Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IE1072

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol ewlieni tal-kummerċ u l-investiment għat-tilħiq u l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs)” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 129, 11.4.2018, p. 27–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.4.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 129/27


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol ewlieni tal-kummerċ u l-investiment għat-tilħiq u l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs)”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2018/C 129/05)

    Relatur:

    Jonathan PEEL (UK-I)

    Korelatur:

    Christophe QUAREZ (FR-II)

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    26.1.2017

    Bażi legali

    Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

     

    Opinjoni fuq inizjattiva proprja

    Sezzjoni kompetenti

    REX

    Adottata fis-sezzjoni

    7.11.2017

    Adottata fil-plenarja

    7.12.2017

    Sessjoni plenarja Nru

    530

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    163/0/1

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    L-implimentazzjoni u r-realizzazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) jitqiesu bħala prijorità globali prinċipali. Iż-żamma tal-momentum minn issa ’l quddiem hija essenzjali biex tintlaħaq id-data tal-mira tal-2030.

    1.1.1.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jemmen li l-SDGs, flimkien mal-Ftehim ta’ Pariġi (COP21) (1), se jibdlu b’mod fundamentali l-aġenda tal-kummerċ globali, b’mod speċjali għall-kummerċ fil-prodotti industrijali u l-agrikoltura. Il-bżonn li dawn il-ftehimiet profondi jiġu implimentati għandu jkun fil-qalba tan-negozjati kummerċjali kollha tal-ġejjieni tal-UE.

    1.2.

    L-UE tinsab f’pożizzjoni unika biex tkompli bir-realizzazzjoni tal-SDGs. L-UE għandha l-kredibbiltà biex ikollha rwol biex tgħaqqad b’mod effettiv il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw. Jeħtieġ li tingħata iktar prijorità lill-iżvilupp tal-politiki deskritti fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Il-Passi li Jmiss” (2), u jkun hemm fokus aktar qawwi fuq l-integrazzjoni bis-sħiħ tal-SDGs “fil-qafas tal-politika Ewropea u fil-prijoritajiet attwali tal-Kummissjoni”, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri jekk ikun meħtieġ.

    1.2.1.

    L-UE tirrikonoxxi li hija marbuta li tagħmel dan taħt it-Trattat ta’ Lisbona (3). Għandu jkun hemm sinerġija mill-qrib għall-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-SDGs u għall-promozzjoni tal-valuri Ewropej madwar id-dinja.

    1.3.

    Il-kummerċ jissemma darba biss fl-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs) (4), imma fl-SDGs hemm disa’ referenzi speċifiċi għall-kummerċ. Minbarra l-azzjoni diretta biex jintlaħqu l-SDGs, aħna nħeġġu lill-UE tinkludi kummerċ u investiment “favur l-SDGs”. Hemm ħafna modi li bihom il-kummerċ u l-investiment jistgħu jagħmlu kontribuzzjoni pożittiva għalihom, minkejja li kultant b’mod indirett.

    1.4.

    Il-mira speċifika tal-Għan 17 (ħajja mill-ġdid għas-Sħubija Globali għall-Iżvilupp Sostenibbli) hija “sistema kummerċjali multilaterali universali, ibbażata fuq ir-regoli, miftuħa, mhux diskriminatorja u ekwitabbli taħt id-WTO”. L-UE ilha żmien twil tagħmel enfasi fuq il-multilateraliżmu u fuq ir-rwol ewlieni tad-WTO: trid tkompli tieħu passi attivi biex dan tappoġġjah.

    1.5.

    Il-KESE jinnota li, billi l-SDGs mhumiex legalment vinkolanti, mingħajr l-ebda mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim, l-UE għandha taħdem permezz tal-politiki u tal-attivitajiet tagħha biex tkompli bir-realizzazzjoni tagħhom.

    1.5.1.

    Nilqgħu b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-UE li tipprovdi aġġornamenti annwali, iżda nibqgħu mħassbin li l-UE ta’ sikwit tidher aktar interessata li turi kif il-politiki eżistenti jikkoinċidu u jitħalltu mal-miri tal-SDGs, aktar milli tinkiseb sinerġija massima permezz tal-iffokar u l-adattament ta’ dawn il-politiki u l-attivitajiet. Fokus tal-UE aktar ikkonċentrat fuq il-kisba tal-SDGs għandu jikseb riżultati aħjar.

    1.5.2.

    Hemm numru ta’ oqsma ta’ politika ewlenin fejn nemmnu li l-UE għandha taħdem biex tiżgura sinerġija sħiħa mal-SDGs. Dawn jinkludu t-tiġdid tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE ta’ “Cotonou” kif ukoll l-interazzjoni usa’ tal-UE ma’ dawk ir-reġjuni. Għandha tinkludi b’mod speċifiku kemm il-bini ta’ kapaċità mmirata biex tappoġġja u tgħin fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Kummerċ, kif ukoll l-istrateġija konġunta usa’ tal-UE/l-Istati Membri dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ. Dan huwa kontribut fil-qalba, u parti essenzjali, tal-Inizjattiva Għajnuna għall-Kummerċ tad-WTO li hija mfassla biex ittejjeb il-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jużaw l-opportunitajiet offruti minn ftehimiet kummerċjali. Se jkun importanti l-kontribut ffukat fuq l-SDGs fis-sitt Rieżami Globali tad-WTO.

    1.5.3.

    Għandu jingħata wkoll appoġġ aktar speċifiku għall-użu tal-kummerċ bħala mezz biex jagħti spinta kemm lill-integrazzjoni reġjonali kif ukoll lill-SDGs, b’mod speċjali f’dawk ir-reġjuni fejn il-FSE għadhom iridu jintlaħqu, minkejja li l-FSE għadhom ma rrealizzawx bis-sħiħ il-wegħda preċedenti tagħhom.

    1.5.4.

    L-UE għandha wkoll tħares biex tiżviluppa sinerġiji akbar bejn is-27 Konvenzjoni ewlenin rilevanti għall-programm tal-GSP+ tagħha u l-SDGs, sa fejn jippermettu l-kompetenzi tagħha.

    1.6.

    Il-Kumitat iħeġġeġ ukoll lill-UE tippromwovi r-realizzazzjoni tal-SDGs kull fejn possibbli permezz tar-relazzjonijiet bilaterali tagħha. L-eżempju prim ta’ dan huwa l-interazzjoni maċ-Ċina dwar l-“Inizjattiva Belt and Road” (BRI) tagħha, li kif ġie enfasizzat fil-laqgħa reċenti tar-Round Table UE-Ċina (5) l-implimentazzjoni tagħha “għandha tikkontribwixxi għar-realizzazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha”.

    1.7.

    Il-KESE jissottolinja r-rwol ewlieni tal-Kondotta Kummerċjali Responsabbli (RBC) biex tgħin fir-realizzazzjoni tal-SDGs. L-impatt tas-settur privat hawnhekk se jkun kemm kruċjali kif ukoll profond: il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) jistma (6) li se jkunu meħtieġa USD 2,5 triljun żejda fis-sena: is-settur privat huwa mistenni jikkontribwixxi terz minnhom. Ħafna kumpaniji diġà għandhom l-istrateġiji tagħhom dwar l-SDGs, imma kollha għandhom jiġu mħeġġa jassumu r-responsabbiltà għall-impatt tagħhom fuq is-soċjetà permezz ta’ diliġenza dovuta abbażi tar-riskju. Il-KESE jinnota li l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi hija ffaċilitata wkoll permezz tal-politiki tat-taxxa internazzjonali biex jiġi appoġġjat l-investiment għall-implimentazzjoni tal-SDGs (7).

    1.8.

    L-SDG 17 jiddikjara b’mod speċifiku wkoll li “l-aġenda ta’ żvilupp sostenibbli ta’ suċċess teħtieġ sħubiji bejn il-gvernijiet, is-settur privat u s-soċjetà ċivili”. Il-KESE għalhekk iħeġġeġ li l-mandati kollha tal-ġejjieni għal Kapitoli tat-TSD fin-negozjati tal-kummerċ u s-sħubija tal-UE għandhom jinkludu klawsola speċifika li tirrikjedi liż-żewġ partijiet ta’ kull mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tas-soċjetà ċivili li jaħdmu flimkien biex jippromwovu l-SDGs u jimmonitorjaw l-effetti ta’ dan.

    1.8.1.

    Dawn il-kapitoli tat-TSD (b’mod speċjali billi dawn ikopru l-SDGs, il-Ftehim ta’ Pariġi u l-osservanza tal-Konvenzjonijiet tal-ILO) għandhom jingħataw l-istess piż daqs dawk li jkopru kwistjonijiet kummerċjali, tekniċi jew tariffarji.

    1.9.

    Finalment, il-KESE jfakkar lill-UE dwar ir-rakkomandazzjoni preċedenti tagħha (8) li twettaq valutazzjoni sħiħa tal-impatt fuq l-effetti probabbli li l-implimentazzjoni tal-SDGs u tal-Ftehim ta’ Pariġi se jkollhom fuq il-politika kummerċjali tal-UE, inkluża l-agrikoltura. Il-politika tajba tibda b’analiżi tajba.

    2.   Sfond: l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs)

    2.1.

    L-implimentazzjoni ta’ “L-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-2030” komprensiva tan-Nazzjonijiet Uniti, u b’mod partikolari l-parti ċentrali tagħha, l-SDGs, se tibqa’ prijorità globali ewlenija sad-data ta’ mira tagħha. Is-17-il SDG huma appoġġjati minn 169 mira speċifika oħra.

    2.1.1.

    L-SDGs huma ta’ natura globali, applikabbli universalment u interkonnessi – il-pajjiżi kollha għandhom jaqsmu r-responsabbiltà sabiex dawn jintlaħqu. Dawn diġà qed iwasslu għal mod ġdid kif isir ix-xogħol fuq livell globali – mod aktar mifrux, aktar parteċipattiv u aktar konsultattiv: aktar minn 90 pajjiż fittxew l-assistenza ta’ oħrajn, notevolment l-UE, biex jgħinuhom jilħqu dawn l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli.

    2.2.

    L-importanza tal-SDGs ittejbet ħafna bil-Ftehim ta’ Pariġi li diġà daħal fis-seħħ. Minn dak iż-żmien inħolqot inċertezza konsiderevoli mill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti meta ddikjarat l-intenzjoni tagħha li tirtira mill-Ftehim u dan x’jista’ jfisser fil-prattika. Dan tabilħaqq jiftaħ it-triq għall-UE biex tassumi t-tmexxija fl-iżgurar li kemm l-SDGs kif ukoll il-Ftehim ta’ Pariġi jibqgħu l-ogħla prijoritajiet, tibni fuq l-interess b’saħħtu f’dawn il-ftehimiet muri miċ-Ċina u minn ekonomiji oħra li qed jikbru. Sal-lum ħafna ekonomiji emerġenti li qed jinħolqu b’mod rapidu għadhom iridu jagħmlu sforzi notevoli biex jgħinu pajjiżi oħra li għadhom lura aktar fl-iżvilupp.

    2.3.

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-Passi li Jmiss għal Ġejjieni Sostenibbli Ewropew: l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea għas-sostenibbiltà” f’Novembru 2016 kellha l-għan li tintegra bis-sħiħ l-SDGs “fil-qafas tal-politika Ewropea u fil-prijoritajiet attwali tal-Kummissjoni”, kif fil-fatt hija marbuta li tagħmel skont it-Trattat ta’ Lisbona (9). Din l-inizjattiva, li qed isir xogħol fuqha bħalissa, intlaqgħet tajjeb mill-Kumitat fl-opinjoni tiegħu dwar L-Agrikoltura fin-Negozjati Kummerċjali  (10), li rrakkomandat ukoll li l-UE twettaq valutazzjoni sħiħa tal-impatt fuq l-effetti probabbli tagħhom fuq il-politika kummerċjali tal-UE.

    2.3.1.

    Din il-Komunikazzjoni ddikjarat li l-SDGs “ser ikunu dimensjoni trasversali” għall-implimentazzjoni tal-istrateġija globali tal-UE. Indikat li l-UE kienet “strumentali fit-tfassil” ta’ din l-aġenda. Għandu jkun hemm sinerġija mill-qrib għall-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-SDGs u għall-promozzjoni tal-valuri Ewropej madwar id-dinja, għalkemm l-SDGs ma jippromovux direttament il-governanza tajba u l-istat tad-dritt.

    2.4.

    L-SDGs u l-Ftehim ta’ Pariġi jibdlu b’mod fundamentali l-aġenda kummerċjali globali, b’mod speċjali għall-kummerċ fil-prodotti industrijali u fl-agrikoltura. Il-bżonn li dawn il-ftehimiet jiġu implimentati issa għandu jkun fil-qalba tan-negozjati kummerċjali kollha tal-ġejjieni tal-UE.

    2.4.1.

    L-UE għandha l-kredibbiltà biex ikollha rwol biex tgħaqqad b’mod effettiv il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw. Il-KESE (11) kien innota qabel li l-UE tinsab f’pożizzjoni unika biex tmexxi din l-aġenda ’l quddiem:

    għandha l-piż bħala waħda mill-esportaturi u importaturi ewlenin fid-dinja,

    m’għadhiex tidher aktar li primarjament tiddefendi l-agrikoltura,

    għandha interess sostnut ippruvat fil-kummerċ u fl-iżvilupp u

    fuq kollox uriet fil-Konferenza Ministerjali tad-WTO tal-2015 f’Nairobi li għandha l-kapaċità tipproduċi ħsieb ġdid u bbilanċjat.

    3.   L-SDGs: rwol ewlieni għall-kummerċ u l-investiment

    3.1.

    Fl-1 ta’ Mejju l-Fondazzjoni tan-NU (12) bagħtet tweet “Niżguraw edukazzjoni, saħħa u governanza tajba għal kulħadd biex il-konflitti jkunu anqas probabbli. @UN għandha 17-il #GlobalGoals biex tagħmel dan. http://bit.ly/UN2030”. Dawn huma rekwiżiti fundamentali biex l-SDGs ikunu jistgħu jiġu rrealizzati, filwaqt li l-gwerra u l-korruzzjoni jibqgħu l-aktar kontrosfidi serji.

    3.2.

    Madankollu, il-kummerċ u l-investiment għandu jkollhom rwol sinifikanti ħafna biex l-SDGs jiġu rrealizzati. Il-kummerċ issemma darba biss fl-MDGs, imma disa’ darbiet fl-SDGs. Is-sit web tad-WTO jiġbed l-attenzjoni b’mod speċifiku għall-Għanijiet 2 (It-tmiem tal-ġuħ, il-kisba tas-sigurtà alimentari u t-titjib fin-nutrizzjoni, u l-promozzjoni tal-agrikoltura sostenibbli), 3 (Jiġu żgurati ħajjiet b’saħħithom u l-promozzjoni tal-benesseri għal kulħadd f’kull età), 8 (Il-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli, l-impjiegi u xogħol deċenti għal kulħadd), 10 (It-tnaqqis tal-inugwaljanza fil-pajjiżi u bejniethom), 14 (Il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi marini) u 17 (L-għoti tal-ħajja mill-ġdid lis-sħubija globali għall-iżvilupp sostenibbli). Ma’ dawn għandhom jiżdiedu l-Għanijiet 7 (Jiġi żgurat l-aċċess għall-enerġija affordabbli, affidabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd) u 9 (Il-bini ta’ infrastruttura reżiljenti, il-promozzjoni tal-industrijalizzazzjoni sostenibbli u t-trawwim tal-innovazzjoni). Dawn għandhom ikunu wkoll f’sinerġija sħiħa ma’ azzjoni rilevanti oħra, notevolment l-iżvilupp.

    3.2.1.

    Il-kummerċ fl-agrikoltura wkoll se jkollu rwol ewlieni fit-twettiq ta’ ħafna mill-SDGs, notevolment it-12 (Jiġu żgurati xejriet ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli) u 15 (Il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni, it-twaqqif u t-treġġigħ lura tad-degradazzjoni tal-art, it-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità), kif ukoll 1 (It-tmiem tal-faqar fil-forom kollha tiegħu kullimkien), 13 (It-teħid ta’ azzjoni urġenti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-impatti tagħha) u 5 (Il-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-bniet kollha).

    3.2.2.

    L-SDGs, għall-kuntrarju tal-MDGs, jidentifikaw b’mod speċifiku l-“mezzi tal-implimentazzjoni” permezz tal-169 mira tagħhom identifikati b’mod speċifiku. Numru tant kbir ta’ miri jfisser li huwa iktar diffiċli li jiġu determinati l-prijoritajiet jew li jinkiseb appoġġ. Minkejja dan, il-konsiderazzjoni ewlenija għandha tkun li jiġi żgurat li jibqgħu inklużivi u li l-ebda taqsima tas-soċjetà ma titħalla lura.

    3.3.

    Il-KESE huwa mħasseb li għadhom ma ġewx iddefiniti b’mod effettiv miżuri/politiki suffiċjenti, u li l-lakuni ewlenin li jridu jimtlew diġà ġew identifikati bis-sħiħ.

    3.3.1.

    Ikun essenzjali li naraw fid-dettall x’jista’ jikkontribwixxi l-kummerċ, fih innifsu. Minbarra l-azzjoni diretta, il-kummerċ u l-investiment “favur l-SDGs” għandhom jiġu inklużi, pereżempju permezz tal-użu ta’ teknoloġija nadifa. Hemm ħafna modi kif il-kummerċ u l-investiment jistgħu jagħmlu kontribuzzjoni pożittiva minkejja li b’mod indirett, anke jekk ma tistax dejjem tkun il-mutur prinċipali għall-kisba tal-SDGs, u lanqas ma tista’ toffri approċċ sistematiku.

    3.4.

    Skont id-definizzjoni, il-kummerċ għandu jkun sostenibbli, għalkemm fir-realtà dan bl-ebda mod mhuwa dejjem hekk, b’mod speċjali meta mqabbel mal-kriterji attwali tas-sostenibbiltà inkluż il-marki tal-karbonju. Fil-passat fl-Ewropa, l-ikel u l-prodotti li jsir kummerċ tagħhom fir-reġjun kienu dawk li r-reġjun ma setax jipproduċi hu nnifsu (13). Żewġ fatturi oħra kienu importanti – il-ħiliet tal-ipproċessar ewlenin u fundamentali żviluppati fuq perjodu twil, u l-faċilità tat-trasport. L-aċċess għall-ilma kien importanti b’mod kritiku, għaliex it-trasport bl-art kien ferm ogħla u ferm anqas affidabbli.

    3.4.1.

    Dawn il-fatturi jibqgħu importanti. Il-politiki ta’ sostituzzjoni tal-importazzjoni b’mod regolari fallew. Il-kunfidenza internazzjonali fil-kummerċ hija fundamentali biex jiġu minimizzati jew evitati l-ostakoli għall-importazzjoni bla bżonn. Għal dan il-għan hija essenzjali sistema ta’ kummerċ globali, appoġġjata minn sistema internazzjonali tat-tfassil tar-regoli u tas-soluzzjoni tat-tilwim. Hawnhekk ir-rwol tad-WTO jibqa’ kritiku, minkejja l-isfidi potenzjali mill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti.

    3.4.2.

    Tabilħaqq il-mira speċifika tal-Għan 17 hija li “jippromwovi sistema kummerċjali multilaterali universali, ibbażata fuq ir-regoli, miftuħa, mhux diskriminatorja u ekwitabbli taħt id-WTO”: id-WTO għalhekk għandha l-kompitu li jkollha rwol ewlieni. L-UE trid tkompli tinkoraġġixxi u tappoġġja dan.

    3.4.3.

    Id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Nairobi tad-WTO spjegat li l-kummerċ internazzjonali jista’ jkollu rwol lejn il-kisba ta’ tkabbir sostenibbli, robust u bbilanċjat għal kulħadd (14), u enfasizzat li dan se jkun ferm aktar iebes mingħajr mekkaniżmu kummerċjali multilaterali. Issottolinjat ukoll l-importanza tal-Inizjattiva Għajnuna għall-Kummerċ tagħha, li għandu jkollha rwol ewlieni biex tgħin biex jintlaħqu ħafna SDGs.

    3.4.4.

    L-impenn tad-WTO li tabolixxi s-sussidji fuq l-esportazzjoni għall-esportazzjoni agrikola, li ntlaħaq f’Nairobi, jilħaq il-mira ewlenija stabbilita għall-SDG 2 (Ġuħ żero). In-negozjati attwali tad-WTO dwar is-sussidji fuq is-sajd huma rilevanti għall-mira tal-SDG 14 (Oċeani, ibħra u riżorsi marini) li jipprojbixxi sal-2020 dawk li jikkontribwixxu għall-kapaċità żejda u għas-sajd eċċessiv. Aħna qed inħarsu ’l quddiem lejn il-Laqgħa Ministerjali li jmiss tad-WTO f’Buenos Aires biex jintlaħaq tali ftehim.

    3.4.5.

    Sa mill-1947, l-ewwel il-GATT, u issa d-WTO, kellhom l-għan li jeliminaw l-ostakoli. Minbarra l-ikel, il-prodotti agrikoli, it-tessut, l-ilbies, iż-żraben u ċ-ċeramika, l-enfasi issa mxiet mit-tneħħija tat-tariffi għall-indirizzar tal-ostakoli non-tariffarji. Kif iddikjara preċedentement il-KESE (15), “il-kummerċ jgħin biex jikkumbatti l-iżbilanċi fid-domanda u l-provvista, jista’ jtejjeb is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni b’mod sinifikanti permezz taż-żieda fid-disponibbiltà tal-ikel, jippromwovi l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u jżid l-investiment, l-opportunitajiet tas-suq u t-tkabbir ekonomiku, u b’hekk jiġġenera impjiegi, dħul u prosperità”.

    3.5.

    Hekk kif jiżdied id-dħul globali, l-istess tagħmel id-domanda għal għażla u varjetà ta’ ikel u oġġetti tal-konsum bla preċedent. Dawn jinkludu prodotti tal-qoton, żrieragħ u ċanga, li jeħtieġu ammont konsiderevoli ta’ ilma biex jiġu prodotti – u l-ilma f’ħafna postijiet huwa kommodità skarsa. L-użu sostenibbli tal-ilma u l-ħamrija (u l-evitar tat-tniġġis tal-arja) huma ewlenin biex jiġu realizzati ħafna SDGs. Ir-razzjonalizzazzjoni tal-produzzjoni dejjem aktar se ssir kwistjoni ewlenija: pereżempju, l-Użbekistan (li għadu mhux membru tad-WTO) jiddependi ħafna fuq il-produzzjoni tal-qoton, imma huwa pajjiż aridu, u l-qoton huwa għalla li teħtieġ ħafna ilma u li teħtieġ ukoll użu sinifikanti ta’ pestiċida.

    3.6.

    Il-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Kummerċ (TFA), li daħal fis-seħħ kmieni fl-2017, għandu notevolment iżid ukoll is-sostenibbiltà fil-kummerċ internazzjonali permezz tat-tneħħija tad-dewmien u tal-ostakoli mhux meħtieġa fil-fruntiera. Il-bini ta’ kapaċità huwa rwol ewlieni għall-UE hawnhekk.

    3.7.

    L-impatt tal-kummerċ u l-investiment fuq it-tibdil fil-klima huwa sinifikanti. In-negozjati għall-Ftehimiet plurilaterali dwar il-Prodotti Ambjentali (EGA) jwiegħdu pass importanti fl-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima fil-politika kummerċjali multilaterali, iżda se tibqa’ meħtieġa iktar azzjoni multilaterali biex tiġi promossa konsistenza akbar.

    3.8.

    Ir-rwol tal-investiment fir-realizzazzjoni tal-SDGs huwa wkoll fundamentali, notevolment fl-Afrika, billi jgħin biex jipprovdi l-infrastruttura suffiċjenti (l-Għan 9), il-faċilitajiet tal-ipproċessar sekondarju suffiċjenti u billi jżid il-kapaċità li jwassal il-prodotti li jirriżultaw fiċ-ċentri tat-trasport u fis-suq.

    3.8.1.

    Kif iddikjarat fl-opinjoni tal-Kumitat dwar il-ftehimiet awtonomi ta’ investiment  (16), “qasam ewlieni … għall-partijiet għall-ftehim ta’ investiment se jkun il-faċilitazzjoni tal-investiment permezz tal-provvista ta’ infrastruttura sostenibbli meħtieġa. Il-gvernijiet huma responsabbli biex jipprovdu bażi regolatorja soda għall-infrastruttura, …jew biex jiżguraw grilji effettivi u effiċjenti għall-enerġija, l-ilma u t-trasport, permezz ta’ pedamenti sistematiċi. In-netwerks u l-grilji tal-enerġija u tal-ilma jeħtieġu disinn kumpless u jistgħu jeħtieġu xi għaxar snin jew iktar biex jidħlu kompletament fis-seħħ”.

    4.   Ir-rwol tal-UE u x’jaqa’ fil-kompetenza tagħha

    4.1.

    Kif imsemmi, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Il-Passi li Jmiss” għandha l-għan li tintegra bis-sħiħ l-SDGs fil-qafas tal-politika Ewropea u fil-prijoritajiet attwali tal-Kummissjoni.

    4.1.1.

    Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2006 “L-Ewropa globali: nikkompetu fid-dinja” il-Kummissjoni qalet li kien essenzjali li jiġi żgurat li l-benefiċċji tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ “jgħaddu għand iċ-ċittadini tagħna. Hekk kif nimxu fit-triq tal-ġustizzja soċjali u l-koeżjoni f’pajjiżna, għandna nfittxu wkoll li nippromwovu l-valuri tagħna, fosthom dawk soċjali u ambjentali, madwar id-dinja” (17).

    4.1.2.

    It-Trattat ta’ Lisbona (18) jeħtieġ li l-attività kollha tal-UE fil-kummerċ, l-iżvilupp, u l-azzjoni esterna usa’ jkunu marbuta b’mod reċiproku. Aħna diġà esprimejna d-diżappunt tagħna (19) li l-SDGs bil-kemm issemmew fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Kummerċ għal Kulħadd” (20), ippubblikata ftit wara l-adozzjoni tagħhom min-NU. Fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tagħha “Kummerċ għal Kulħadd” l-UE għandha tagħti attenzjoni partikolari rigward l-iżgurar li l-ftehimiet kummerċjali u ta’ sħubija tal-ġejjieni tagħha jikkonformaw mal-istandards ewlenin tal-ILO, mal-impenji tal-COP21 u jiżguraw il-protezzjoni tal-konsumatur.

    4.1.3.

    Madankollu, kif uriet is-sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (21) dwar l-FTA bejn l-UE u s-Singapore, il-kompetenza tal-UE fl-investiment hija limitata, filwaqt li għandha kompetenza sħiħa fi kwistjonijiet kummerċjali.

    4.2.

    L-SDGs infushom mhumiex legalment vinkolanti, u lanqas appoġġjati minn mekkaniżmu tat-tilwim. Is-suċċess se jiddependi fuq il-politiki u l-programmi ta’ żvilupp sostenibbli tal-pajjiżi stess. In-NU tenfasizza li huma meħtieġa sħubijiet bejn il-gvernijiet, is-settur privat u s-soċjetà ċivili. Is-sit web (22) tagħha anke telenka l-azzjonijiet li għandhom jieħdu l-individwi.

    4.3.

    L-UE għandha tkompli tħares lejn il-politiki u l-attivitajiet tagħha stess biex tiddetermina kif l-aħjar tikkontribwixxi għar-realizzazzjoni tal-SDGs, mhux l-inqas fil-qasam tal-kummerċ. Aħna ninsabu mħassba li l-UE ta’ sikwit tidher aktar lesta biex turi kif il-politiki eżistenti tagħha jikkoinċidu u jitħalltu mal-miri tal-SDGs, aktar milli tadatta l-politiki eżistenti biex tikseb sinerġija massima. Aħna wkoll għad irridu nkunu konvinti li l-Kummissjoni żviluppat approċċ mifrux mad-DĠ kollha fir-rigward tal-kwistjonijiet ewlenin. Il-fokus aktar ikkonċentrat fuq il-kisba tal-SDGs, inkluż fil-politika tal-kummerċ, għandu jikseb riżultati aħjar.

    4.3.1.

    Dawn l-oqsma għandhom jinkludu t-tiġdid li ġej tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE ta’ “Cotonou”, u l-interazzjoni usa’ tal-UE ma’ dawk ir-reġjuni. Barra minn bini tal-kapaċità mmirat bħala appoġġ tat-TFA, din għandha wkoll tikkonsolida kwalunkwe reviżjoni kontinwa tal-istrateġija konġunta tal-UE/l-Istati Membri dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ (23), element ewlieni tal-Inizjattiva Għajnuna għall-Kummerċ tad-WTO. Imfassla biex issaħħaħ il-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jużaw l-opportunitajiet offruti minn ftehimiet ta’ kummerċ, min-naħa tagħha se tkun ukoll kruċjali fil-proċess biex jinkisbu ħafna mill-Għanijiet.

    4.3.2.

    Għandu jingħata wkoll appoġġ aktar iffukat għall-użu tal-kummerċ bħala mezz biex jappoġġja kemm l-integrazzjoni reġjonali kif ukoll l-SDGs, b’mod speċjali dawk ir-reġjuni fejn il-FSE għadhom iridu jintlaħqu, għalkemm jiddispjaċina wkoll li l-wegħda bikrija tal-FSE għad trid tiġi rrealizzata bis-sħiħ.

    4.3.3.

    Sa fejn jippermettu l-kompetenzi tagħha l-UE għandha tħares ukoll biex tiżviluppa sinerġiji akbar bejn l-SDGs u s-27 Konvenzjoni ambjentali u tal-ILO obbligatorji rilevanti għall-programm GSP+ tagħha (kif ukoll ir-rekwiżiti għall-programm EBA tal-LDCs).

    4.3.4.

    Id-Dikjarazzjoni Finali ta’ Lulju 2015 tal-14-il laqgħa tal-Gruppi ta’ Interessi Ekonomiċi u Soċjali tal-AKP-UE f’Yaoundé (24) tgħid li r-riżorsi finanzjarji disponibbli kollha għandhom jintużaw biex jintlaħqu l-SDGs, fi ħdan qafas ta’ governanza fiskali robusta u trasparenti, li jinkludi s-settur privat.

    4.4.

    Il-Kumitat jemmen ukoll li l-UE għandha tippromwovi r-realizzazzjoni tal-SDGs kull fejn possibbli permezz tar-relazzjonijiet bilaterali tagħha. L-eżempju prim ta’ dan huwa l-interazzjoni maċ-Ċina dwar il-BRI tagħha, li kif ġie enfasizzat fil-laqgħa reċenti tar-Round Table UE-Ċina (25) l-implimentazzjoni tagħha “għandha tikkontribwixxi għar-realizzazzjoni ta’ … l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima”. Dan kien jirrifletti kummenti simili reċenti mis-Segretarju Ġenerali tan-NU.

    4.4.1.

    Madankollu, il-KESE jtenni l-konvinzjoni qawwija tiegħu dwar l-importanza tal-konformità taċ-Ċina u ta’ pajjiżi oħra mal-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO).

    4.5.

    Il-KESE jemmen ukoll li l-UE għandha tinkorpora l-istrateġija Ewropa 2020 mal-objettivi kondiviżi tal-SDGs sabiex toħloq il-kundizzjonijiet għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

    4.6.

    Fl-opinjoni tiegħu dwar L-iżvilupp sostenibbli: l-immappjar tal-politiki interni u esterni tal-UE  (26), il-KESE qal: “L-Aġenda 2030 tan-NU għandha tinbidel f’narrattiva proattiva, b’kapaċità ta’ trasformazzjoni u pożittiva għall-Ewropa, u dan il-proċess għandu jkun xprunat minn rieda politika qawwija u determinazzjoni li tissawwar Unjoni Ewropea sostenibbli billi nxaqilbu l-ekonomiji tagħna lejn żvilupp li huwa reżiljenti u kompetittiv, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, b’użu baxx tal-karbonju u soċjalment inklużiv. Din in-narrattiva li tħares ’il quddiem tista’ tgħin ukoll sabiex jingħeleb in-nuqqas ta’ fiduċja mingħajr preċedent taċ-ċittadini tal-UE fil-proġett tal-UE u b’mod partikolari jintrebaħ l-appoġġ taż-żgħażagħ għalih. L-UE għandha tuża l-aġenda 2030 tan-NU b’dan il-mod biex tippreżenta viżjoni ġdida tal-Ewropa għaċ-ċittadini tal-UE: il-kuntratt soċjali tas-seklu 21”.

    5.   Ir-rwol tas-settur privat

    5.1.

    L-UNCTAD tistma (27) li biex jintlaħqu s-17-il SDG (u l-169 mira tagħhom) jeħtieġ li jinstabu USD 2,5triljun oħra fis-sena. Tal-anqas terz minnhom huma mistennija jiġu pprovduti mis-settur privat, li r-rwol tiegħu huwa enfasizzat fl-Għan 17, flimkien ma’ dak tas-soċjetà ċivili.

    5.2.

    Ħafna minnhom se jiġu permezz ta’ żieda fil-kummerċ u fl-investiment, notevolment mill-ħtieġa li jinbnew bliet, u l-provvista konsegwenti ta’ infrastruttura, skejjel, sptarijiet u toroq. Dan diġà huwa impliċitu fil-BRI taċ-Ċina.

    5.3.

    Kif imsemmi, il-bini tal-infrastruttura fl-Afrika b’mod partikolari se jkun importanti b’mod speċjali. Il-kummerċ intern fl-Afrika huwa baxx; jammonta għal bejn 10 % u 15 % tal-kummerċ Afrikan kollu. Kif diġà ddikjara l-KESE, “it-tisħiħ tal-kapaċità tal-pajjiżi Afrikani li jespandu l-kummerċ fl-agrikoltura flimkien mal-SDGs li jkopru l-infrastruttura, l-integrazzjoni reġjonali u l-approfondiment tas-swieq interni, inkluż permezz ta’ żieda fl-ipproċessar sekondarju, se jkunu essenzjali biex jippermettu lill-Afrika tipparteċipa b’mod pożittiv fil-kummerċ agrikolu u kummerċ ieħor kif ukoll biex isaħħu s-sigurtà alimentari” (28).

    5.4.

    Il-KESE qal ukoll li “l-ambjent regolatorju jeħtieġ li jkun ippjanat fit-tul. Bl-istess mod jeħtieġ li l-kumpaniji jippjanaw fit-tul, speċjalment jekk iridu li l-investimenti tagħhom jirnexxu. Falliment fuq kull naħa m’huwa tajjeb għal ħadd. Atturi b’saħħithom tal-gvern u tas-settur privat iridu jiżviluppaw sinerġiji ġodda u jitgħallmu forom ġodda ta’ involviment. Hawnhekk ukoll għandu jaqdi rwol ewlieni l-kontribut tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari fil-livell tal-imsieħba soċjali” (29).

    5.5.

    Il-ġestjoni effettiva tal-Ktajjen ta’ Valur Mondjali u ta’ Provvista (GVCs, GSCs) se tkun essenzjali, kif enfasizzat mill-KESE fl-opinjoni tiegħu dwar Xogħol Deċenti fil-Ktajjen ta’ Provvista Mondjali  (30). Il-GVCs ikopru l-attività kollha mill-kunċett tal-prodott sakemm jasal għand il-konsumatur finali. Il-GSC hija parti mill-GVC iddedikata għall-akkwisti imma mhux għall-kunċett jew għad-distribuzzjoni.

    5.5.1.

    Il-KESE ddikjara l-għan tiegħu “li jistabbilixxi politika gradwali, konsistenti u sostenibbli fil-ġestjoni responsabbli tal-GSCs”, u “li jippromwovi approċċi prattiċi u xierqa bbażati fuq ir-riskju li jqisu n-natura speċifika tal-katina ta’ valur mondjali u tal-GSC (organizzazzjoni lineari jew modulari, sempliċi jew kumplessa, qasira jew twila)”.

    5.5.2.

    L-impatt tas-settur privat se jkun profond. Jista’ jkun katalist ewlieni għat-tiġdid soċjali, ekonomiku u kulturali, mhux l-anqas permezz tal-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ ħiliet ewlenin u billi jipprovdi diversifikazzjoni akbar. Ħafna kumpaniji diġà għandhom l-istrateġiji tagħhom għall-SDGs. Madankollu, il-Kondotta Kummerċjali Responsabbli (RBC) se tkun importanti biex tgħin fir-realizzazzjoni tal-SDGs, mhux l-inqas billi tinkoraġġixxi l-kumpaniji kollha jkunu responsabbli għall-impatt tagħhom fuq is-soċjetà. Din għandha tinbena fuq diliġenza dovuta, bbażata fuq ir-riskju, notevolment fil-GVCs u fil-GSCs, li tkopri kemm l-impatti negattivi kif ukoll ir-riskji u fil-promozzjoni attiva tal-benefiċċji, biex jiġi żgurat li l-ebda taqsima tas-soċjetà ma titħalla lura. Dan min-naħa tiegħu għandu jagħti spinta lil-“liċenzja tal-kumpaniji biex jaħdmu”, filwaqt li jimmassimizza kemm l-innovazzjoni kif ukoll it-tkabbir ekonomiku sostenibbli.

    5.6.

    L-iżgurar ta’ sinerġija akbar bejn l-SDGs u s-settur privat se jinvolvi:

    il-promozzjoni tar-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR), l-istandard ISO 26000 u l-iżvilupp ta’ ftehimiet qafas internazzjonali (IFAs) bejn intrapriżi multinazzjonali kbar u l-organizzazzjonijiet trejdjunjonistiċi internazzjonali (fis-setturi kollha, b’mod partikolari s-setturi industrijali);

    l-iżvilupp tal-klassifikazzjoni mhux finanzjarja tal-kumpaniji (soċjali u ambjentali) u biex jiġi inkoraġġit l-investiment soċjalment responsabbli;

    l-inklużjoni tar-responsabbiltà soċjali u ambjentali fil-katina tal-valur bejn il-kuntrattur u s-sottokuntrattur.

    5.6.1.

    Il-KESE jemmen li kwalunkwe ftehim kummerċjali jew ta’ sħubija tal-ġejjieni tal-UE għandu jfittex li jinkludi l-promozzjoni tal-prinċipji u l-istandards tas-CSR, u jfittex il-promozzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali f’dan il-qasam, notevolment fir-rapportar ekstrafinanzjarju. Għandhom jinsistu li kull parti firmatarja għandha tinkoraġġixxi b’mod attiv il-konformità mill-kumpaniji mal-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali (31) u mal-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti, li d-dritt għan-negozjar kollettiv jiġi ggarantit u d-djalogu soċjali sostnut.

    5.6.2.

    Fir-Rapport ta’ Informazzjoni dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (32), il-Kumitat enfasizza wkoll l-importanza tal-Prinċipji Gwida tan-NU tal-2011 dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (33), bħala attur ewlieni fil-qasam tar-responsabbiltà korporattiva, permezz tal-enfasi tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem taħt il-pilastru soċjetali. Dan issa qed jiġi żviluppat aktar min-NU lejn Trattat Vinkolanti tal-Korporazzjonijiet Transnazzjonali u intrapriżi oħrajn fir-rigward tad-Drittijiet tal-Bniedem.

    5.6.3.

    Opinjonijiet tal-KESE rilevanti oħra jinkludu dawk dwar ir-rwol tas-Settur Privat fl-Iżvilupp (34), u dwar l-Istabbiliment tal-Garanzija tal-EFSD u tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD (35).

    5.7.

    Ir-realizzazzjoni tal-Għan 17 għandha tinvolvi kemm l-akkwist mill-Gvern kif ukoll il-gvernijiet li jaħdmu flimkien mas-settur privat. L-UE għandha taħdem mill-qrib kemm mal-UNCTAD kif ukoll mal-UNECE, li kienet qed tippromwovi r-rwol tas-sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs). Filwaqt li b’mod ġenerali jappoġġja l-PPPs, il-KESE (36) enfasizza ċertu tħassib, u ddikjara li l-PPPs “jistgħu jsiru strument essenzjali għat-twettiq tal-istrateġiji ta’ żvilupp, sakemm jiġi żgurat minn qabel li l-ammont ikun korrett u li jkun hemm komunikazzjoni tajba mal-partijiet interessati”.

    5.8.

    Il-Kumitat diġà ssottolinja l-potenzjal enormi tal-kummerċ elettroniku għall-SMEs u għal kumpaniji oħra aktar speċjalizzati, li jippermetti lilhom u lin-negozji lokali jaċċessaw is-swieq li s’issa ma kinux aċċessibbli. Billi l-SMEs huma muturi ewlenin tal-innovazzjoni, importanti għaż-żamma u l-iżvilupp tas-sostenibbiltà, u joħolqu 70-80 % tal-impjiegi, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari għall-appoġġ ta’ tali negozji billi tgħinhom jilħqu l-SDGs.

    6.   Ir-Rwol tas-Soċjetà Ċivili

    6.1.

    L-SDG 17 speċifikament jirreferi għar-rwol tas-soċjetà ċivili, u jgħid li “l-aġenda ta’ żvilupp sostenibbli ta’ suċċess teħtieġ sħubiji bejn il-gvernijiet, is-settur privat u s-soċjetà ċivili. Dawn is-sħubiji globali […] huma meħtieġa fuq il-livell globali, reġjonali, nazzjonali u lokali”. Imbagħad jirreferi għall-“oqfsa ta’ reviżjoni u ta’ monitoraġġ”. Għall-ewwel darba fl-istorja tan-NU, l-SDGs jispeċifikaw li l-Gvernijiet għandhom responsabbiltà lejn in-nies. L-implimentazzjoni tal-SDGs se teħtieġ l-involviment dirett tas-soċjetà ċivili mhux l-anqas għaliex dak għandu jinkoraġġixxi l-istat tad-dritt u jgħin fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Meta s-soċjetà ċivili tibża’ tikkontribwixxi, il-maqlub ikun minnu. F’soċjetà miftuħa, leħinha huwa forza b’saħħitha għal tibdil domestiku kbir, ftuħ u pluralità.

    6.1.1.

    Sa mill-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles (FTA) tal-2011 bejn l-UE u l-Korea, il-ftehimiet kollha ta’ sħubija kummerċjali u ekonomika tal-UE kellhom l-għan li jinkludu l-kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (TSD) (37) mal-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ tas-soċjetà ċivili. Dawn il-kapitoli issa jinsabu taħt reviżjoni. Jeħtieġ li jissaħħu u fejn possibbli jiġu adattati biex jappoġġjaw ir-realizzazzjoni tal-SDGs. Il-mandati ta’ nnegozjar tal-ġejjieni tal-UE għandhom jinkludu referenza speċifika fil-kapitoli tat-TSD għall-SDGs.

    6.2.

    Dawn il-mekkaniżmi għandhom potenzjal kbir fil-promozzjoni tal-valuri tal-UE, inklużi l-istandards soċjali u ambjentali. Jistgħu jagħtu riżultati tanġibbli. Huma mezz importanti għall-kooperazzjoni ma’ u għall-għoti ta’ setgħa lis-soċjetà ċivili minn pajjiżi sħab.

    6.2.1.

    Dawn il-mekkaniżmi konġunti tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu kapaċi jintervjenu biex jippromovu r-realizzazzjoni tal-SDGs, u jieħdu azzjoni kontra żviluppi sfavorevoli. Aħna nemmnu li dawn il-kapitoli dwar it-TSD jeħtieġ li jkunu infurzabbli bl-istess mod bħal klawżoli kummerċjali oħrajn. F’dan ir-rigward, nappellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tinnegozja f’kull ftehim futur miżuri li jippermettu monitoraġġ sħiħ tal-implimentazzjoni tal-kapitoli tat-TSD, u fejn ikun meħtieġ, tieħu azzjoni.

    6.3.

    Il-Kumitat jilqa’ wkoll l-enfasi li qed tingħata għall-importanza “tal-ekonomija soċjali għall-ħolqien tax-xogħol u għall-iżvilupp sostenibbli” fi “Sħubija Globali Ġdida għall-Qerda tal-Faqar u għall-Iżvilupp Sostenibbli wara l-2015”, adottata mill-Kunsill f’Mejju 2015 (38). L-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali wkoll għandhom il-potenzjal biex ikunu parteċipanti ewlenin biex jgħinu fir-realizzazzjoni tal-SDGs. Fl-opinjoni reċenti tiegħu dwar l-ekonomija soċjali  (39), il-KESE jindika li l-ekonomija soċjali hija prominenti fil-ħajja ta’ kuljum u fl-attività produttiva ta’ reġjuni kbar tal-Afrika, tal-Amerika u tal-Asja, u tagħmel kontribuzzjoni globali kbira għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol.

    Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2017.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  Il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima ta’ Pariġi (UNFCCC COP21).

    (2)  COM(2016) 739 final.

    (3)  L-Artikolu 21(3) tat-TFUE

    (4)  MDG 8, L-Iżvilupp ta’ Sħubija Globali għall-Iżvilupp.

    (5)  Beijing, 29-30 ta’ Ġunju 2017 (il-punt 25).

    (6)  UNCTAD Stqarrija għall-Istampa, Ġinevra, 2014 – minn dak iż-żmien ġiet ripetuta b’mod regolari.

    (7)  REX/487 – Opinjoni fuq Inizjattiva proprja tal-KESE dwar Sħubijiet għall-iżvilupp tal-UE u l-isfida tal-ftehimiet internazzjonali dwar it-taxxa, relatur Alfred Gajdosik, korelatur Thomas Wagnsonner (għada mhix ippubblikata fil-ĠU).

    (8)  Opinjoni tal-KESE dwar Kummerċ għal Kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment, Relatur: Jonathan Peel (ĠU C 264, 20.7.2016, p. 123).

    (9)  Artikolu 21(3) tat-TFUE.

    (10)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar “Ir-rwol tal-agrikoltura fin-negozjati kummerċjali bilaterali u reġjonali fid-dawl tal-laqgħa ministerjali tad-WTO f’Nairobi”, Relatur: Jonathan Peel (ĠU C 173, 31.5.2017, p. 20).

    (11)  Idem.

    (12)  @UNFoundation.

    (13)  In-naħa ta’ fuq tal-Ewropa kienet toffri s-suf, il-ferijiet, l-injam u ż-żrieragħ, in-naħa ta’ isfel tal-Ewropa min-naħa l-oħra kienet toffri d-drapp tal-qoton, iż-żejt taż-żebbuġa, is-sufra, l-inbejjed, l-ikel u l-frott.

    (14)  https://www.wto.org/english/thewto_e/minist_e/mc10_e/mindecision_e.htm.

    (15)  Ara n-nota 9 ta’ qiegħ il-paġna, idem.

    (16)  L-Opinjoni tal-KESE dwar Ir-rwol tal-iżvilupp sostenibbli u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-qafas tal-ftehimiet awtonomi ta’ investiment min-naħa tal-UE ma’ pajjiżi terzi, Relatur: Jonathan Peel (ĠU C 268, 14.8.2015, p. 19).

    (17)  COM(2006) 567 final, 4 ta’ Ottubru 2006, punt 3.1.iii.

    (18)  Artikolu 3, il-paragrafu 5.

    (19)  Opinjoni tal-KESE dwar Kummerċ għal Kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment, Relatur: Jonathan Peel (ĠU C 264, 20.7.2016, p. 123).

    (20)  COM(2015) 497 final.

    (21)  Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, Stqarrija għall-Istampa nru 52/17.

    (22)  http://www.un.org/sustainabledevelopment/takeaction

    (23)  Filwaqt li hawnhekk tiġi rikonoxxuta l-kontribuzzjoni rekord tal-UE ta’ EUR 12-il biljun fl-2014.

    (24)  Skont il-mandat tal-Ftehim ta’ Cotonou.

    (25)  Ara n-nota 5 f’qiegħ il-paġna.

    (26)  ĠU C 487, 28.12.2016, p. 41.

    (27)  UNCTAD Stqarrija għall-Istampa, Ġinevra, 2014 – minn dak iż-żmien ġiet ripetuta b’mod regolari.

    (28)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Ir-rwol tal-agrikoltura fin-negozjati kummerċjali bilaterali u reġjonali fid-dawl tal-laqgħa ministerjali tad-WTO f’Nairobi, ibidem, nota f’qiegħ il-paġna numru 9 (ĠU C 173, 31.5.2017, p. 20).

    (29)  Ara n-nota 15 ta’ qiegħ il-paġna.

    (30)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 17.

    (31)  Linji gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali, 2011.

    (32)  Rapport ta’ Informazzjoni tal-KESE dwar Ir-responsabbiltà soċjali u soċjetali korporattiva, Relatur: Evelyne Pichenot.

    (33)  http://www.ohchr.org/Documents/Publications/GuidingPrinciplesBusinessHR_En.pdf.

    (34)  L-Opinjoni tal-KESE dwar Il-finanzjament tal-iżvilupp – il-pożizzjoni tas-soċjetà ċivili, Relatur: Ivan Voleš (ĠU C 383, 17.11.2015, p. 49).

    (35)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “L-istabbiliment tal-Garanzija tal-EFSD u tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD, Relatur: Jan Simons (ĠU C 173, 31.5.2017, p. 62).

    (36)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 1.

    (37)  L-unika eċċezzjoni għandha tkun il-FSE mal-SADC.

    (38)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9241-2015-INIT/mt/pdf

    (39)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar Id-dimensjoni esterna tal-ekonomija soċjali, Relatur: Miguel Ángel Cabra De Luna (ĠU C 345, 13.10.2017, p. 58).


    Top