EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE3128

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Inizjattiva għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu fil-Baħar Mediterran tal-Punent” [COM(2017) 183]

ĠU C 129, 11.4.2018, p. 82–89 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 129/82


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Inizjattiva għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu fil-Baħar Mediterran tal-Punent”

[COM(2017) 183]

(2018/C 129/14)

Relatur:

Dimitris DIMITRIADIS

Konsultazzjoni

Kummissjoni, 31.5.2017

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

REX

Adottata fis-sezzjoni

7.11.2017

Adottata fil-plenarja

6.12.2017

Sessjoni plenarja Nru

530

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

159/1/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-evoluzzjoni sostenibbli b’mod soċjali u ambjentali tal-baċiri tal-baħar u ż-żoni kostali, li tagħmel tajjeb għad-disparitajiet eżistenti u tiżgura l-konservazzjoni tad-diversità kulturali u l-bijodiversità, hija ta’ importanza enormi. Barra minn hekk, hija waħda mill-oqsma l-aktar privileġġjati għall-istabbiliment ta’ skemi għal kooperazzjoni transnazzjonali, fl-UE u barra mill-UE. F’dak is-sens, il-KESE jappoġġja b’mod sħiħ l-inizjattiva speċifika għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu fil-Baħar Mediterran tal-Punent u jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej jikkonkludu ċ-ċiklu ta’ konsultazzjoni u jistabbilixxu t-Task Force rilevanti.

1.2

Il-KESE jikkunsidra li s-suċċess ta’ din l-inizjattiva jirrikjedi komunikazzjoni tajba u klima ta’ kooperazzjoni xierqa bejn l-Istati involuti fiha u, it-tieni, l-istituzzjonijiet Ewropej. L-Unjoni għall-Mediterran (UgħM) hija mistiedna li jkollha rwol importanti fil-konnessjoni b’mod effiċjenti tal-partijiet kollha involuti.

1.3

Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-inizjattiva tiġi estiża b’dawn it-tliet modi:

1.3.1

Minbarra l-oqsma ta’ azzjoni magħżula fl-inizjattiva speċifika – (1) spazju marittimu aktar sikur, (2) ekonomija blu intelliġenti u reżiljenti u l-fokus fuq l-iżvilupp tal-ħiliet, ir-riċerka u l-innovazzjoni, (3) governanza aħjar tal-baħar – il-KESE jissuġġerixxi twessigħ tematiku ulterjuri tal-inizjattiva fil-bijodiversità u l-konservazzjoni u l-komunikazzjoni interkulturali, kif ukoll strateġija aktar konkreta għall-appoġġ ta’ attivitajiet produttivi żgħar u żgħar ħafna (bħala skala).

1.3.2

Barra minn hekk, il-KESE jaħseb li tkun ta’ importanza kbira li tiġi inkluża l-evoluzzjoni progressiva ta’ sistemi ta’ edukazzjoni vokazzjonali u akkademiċi u l-kooperazzjoni transnazzjonali bejniethom bħala qasam orizzontali ta’ intervent, filwaqt li tissaħħaħ l-effikaċja tal-oqsma l-oħra tal-ekonomija blu. F’dak is-sens, għandu jiġi adottat l-approċċ tal-istrateġija makroreġjonali.

1.3.3

Is-sikurezza marittima (trasport), kwistjonijiet ta’ sigurtà, it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-konservazzjoni kulturali u ambjentali mhux se jiġu mmaniġġjati b’mod effiċjenti għal perjodu fit-tul jekk ma nikkunsidrawx il-fatt li l-Mediterran huwa unità storika, ekonomika u ambjentali (1). Għalhekk, għalkemm it-tensjonijiet ġeopolitiċi qawwija u l-iggravar tal-kunflitti fil-parti tal-Lvant tal-baċir tal-baħar jispjegaw għaliex l-inizjattiva qed tinbeda fil-Baħar Mediterran tal-Punent, din għandha tiġi mifhuma bħala applikazzjoni pilota li tista’ tipprovdi esperjenzi utli u l-aħjar prattiki, li għandha tiġi estiża f’approċċ Mediterran olistiku (ara wkoll il-punti 3.3, 3.4 u 3.5).

1.4

Il-KESE jantiċipa li s-suċċess tal-inizjattiva se jirrikjedi grad għoli ta’ koordinazzjoni transnazzjonali u trażversali. Il-politiki u l-programmi għall-Mediterran implimentati tul dawn l-aħħar għoxrin sena kellhom riżultati ħżiena u ħallew ammonti enormi ta’ fondi mingħajr ma ntużaw, minħabba l-attitudnijiet differenti u n-nuqqas ta’ koordinazzjoni effettiva bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi f’pajjiżi tal-Mediterran mhux tal-UE, u minħabba li f’xi każijiet, il-burokrazija, moħbija wara l-iskuża tat-trasparenza, ħolqot ostakoli eċċessivi għall-użu ta’ fondi eżistenti. Dan jimplika l-ħtieġa għal sottoproġett ta’ assistenza teknika li jkopri l-kwistjonijiet li ġejjin:

1.4.1

Analiżi komparattiva bir-reqqa li tidentifika l-oqsma dduplikati fl-għadd kbir ta’ inizjattivi eżistenti b’fokus simili (jekk mhux identiku) (ara l-punti 3.9 u 3.10), sabiex jiġu ffrankati r-riżorsi u msaħħa l-eżiti finali. Il-KESE jenfasizza r-riskju li l-implimentazzjoni tal-inizjattiva ddum biex tibda jew anke kkanċellata, jekk ma jkun hemm l-ebda definizzjoni ċara tal-għanijiet fil-perjodu medju u fit-tul u/jew l-ebda definizzjoni speċifika tal-kompetenzi tal-korpi u l-istituzzjonijiet parteċipatorji.

1.4.2

Pjan regolatorju operazzjonali, li jiddefinixxi l-kompetenzi tat-Task Force għall-ekonomija blu, l-istrumenti organizzazzjonali/amministrattivi speċifiċi, rwoli distinti għall-istituzzjonijiet reġjonali, nazzjonali u internazzjonali involuti, flimkien ma’ skeda ta’ żmien speċifikata sew (ara wkoll il-punti 4.5 u 4.6). Minħabba li l-istituzzjonijiet ta’ riċerka jkollhom rwol sinifikanti, l-awtur(i) ta’ dan il-pjan regolatorju għandu jikkunsidra wkoll l-eteroġeneità reġjonali fir-rigward tal-eżistenza ta’ settur tar-R&Ż esperjenzat sew u kompetenti, kif ukoll kwalunkwe eżempju eżistenti ta’ kollaborazzjoni R&Ż b’suċċess miż-żewġt ixtut tal-Mediterran.

1.4.3

L-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni estensiva biżżejjed li tippubbliċizza l-kontenut tal-Inizjattiva għall-ekonomija blu u l-opportunitajiet u l-prospetti riżultanti, sabiex (i) jiġu rreġistrati l-istituzzjonijiet u l-partijiet ikkonċernati kollha li jistgħu jiġu inklużi u/jew affettwati, b’mod speċjali fil-livell reġjonali u lokali, u (ii) tiġi ċċirkolata fosthom l-informazzjoni rilevanti.

1.5

Bħala segwitu mir-rakkomandazzjonijiet ġenerali msemmija hawn fuq, il-konklużjonijiet dettaljati u l-proposti rilevanti huma kif ġej:

1.5.1

Il-KESE jaqbel li, sabiex jirnexxi fil-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu, jinħtieġ netwerking aktar effettiv tal-awtoritajiet tal-fruntiera tal-art u tal-baħar fuq iż-żewġt ixtut, kif ukoll l-iskambju sistematiku u l-analiżi tad-data, f’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ Frontex u istituzzjonijiet globali, transnazzjonali oħra bħall-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI).

1.5.2

Madankollu, minħabba n-netwerking tal-awtoritajiet tal-fruntieri fuq l-art u tal-baħar, il-KESE jixtieq li tingħata attenzjoni partikolari għar-regoli ta’ “governanza tajba”, u l-ħtieġa li jiġu kkunsidrati bir-reqqa d-drittijiet tal-bniedem, kemm dawk individwali kif ukoll dawk kollettivi (ara wkoll il-punt 4.1).

1.5.3

Sabiex ikunu effiċjenti l-ippjanar spazjali u l-ġestjoni tal-kosta, għandu jiġi adottat l-approċċ tal-ispiral kwadruplu, fil-livell transnazzjonali u b’mod speċjali dak reġjonali/lokali. L-involviment imsaħħaħ tal-awtoritajiet lokali (muniċipalitajiet u reġjuni), kif ukoll l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fl-oqsma tal-attività rispettivi tagħhom, huwa meħtieġ. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tistieden partijiet ikkonċernati lokali mis-settur pubbliku u privat għall-konsultazzjoni dwar il-Komunikazzjoni u dwar l-oqsma ta’ azzjoni speċifiċi – is-sigurtà tat-trasport, is-sajd, it-turiżmu u l-enerġija, il-koeżjoni soċjali u s-sostenibbiltà ambjentali (ara wkoll il-punti 4.2.1 u 4.3).

1.5.4

“Tkabbir Blu” (2) huwa waħda mill-istrateġiji ewlenin fit-tul għall-kisba tal-għanijiet tal-Ewropa 2020 tat-tkabbir sostenibbli u inklużiv, is-sajd, u l-akkwakultura, it-turiżmu (eko) kostali, loġistika marittima (ta’ sinifikat miżjud għall-Mediterran minħabba żviluppi ġeopolitiċi u ekonomiċi attwali), il-bijoteknoloġija marina, l-enerġija tal-oċean u l-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar jipprovdu opportunitajiet intraprenditorjali multidimensjonali.

1.5.5

Intrapriżi żgħar u żgħar ħafna, negozji mid-dar u negozji tal-familja bi strutturi organizzazzjonali tradizzjonali, skemi u attivitajiet operattivi huma s-sinsla ta’ ekonomiji lokali fuq iż-żewġt ixtut tal-baċir tal-Mediterran. F’dak is-sens, l-iskemi ta’ netwerking u kooperattivi għal produtturi żgħar u mikroprodutturi jistgħu jtejbu wkoll ir-reżiljenza u l-kompetittività fl-ispiża billi fl-istess ħin jippreservaw id-differenzjazzjoni meħtieġa ferm tal-oġġetti u s-servizzi li jipprovdu. Għalhekk, il-KESE jikkunsidra li, minbarra intraprenditorija innovattiva u teknoloġikament avvanzata, huwa tal-inqas ugwalment importanti li jiġu promossi programmi speċifiċi u aġġustati sew għal attivitajiet ekonomiċi tradizzjonali wkoll, filwaqt li jitqiesu l-partikolaritajiet lokali (ara l-punti 3.6, 3.7, 4.2.2, 4.2.3 u 4.2.4),

1.5.6

Minħabba li l-faqar u l-qgħad fost iż-żgħażagħ jistgħu jiddeterjoraw fis-snin li ġejjin, b’mod partikolari fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, l-iżgurar ta’ tqabbil aħjar fis-suq tax-xogħol jista’ jkun sinifikanti iżda dan ċertament mhux ser ikun suffiċjenti fl-indirizzar tal-qgħad, il-koerenza u s-sostenibbiltà soċjali. F’dak is-sens, l-azzjonijiet ta’ żvilupp li jinsabu miġburin fil-qosor fil-punt 1.5.5 huma essenzjali biex jinħolqu postijiet ġodda u sostenibbli u għat-titjib tal-istandards tal-għajxien f’oqsma speċifiċi. Dawn l-azzjonijiet ta’ żvilupp iridu jiġu ppjanati bir-reqqa f’kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet lokali u l-awtoritajiet. Barra minn hekk, dawn il-politiki lokalizzati huma l-aktar mod effiċjenti kif jitreġġgħu lura l-fatturi ta’ spinta tal-migrazzjoni – għalhekk għandhom jiġu mifhuma bħala strumenti ewlieni għall-indirizzar tal-flussi migratorji li qed jiżdiedu u l-problemi soċjoekonomiċi li jirriżultaw fuq iż-żewġt ixtut, kif ukoll il-kwistjonijiet tas-sigurtà relatati u l-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu (punt 1.5.1).

1.5.7

Fir-rigward tas-sajd, il-KESE jikkunsidra li: (i) il-flessibbiltà tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (EMFF) għandha tissaħħaħ sabiex jitneħħew l-ostakoli bejn il-livelli tal-amministrazzjoni pubblika u (ii) għandu jissaħħaħ ir-rwol tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM), sabiex titreġġa’ lura s-sitwazzjoni li għadha mhux favorevoli tal-istokkijiet tal-ħut ta’ bosta speċijiet, f’kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib ma’ pajjiżi tal-Mediterran mhux tal-UE (ara wkoll il-punti 4.3.4 u 4.3.5).

2.   Sfond għall-Komunikazzjoni

2.1

F’Novembru 2015, il-“Konferenza Ministerjali dwar l-Ekonomija Blu” (3) tal-UgħM adottat Dikjarazzjoni għall-iżvilupp ulterjuri tal-Ekonomija Blu (4) permezz tat-tisħiħ tal-investiment fit-teknoloġija rilevanti, l-innovazzjoni, l-għarfien u l-ħiliet, kif ukoll il-governanza marittima.

2.2

F’Ottubru 2016, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tad-“Djalogu 5+5” – l-Alġerija, il-Libja, il-Mawritanja, il-Marokk u t-Tuneżija flimkien ma’ Franza, l-Italja, Malta, il-Portugall u Spanja – ħeġġew aktar ħidma fuq inizjattiva għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu, fil-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran (5).

2.3

Din il-Komunikazzjoni (6) u l-Qafas għal Azzjoni li jakkumpanjaha [SWD(2017) 130] (7) jirriżultaw minn dik it-talba. Huma għandhom l-għan li jutilizzaw l-opportunitajiet u jiffaċċjaw l-isfidi f’reġjun li jitlob koordinazzjoni multilaterali u kooperazzjoni internazzjonali li trid tiġi estiża lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni Ewropea (UE).

2.4

Barra minn hekk, l-inizjattiva tal-KE li fuqha hija bbażata din il-Komunikazzjoni tibni fuq l-esperjenza twila fir-rigward ta’ strateġiji tal-baċir tal-baħar u makroreġjonali – ara pereżempju l-Istrateġija għall-Atlantiku, l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku u l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku (8). Din tibbenefika wkoll mid-djalogu reġjonali li qed iseħħ dwar l-ekonomija blu fil-qafas tal-UgħM (imsemmi hawn fuq), il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (9), il-Konvenzjoni ta’ Barċellona għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (10), kif ukoll l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli (11) u l-isforzi li saru biex tiġi implimentata l-Istrateġija tal-Mediterran għall-Iżvilupp Sostenibbli (12).

2.5

Barra minn hekk, din il-Komunikazzjoni hija f’konformità mad-diskussjoni xjentifika u soċjopolitika li qed tevolvi madwar id-dinja. L-ekonomija blu diġà hija waħda mill-kwistjonijiet kontemporanji l-aktar importanti; l-ewwel nett minħabba l-importanza tal-assi tal-baħar u l-oċean u l-potenzjal rispettiv għall-baħar – u t-tkabbir ekonomiku relatat mal-oċean u, t-tieni, minħabba l-fatt li s-sostenibbiltà tal-baħar u l-oċean hija l-parametru ewlieni għall-preservazzjoni ambjentali globali (13).

2.6

Il-Komunikazzjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa għal aktar sigurtà, għal tkabbir ekonomiku u impjiegi sostenibbli, kif ukoll għall-preservazzjoni tal-ekosistemi u l-bijodiversità fil-Baħar Mediterran tal-Punent. Fi kliem ieħor tixtieq tikkontribwixxi għall-promozzjoni ta’ żvilupp ekonomiku sostenibbli b’mod soċjali u ambjentali fil-baċir tal-baħar, iż-żoni kostali tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar, il-portijiet u l-bliet li jikkostitwixxu sistema integrata għall-mobilità tal-persuni u l-komoditajiet, li tmur lil hinn mid-diskontinwitajiet amministrattivi u politiċi eżistenti. Għal dak il-għan, tiddeskrivi tliet oqsma ta’ sfidi:

2.6.1

Is-sikurezza u s-sigurtà tal-attivitajiet marittimi: skont il-Komunikazzjoni, il-Baħar Mediterran tal-Punent għandu żoni ta’ konġestjoni tat-traffiku li ser jaffaċċjaw riskji li ser jibqgħu jiżdiedu (f’termini ta’ aċċidenti tat-traffiku) minħabba l-iżviluppi ġeopolitiċi u ekonomiċi futuri bħall-irduppjar tal-Kanal ta’ Suez. Min-naħa l-oħra, il-kwistjonijiet tas-sigurtà huma diġà sinifikanti – il-migrazzjoni illegali hija indikazzjoni ta’ dan – filwaqt li x-xejriet soċjoekonomiċi u demografiċi attwali flimkien mal-effetti tat-tibdil fil-klima huma mistennija jamplifikaw il-kompetizzjoni għal riżorsi u instabbiltà ġeopolitika.

2.6.2

Rati għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ kontra forza tax-xogħol marittima li qed tixjieħ: il-Komunikazzjoni tirrikonoxxi “paradoss ta’ impjieg” magħruf sew, b’mod partikolari forza tax-xogħol mhux sfruttata min-naħa waħda u postijiet tax-xogħol vakanti min-naħa l-oħra, ikkonċentrat b’mod speċjali fis-setturi u l-industriji tal-ekonomija blu. Il-Kummissjoni temmen li s-sitwazzjoni attwali hija prinċipalment (jekk mhux biss) ir-riżultat ta’ diskrepanza. Għahekk, tiffoka fuq in-nuqqas ta’ djalogu u kooperazzjoni bejn l-industrija u s-sistema edukattiva.

2.6.3

Interessi diverġenti u konfliġġenti fuq il-baħar: skont id-data ppreżentata fil-Komunikazzjoni, il-Baħar Mediterran tal-Punent għandu l-akbar bijodiversità fil-baċir kollu. Fl-istess ħin jikkonċentra bejn wieħed u ieħor nofs il-PDG tal-Mediterran prinċipalment minn attivitajiet marittimi – it-turiżmu, l-akkwakultura, is-sajd u t-trasport – li jwassal għal urbanizzazzjoni kostali dejjem tikber, sfruttament żejjed tal-istokkijiet tal-ħut, tniġġis tal-baħar u kwistjonijiet ta’ konservazzjoni usa’. Minħabba n-natura transnazzjonali tal-interessi involuti u d-disparitajiet soċjoekonomiċi serji, dawn il-fatturi jiġġustifikaw għalkollox l-opinjoni tal-Komunikazzjoni li ż-żona hija “hotspot ta’ pressjonijiet ekonomiċi, demografiċi u ambjentali”.

2.7

B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-qafas eżistenti ta’ skemi ta’ kooperazzjoni fuq iż-żewġt ixtut tal-baċir tal-baħar ma wrewx li huma effiċjenti biżżejjed. F’dak is-sens, l-inizjattiva tindirizza ħtieġa eżistenti. Madankollu, is-suċċess fl-indirizzar ta’ din il-kwistjoni jiddependi fuq ħafna emendi u aġġustamenti ġenerali u speċifiċi, li se nippruvaw nippreżentaw fil-paragrafi li ġejjin.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tikkonsolida u tiżviluppa katina ta’ produzzjoni u konsum ambjentalment sostenibbli, eż. permezz tal-użu ta’ forom nodfa tal-enerġija għad-desalinazzjoni, il-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija u enerġija nadifa b’mod aktar ġenerali, u l-promozzjoni u t-tisħiħ tal-merkanzija u t-tbaħħir ekoloġiċi. Dan huwa ta’ importanza partikolari minħabba l-potenzjal enormi għal attivitajiet intraprenditorjali fil-qasam ta’ interess.

3.2

It-terminu “ekonomija blu” jirreferi għall-evoluzzjoni soċjalment u ambjentalment sostenibbli tal-baċiri tal-baħar u ż-żoni kostali, li tagħmel tajjeb għad-disparitajiet eżistenti u tiżgura l-konservazzjoni tad-diversità kulturali u tal-bijodiversità, li hija partikolarment kruċjali fid-dawl tal-istorja, u bil-ħsieb tal-futur tal-Mediterran. F’dak is-sens, l-oqsma ta’ azzjoni magħżula fil-Komunikazzjoni – (1) is-sigurtà marittima, (2) ekonomija intelliġenti u reżiljenti, (3) il-governanza aħjar tal-baħar – għalkemm importanti, jistgħu jkunu restrittivi b’mod ineffettiv fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-baċir. Il-KESE jissuġġerixxi twessigħ ulterjuri tal-inizjattivi fl-oqsma tal-bijodiversità u l-konservazzjoni, il-komunikazzjoni interkulturali, kif ukoll strateġija aktar konkreta għall-appoġġ ta’ attivitajiet produttivi żgħar u żgħar ħafna (bħala skala), pereżempju fis-sajd eċċ.

3.3

Is-sigurtà marittima (trasport) iżda b’mod speċjali kwistjonijiet ta’ sikurezza, għalkemm importanti ħafna, ma jistgħux jiġu limitati għall-Baħar Mediterran tal-Punent. Għall-kuntrarju, l-istorja ġeopolitika u d-deterjorament attwali, flimkien mal-kriżi tar-refuġati li qed teskala b’mod rapidu ħafna fil-parti tal-Lvant tal-baċir tal-baħar, jindikaw il-ħtieġa għal approċċ Mediterran olistiku biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet.

3.4

Dan japplika wkoll għall-bqija tal-oqsma ta’ interess definiti – tkabbir ekonomiku sostenibbli, kwistjonijiet ta’ konservazzjoni kulturali u ambjentali eċċ. Il-Mediterran ma għandux jinqasam fil-Punent u l-Lvant. Anke jekk dan irid ikun il-każ għal raġunijiet amministrattivi u għal tattika fuq terminu qasir, għal perjodu fit-tul, l-ippjanar strateġiku jrid jindirizza l-baċir kollu kemm hu.

3.5

Il-KESE jifhem b’mod sħiħ li, minħabba t-tensjonijiet ġeopolitiċi qawwija u l-iggravar tal-kunflitti fil-Baħar Mediterran tal-Lvant, li jibda bl-inizjattiva għall-Baħar Mediterran tal-Punent jista’ jkun approċċ aktar faċli, aktar realistiku u li jista’ jinkiseb aktar malajr. Iżda, jekk dan ma jiġix segwit minn inizjattiva analoga għal-Lvant tal-Mediterran, hemm riskju sinifikanti li l-għanijiet stabbiliti ma jkunux jistgħu jitwettqu. L-istess problemi, iżda b’ħafna aktar tensjoni minħabba kundizzjonijiet ġeopolitiċi, huma ffaċjati mil-Lvant tal-Mediterran, li għalih għandhom jiġu skedati u applikati regoli u politiki analogi.

3.6

Għalkemm in-nuqqas ta’ “djalogu” bejn l-industrija min-naħa waħda, u l-akkademja u s-settur tar-R&Ż min-naħa l-oħra, jista’ jkun kunsiderazzjoni importanti fl-indirizzar tal-qgħad (b’mod speċjali għal perjodu fit-tul u fi żminijiet ta’ tkabbir ekonomiku), ikun ineffiċjenti jekk wieħed jiffoka biss fuq din il-kwistjoni b’mod unilaterali. Għall-kuntrarju, l-iżbilanċi ekonomiċi eżistenti (bin-nuqqas ta’ postijiet tax-xogħol ġodda u rata għolja ta’ qgħad bħala aspett ewlieni) u d-disparitajiet soċjoekonomiċi li qed jitwessgħu fil-baċir tal-Punent tal-Baħar Mediterran għandhom jiġu indirizzati fid-dawl tal-kriżi sistemika persistenti fin-naħa ta’ fuq tar-reġjun u n-nuqqas ta’ rieda ġenerali biex isiru investimenti produttivi.

3.7

Kull meta l-attività ekonomika tinteraġixxi b’mod qawwi ma’ kwistjonijiet ta’ konservazzjoni, fejn ikun hemm esternalitajiet (makro) ekonomiċi (immexxija jew mid-domanda jew mill-provvista), u fejn is-somma tal-għażliet individwali ħielsa tiġġenera kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà soċjoekonomika u ambjentali, hemm il-ħtieġa għal intervent politiku effettiv, li, fi żminijiet ta’ internazzjonalizzazzjoni intensifikata, trid tiġi aġġustata b’mod transnazzjonali. F’każijiet ta’ sfruttament żejjed tal-istokkijiet ta’ ħut, tniġġis marittimu, urbanizzazzjoni żejda u agglomerazzjonijiet li qed jikbru b’mod mhux effiċjenti, kriżijiet ekonomiċi/finanzarji persistenti u disparitajiet transreġjonali u soċjali dejjem jikbru fl-UE u barra mill-UE, id-duttrina ta’ “forzi tas-suq ħielsa” mhijiex biżżejjed.

3.8

F’dak is-sens, in-nuqqasijiet rikonoxxuti fil-qafas tat-tfassil tal-politika eżistenti fiż-żona, li huma prinċipalment minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn il-pajjiżi differenti – il-Kummissjoni tirreferi għal dawn meta tiddiskuti t-tielet grupp ta’ sfidi u l-lakuni għall-interessi diverġenti u konfliġġenti – huma fattur importanti ħafna meta jiġi indirizzat it-tilwim ambjentali kif ukoll soċjoekonomiku fir-reġjun. Il-ftehimiet bilaterali eżistenti u futuri bejn pajjiżi ġirien tal-UE u tan-Nofsinhar tal-Mediterran għandhom jiġu rrispettati b’mod effettiv. In-nuqqas ta’ vuċi tal-UE magħquda u għalhekk qawwija dwar kwistjonijiet ta’ politika barranija jista’ ma jgħinx f’dan ir-rigward, iżda, min-naħa l-oħra, il-pajjiżi fuq ix-xatt tan-Nofsinhar tal-baċir għandhom jistennew li l-UE tkun is-sieħba prinċipali (jew l-unika sieħba) tagħhom, b’interess qawwi u sinċier fil-promozzjoni tal-prospetti komuni għall-iżvilupp sostenibbli u l-prosperità fil-qasam.

3.9

Minbarra n-nuqqas eżistenti ta’ kooperazzjoni transnazzjonali, ħtieġa għall-koordinazzjoni ta’ politika oħra tirriżulta mill-għadd kbir u li ta’ spiss joħloq konfużjoni ta’ inizjattivi u pjattaformi ta’ fokus simili (jekk mhux identiku). Il-Komunikazzjoni li qed nikkummentaw dwarha tirreferi pereżempju għall-Istrateġija tal-UE għal Tkabbir Blu u l-Politika Marittima (14), l-Istrateġija tal-UE għal aktar tkabbir u impjiegi fit-turiżmu marittimu u kostali (15), l-inizjattiva BLUEMED (16) u t-Tkabbir Blu tal-FAO (17). Barra minn hekk, hemm attivitajiet oħra li jinkludu ż-żewġt ixtut tal-baċir, bħall-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Trasport Reġjonali għar-Reġjun tal-Mediterran (18).

3.10

Fid-dawl tal-firxa wiesgħa ta’ inizjattivi eżistenti b’orjentazzjoni simili, il-KESE jitlob analiżi komparattiva bir-reqqa li tidentifika ż-żoni ta’ dupplikazzjoni, u tagħmilha possibbli biex l-inizjattivi jintużaw b’mod li jiffranka r-riżorsi u jsaħħaħ ir-riżultati finali. L-aħjar prattiki applikati fi strateġiji (anke fil-Baħar Baltiku) u inizjattivi (bħall-Inizjattiva tal-Gżejjer Intelliġenti) makroreġjonali oħra (19), għandhom jiġu studjati u kkunsidrati aktar mill-qrib.

3.11

Rekwiżiti mhux realistiċi li jirrestrinġu l-effikaċja tal-programmi Ewropej fil-Mediterran, min-naħa waħda, u min-naħa l-oħra l-burokrazija li tirriżulta minn fobija ta’ nfiq ħażin ta’ fondi tal-UE, kif ukoll il-korruzzjoni u l-ineffiċjenza f’partijiet tal-amministrazzjoni pubblika jew każijiet li jinvolvuha fuq iż-żewġt ixtut tal-baċir wasslu għal nuqqasijiet serji fl-użu ta’ fondi Ewropej eżistenti għall-Mediterran.

3.12

Min-naħa l-oħra, l-UgħM sa issa ma rnexxietx fir-rwol tagħha, minkejja l-proġetti differenti li ġew imħabbra. Għalhekk, l-intervent tagħha fir-reġjun jeħtieġ li jkompli jiġi msaħħaħ. L-inizjattivi tal-ekonomija blu jistgħu jkunu ta’ importanza kbira għall-prosperità ġenerali, iżda jeħtieġ li jkunu effettivament marbuta mal-istrutturi u l-oqfsa eżistenti.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Spazju marittimu aktar sikur

4.1.1

Il-Komunikazzjoni tiffoka fuq żewġ oqsma speċifiċi ta’ intervent: (1) il-kooperazzjoni bejn il-gwardji tal-kosta u (2) il-kondiviżjoni tad-data u l-kollaborazzjoni amministrattiva għat-tisħiħ tal-kapaċità għar-reazzjoni għal u l-ġlieda kontra t-tniġġis tal-baħar minn aċċidenti.

4.1.2

Il-KESE jikkunsidra t-tisħiħ ta’ netwerking u għaldaqstant il-kooperazzjoni bejn il-gwardja tal-fruntiera tal-art u tal-baħar u l-awtoritajiet ta’ kontroll fuq iż-żewġt ixtut, bl-assistenza ta’ Frontex, bħala essenzjali. L-iskambju sistematiku u l-analiżi tal-informazzjoni minn ċentru tal-analiżi tad-data sovranazzjonali huma meħtieġa wkoll, sabiex tintrebaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu. Madankollu, ir-regoli ta’ “governanza tajba”, kif ukoll id-drittijiet tal-bniedem, kemm individwali kif ukoll kollettivi, iridu jitqiesu b’attenzjoni, b’mod speċjali meta titqies l-esperjenza negattiva ta’ reġimi speċifiċi.

4.1.3

Il-KESE jikkunsidra li dawn iż-żewġ approċċi definiti sew huma mod effettiv kif tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ spazju marittimu aktar sikur. Jeħtieġ madankollu li tittejjeb l-analiżi tal-miri kwantitattivi sottostanti, għas-sorveljanza u l-evalwazzjoni kontinwi ta’ din il-prijorità, u għandhom isiru sforzi għal koordinazzjoni u kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet globali u transnazzjonali bħall-OMI (20).

4.2   Ekonomija blu intelliġenti u reżiljenti

4.2.1

Il-KESE jinsab diżappuntat li l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma sottorappreżentati (jekk mhux nieqsa għalkollox) fil-Komunikazzjoni, għalkemm dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jkunu utli ħafna fl-ippjanar, kif ukoll fl-implimentazzjoni ta’ politiki u programmi speċifiċi, minħabba l-esperjenza tagħhom fl-indirizzar ta’ sitwazzjonijiet kritiċi u l-abbiltà ppruvata tagħhom li jintervjenu direttament fi problemi soċjoekonomiċi u jsolvuhom.

4.2.2

Il-faqar u l-qgħad fost iż-żgħażagħ jistgħu jiggravaw fis-snin li ġejjin minħabba t-tibdil fil-klima, li se jaffettwa partikolarment il-kundizzjonijiet fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u l-imsieħba soċjali, għandha twettaq azzjonijiet għall-iżvilupp fil-livell lokali – eż. l-inkoraġġiment tal-SMEs, l-appoġġ għal negozji mid-dar, azzjonijiet speċjali biex jiġi appoġġjat is-settur primarju u l-promozzjoni ta’ prodotti agrikoli u tas-sajd lokali fis-swieq Ewropej eċċ – flimkien ma’ titjib xieraq fit-taħriġ edukattiv u vokazzjonali lokali, biex jittejbu l-istandards tal-għajxien tar-residenti u tiġi evitata l-migrazzjoni. L-ekonomija blu tista’ tipprovdi introjtu diċenti lil eluf ta’ familji permezz ta’ approċċi moderni, fuq skala żgħira u ta’ kwalità għolja għas-sajd, il-konservazzjoni u l-provvista ta’ prodotti tas-sajd.

4.2.3

In-negozji tal-familja, l-intrapriżi żgħar u żgħar ħafna bi strutturi organizzazzjonali tradizzjonali, l-iskemi u l-attivitajiet operattivi huma s-sinsla tal-ekonomiji lokali fuq iż-żewġ naħat tal-baċir tal-Mediterran, b’mod speċjali fis-setturi u l-industriji li jikkostitwixxu l-ekonomija blu. Għal din ir-raġuni, il-KESE jikkunsidra li, flimkien mal-inizjattivi biex tiġi appoġġjata intraprenditorija innovattiva u teknoloġikament avvanzata, huwa tal-inqas ugwalment importanti li jiġu promossi wkoll programmi għal attivitajiet ekonomiċi tradizzjonali.

4.2.4

F’dak is-sens, il-KESE jargumenta li t-tieni grupp ta’ azzjonijiet f’din il-prijorità, li jindirizza r-raggruppamenti marittimi, irid jissaħħaħ. Skemi ta’ netwerking u kooperattivi għal produtturi żgħar u mikroprodutturi jistgħu jtejbu wkoll ir-reżiljenza u l-kompetittività fl-ispiża billi fl-istess ħin jippreservaw id-differenzjazzjoni meħtieġa ferm tal-oġġetti u s-servizzi li jipprovdu. Min-naħa l-oħra, ir-raggruppament jista’ jkun effettiv f’setturi speċifiċi fejn hija essenzjali l-konċentrazzjoni tal-kapital – bħal dak tal-enerġija rinnovabbli u l-merkanzija. Madankollu, il-KESE jikkunsidra l-ideat ta’ raggruppament, il-ħolqien ta’ inkubaturi u l-promozzjoni ta’ pjani ta’ negozju permezz ta’ servizzi ta’ investituri informali bħala pjuttost prematuri anke għall-aktar ekonomiji avvanzati fl-UE, li jindika l-ħtieġa li jiġu ppjanati servizzi ta’ appoġġ speċifikati sew, b’mod speċjali għall-produtturi ż-żgħar, il-ħaddiema tas-sengħa u negozjanti fuq ix-xatt tan-Nofsinhar tal-baċir.

4.2.5

Barra minn hekk, skont ir-raba’ prijorità strateġika tar-rapport tad-WWF ippubblikat reċentement u msemmi hawn fuq dwar l-Irkupru tal-Ekonomija tal-Baħar Mediterran, id-direzzjoni mill-ġdid tal-finanzjament pubbliku u privat lejn ir-realizzazzjoni tal-potenzjal tal-assi naturali fiż-żona hija kemm possibbli u kif ukoll neċessarja. Dan jista’ jiġġenera dħul, filwaqt li titqies is-sostenibbiltà soċjali u ambjentali, permezz ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-karbonju bħall-Ħlas għas-Servizz ta’ Ekosistemi (PES) (21). Pereżempju, il-qigħan tal-algi tal-Mediterran huma fost l-aktar sistemi effiċjenti għas-sekwestru tal-karbonju, li jfisser li l-investiment pubbliku u privat f’din id-direzzjoni jista’ jikkombina t-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku lokali mal-kontribut għall-istrateġija globali dwar il-klima.

4.3   Governanza aħjar tal-baħar

4.3.1

Sabiex jirnexxi l-ewwel grupp ta’ azzjonijiet – l-ippjanar spazjali u l-ġestjoni kostali – għandu jiġi adottat l-approċċ tal-ispiral kwadruplu (22). Jinħtieġ l-involviment imsaħħaħ tal-awtoritajiet lokali (muniċipalitajiet u reġjuni), l-akkademja u r-R&Ż, l-imsieħba soċjali, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fl-oqsma rispettivi ta’ attività tagħhom, minħabba l-għarfien aħjar tagħhom tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u ambjentali lokali u anke minħabba l-flessibbiltà amministrattiva tagħhom.

4.3.2

F’dak is-sens, l-interessi ekonomiċi u soċjali organizzati jistgħu u għandu jkollhom rwol deċiżiv fl-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Mediterran. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-UgħM, għandha tistieden lill-partijiet ikkonċernati tas-settur privat għall-konsultazzjoni dwar il-Komunikazzjoni, filwaqt li tiggarantixxi l-kontribuzzjoni sostantiva tagħhom għall-ippjanar u għaldaqstant involviment aktar effiċjenti fl-implimentazzjoni tal-programmi u l-attivitajiet rilevanti. Fir-rigward tas-sajd, għandhom jiġu adottati miżuri biex jissaħħu l-iskemi ta’ ġestjoni konġunta billi jiġi żgurat li l-partijiet ikkonċernati huma involuti b’mod effiċjenti fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.

4.3.3

Għandha ssir enfasi fuq in-nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej u mhux Ewropej fil-Baħar Mediterran tal-Punent, b’mod speċjali fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ sigurtà u ta’ immigrazzjoni li jaffettwaw l-iżvilupp ekonomiku.

4.3.4

Is-sajd huwa fattur ewlieni fl-attività ekonomika tal-Mediterran u t-tieni l-aktar sors importanti ta’ ġid, wara t-turiżmu. Il-KESE jaqbel li hemm il-ħtieġa li jiġu ppjanati azzjonijiet speċifiċi f’din l-industrija – tat-tip stabbilit fir-raba’ grupp ta’ azzjonijiet f’din il-prijorità. Il-programmi għandhom jimmiraw li jnaqqsu s-sajd żejjed u jiżviluppaw servizzi ta’ appoġġ u finanzjament biex tiġi żgurata s-sopravivenza tal-industriji tas-sajd fuq skala żgħira u l-iżvilupp parallel tal-komunitajiet kostali. Jeħtieġ li tissaħħaħ il-flessibbiltà tal-FEMS (23) sabiex jitneħħew l-ostakoli bejn il-livelli ta’ amministrazzjoni pubblika fid-definizzjoni ta’ inizjattivi effettivi.

4.3.5

Il-KESE jikkunsidra li għandu jissaħħaħ ir-rwol tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM), sabiex ikun żgurat li jiġu adottati miżuri amministrattivi neċessarji, konsistenti u kompatibbli, immirati lejn it-treġġigħ lura tas-sitwazzjoni mhux favorevoli tal-istokkijiet tal-ħut, f’kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi tal-Mediterran mhux tal-UE.

4.4

Il-KESE indika ripetutament li l-politiki u l-programmi għall-Mediterran implimentati tul dawn l-aħħar għoxrin sena kellhom riżultati ħżiena u ħallew ammonti enormi ta’ fondi li ma ntużawx, minħabba attitudnijiet differenti u nuqqas ta’ koordinazzjoni effettiva bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji responsabbli u l-gvernijiet nazzjonali u l-amministrazzjonijiet pubbliċi f’pajjiżi tal-Mediterran mhux tal-UE. F’dan ir-rigward huma meħtieġa b’mod urġenti appoġġ qawwi u assistenza teknika biex jittejjeb il-livell ta’ rispons tal-istituzzjonijiet mhux tal-UE għar-rekwiżiti tal-finanzjament Ewropew, kif inhu meħtieġ ukoll adattament akbar min-naħa tal-Kummissjoni.

4.5

L-implimentazzjoni effettiva tal-azzjonijiet stipulati fil-Komunikazzjoni hija partikolarment mhedda minn burokrazija ineffiċjenti, kif jidher ċar mill-kapitlu dwar “Governanza u l-Implimentazzjoni”, iżda wkoll mill-involviment ta’ istituzzjonijiet differenti għalkollox bi strutturi u attitudnijiet differenti, bħalma huma l-laqgħat ministerjali, il-Kummissjoni, l-Unjoni għall-Mediterran (UgħM) eċċ. Huwa meħtieġ pjan operattiv bi strumenti amministrattivi/organizzattivi speċifiċi u rwoli differenti.

4.6

Il-KESE jikkunsidra li t-Task Force għall-ekonomija blu, flimkien ma’ azzjoni definita b’mod ċar u pjan ta’ kompetenza, għandha tiġi stabbilita immedjatament, b’rabta mal-gruppi ta’ ħidma tal-UgħM. It-Task Force għandu jkollha l-flessibbiltà meħtieġa biex tirreaġixxi malajr għal emerġenzi – diżastri naturali u ambjentali, eċċ – iżda anke biex twettaq kompiti u responsabbiltajiet speċifiċi. Il-KESE huwa prudenti fil-valutazzjoni tiegħu tal-effikaċja tat-Task Force, li se tiddependi fuq is-sħubija tiegħu u fuq l-involviment dirett tal-istituzzjonijiet Ewropej u l-gvernijiet nazzjonali mhux tal-UE. Għalhekk, il-KESE jikkunsidra li t-Task Force għandha tkun iddisinjata b’attenzjoni mill-bidu nett, b’ċart organizzazzjonali definita sew u sistema effiċjenti ta’ proċessi u proċeduri, kif ukoll pjan ta’ negozju speċifiku u ddisinjat b’mod kompetenti.

Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Fir-rapport tad-WWF, ippubblikat reċentement, – “Reviving the Economy of the Mediterranean Sea – Actions for a sustainable future” (Nagħtu l-ħajja mill-ġdid lill-Ekonomija tal-Baħar Mediterran – Azzjonijiet għal futur sostenibbli) – l-awturi jargumentaw kemm, għall-ewwel il-ħtieġa ta’ approċċ olistiku u t-tieni l-fatt li “l-Baħar Mediterran huwa kontributur ewlieni għall-PDG reġjonali u li r-riżorsi naturali tiegħu jirrappreżentaw valur kbir għall-Ekonomija Blu mhux biss għar-reġjun iżda wkoll globalment”.

(Ara paġna 7 tar-rapport, http://www.wwf.gr/images/pdfs/Reviving_Mediterranean_Sea_Economy_Full%20rep_Lowres.pdf).

(2)  https://ec.europa.eu/maritimeaffairs/policy/blue_growth_mt

(3)  Għall-aġenda tal-“Konferenza Ministerjali dwar l-Ekonomija Blu” tal-UgħM li saret fis-17 ta’ Novembru 2015 ara http://ufmsecretariat.org/wp-content/uploads/2015/10/Agenda_UfM_Ministerial-on-Blue-Economy_MARE-D1.pdf.

(4)  Ara http://ufmsecretariat.org/wp-content/uploads/2015/11/2015-11-17-declaration-on-blue-economy_en.pdf.

(5)  Għal ħarsa ġenerali qasira lejn id-deċiżjonijiet adottati mil-Laqgħa tal-Affarijiet Barranin fit-28 ta’ Ottubru 2016, ara http://ufmsecretariat.org/foreign-affairs-ministers-of-the-55-dialogue-discuss-pressing-regional-challenges-and-highlight-the-positive-contribution-of-ufm-activities-to-the-enhancement-of-regional-cooperation/. Għall-istorja tad-“Djalogu 5+5” mill-2003 ’l hawn ara http://westmediterraneanforum.org/wp-content/uploads/2013/09/131017_chronology5+51.pdf.

(6)  https://ec.europa.eu/maritimeaffairs/sites/maritimeaffairs/files/com-2017-183_en.pdf.

(7)  https://ec.europa.eu/maritimeaffairs/sites/maritimeaffairs/files/swd-2017-130_en.pdf.

(8)  Għat-tliet strateġiji reġjonali tal-UE ara s-siti web li ġejjin: http://www.atlanticstrategy.eu/ għall-Istrateġija għall-Atlantiku, https://www.balticsea-region-strategy.eu/ għall-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku http://www.adriatic-ionian.eu/ għall-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku (EUSAIR).

(9)  http://www.fao.org/gfcm/en/.

(10)  Il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra t-Tniġġis (il-Konvenzjoni ta’ Barċellona) ġiet adottata fis-16 ta’ Frar 1976 mill-Konferenza tal-Plenipotenzjari tal-Istati Kostali tar-Reġjun Mediterran għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran, li saret f’Barċellona. Il-Konvenzjoni oriġinali ġiet modifikata minn emendi adottati fl-10 ta’ Ġunju 1995 (UNEP(OCA)/MED IG.6/7). Din daħlet fis-seħħ fid-9 ta’ Lulju 2004.

(11)  https://www.un.org/pga/wp-content/uploads/sites/3/2015/08/120815_outcome-document-of-Summit-for-adoption-of-the-post-2015-development-agenda.pdf.

(12)  https://planbleu.org/sites/default/files/upload/files/smdd_uk.pdf.

(13)  Ara “Reviving the Economy of the Mediterranean Sea – Actions for a sustainable future”, rapport tad-WWF bl-appoġġ ta’ Boston Consulting Group, 2017, http://www.wwf.gr/images/pdfs/Reviving_Mediterranean_Sea_Economy_Full%20rep_Lowres.pdf.

(14)  Ara pereżempju l-aħħar rapport dwar l-Istrateġija tal-Ekonomija Blu – SWD(2017) 128 finali – fuq https://ec.europa.eu/maritimeaffairs/sites/maritimeaffairs/files/swd-2017-128_en.pdf.

(15)  COM(2014) 086 finali.

(16)  https://ec.europa.eu/maritimeaffairs/content/bluemed-initiative-blue-growth-and-jobs-mediterranean_mt.

(17)  Għal aktar dettalji dwar l-Inizjattiva tat-Tkabbir Blu tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti http://www.fao.org/3/a-mk541e/mk541e02.pdf.

(18)  Ara http://www.unep.org/ourplanet/june-2017/unep-publications/regional-action-plan-sustainable-consumption-and-production u https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/themes/international/european_neighbourhood_policy/mediterranean_partnership/docs/rtap2014_2020_en.pdf rispettivament.

(19)  http://wwlw.smartislandsinitiative.eu/en/index.php.

(20)  http://www.imo.org/en/Pages/Default.aspx.

(21)  Il-PES iseħħ meta l-benefiċjarju jew l-utent ta’ servizz ta’ ekosistema jagħmel pagament dirett jew indirett lil min jipprovdi dak is-servizz. Fil-każ tal-baċir tal-Mediterran, il-PES jista’ jiġi previst ukoll bħala ġustifikazzjoni ambjentali għat-trasferiment ta’ fondi mix-xatt tat-Tramuntana għal dak tan-Nofsinhar.

(22)  Ara fuq http://cor.europa.eu/en/documentation/studies/Documents/quadruple-helix.pdf.

(23)  Ara https://ec.europa.eu/fisheries/cfp/emff_mt għal aktar informazzjoni.


Top