjoni li se titnieda issa dwar il-perspettiva finanzjarja hija l-qafas li fi ħdanu għadhom jitqajmu l-kwistjonijiet rilevanti. L-esperjenza turi li l-proġetti ta’ kooperazzjoni bejn ir-reġjuni, l-organizzazzjonijiet għall-ħarsien tan-natura kif ukoll il-bdiewa u l-forestiera biex jiġu implimentati l-miżuri tan-Natura 2000 jistgħu jaħdmu estremament tajjeb jekk ikunu biżżejjed attraenti mil-lat finanzjarju. Madankollu, la l-pjan ta’ azzjoni u lanqas l-approċċi stabbiliti fid-Dokument ta’ Riflessjoni dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE (13) ma jindikaw li s-sitwazzjoni tista’ tittejjeb b’mod sinifikanti. |
5.8. |
Il-KESE jilqa’ bi pjaċir li l-Kummissjoni Ewropea trid tkompli tiżviluppa l-istrateġija dwar l-infrastruttura ekoloġika fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni. Anke fid-dawl ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kumitat jirrimarka li l-ebda pjan ta’ azzjoni mingħajr finanzjament ma jista’ jwassal għal tibdil. F’dan ir-rigward, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ambjent tad-19 ta’ Ġunju 2017, fejn il-Kummissjoni Ewropea tħeġġet tkompli tiżviluppa l-proposta għal netwerk trans-Ewropew għal infrastruttura ekoloġika (TEN-G). |
5.9. |
Il-Kumitat għalhekk jirreferi għall-opinjoni tiegħu li ġiet adottata dan l-aħħar dwar “L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm LIFE” (14) fejn irrakkomanda li “l-programm LIFE għandu jsir strument ewlieni għall-finanzjament tan-netwerk Natura 2000. L-approċċ li ntgħażel, li jagħti prijorità lill-iffinanzjar tan-netwerk Natura 2000 primarjament mill-Fondi tal-UE għall-Iżvilupp Reġjonali, kif ukoll fuq it-tieni pilastru tal-Politika Agrikola Komuni, għandu jiġi kkunsidrat bħala inadegwat. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jirreferi għall-Opinjoni tiegħu (15) u jitlob li jkun hemm żieda korrispondenti allokata għall-programm LIFE. Għandha tingħata kunsiderazzjoni lill-koerenza tal-miżuri kollha ta’ appoġġ, għaldaqstant għandu jiġi evitat finanzjament kuntrarju jew doppju minn fondi oħra tal-UE. |
5.10. |
Il-pjan ta’ azzjoni jipprevedi komunikazzjoni aħjar, is-sensibilizzazzjoni u l-involviment taċ-ċittadini, il-partijiet interessati u l-komunitajiet u l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Sabiex jinkiseb dan l-għan fost affarijiet oħra se tiġi stabbilita “pjattaforma” mal-Kumitat tar-Reġjuni. Il-KESE jilqa’ dan bi pjaċir u jemmen bis-sħiħ li integrazzjoni aktar b’saħħitha tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tista’ tkun biss ħaġa pożittiva għall-implimentazzjoni. |
5.11. |
Il-KESE jinnota bi pjaċir li l-Kummissjoni żviluppat u beħsiebha timplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-KtR. Min-naħa tiegħu, huwa joffri l-appoġġ tiegħu għax jikkunsidra li anke l-awtoritajiet lokali u reġjonali jista’ jkollhom suċċess limitat biss mingħajr l-impenn u l-aċċettazzjoni tas-soċjetà ċivili. |
Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2017.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-politika tal-UE dwar il-bijodiversità”, ĠU C 487, 28.12.2016, p. 14u dwar l-“Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm LIFE”, ĠU C 173, 31.5.2017, p. 7).
(2) COM(2017) 358 tat-28 ta’ Ġunju 2017.
(3) COM(1998) 42 final (Mhux disponibbli bil-Malti).
(4) COM(2001) 162 final.
(5) COM(2006) 216 final (Mhux disponibbli bil-Malti).
(6) COM(2011) 244 final.
(7) COM(2010) 4 final.
(8) Opinjoni tal-KESE dwar “L-assigurazzjoni ta’ ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020”, ĠU C 24, 28.1.2012, p. 111.
(9) Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ambjent tad-19 ta’ Ġunju 2017.
(10) COM(2017) 198 final tas-27 ta’ April 2017.
(11) COM(2010) 548, p. 13.
(12) Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-politika tal-UE dwar il-bijodiversità”, ĠU C 487, 28.12.2016, p. 14 u dwar l-“Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm LIFE”, ĠU C 173, 31.5.2017, p. 7).
(13) COM(2017) 358 tat-28 ta’ Ġunju 2017
(14) Opinjoni tal-KESE, “Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm LIFE”, ĠU C 173, 31.5.2017, p. 7.
(15) Ara wkoll l-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-politika tal-UE dwar il-bijodiversità”, ĠU C 487, 28.12.2016, p. 14.