EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0435

Kawża C-435/16: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fl-4 ta’ Awwissu 2016 – Acacia Srl u Rolando D’Amato vs Dr. Ing. h.c. F. Porsche AG

ĠU C 419, 14.11.2016, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 419/29


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fl-4 ta’ Awwissu 2016 – Acacia Srl u Rolando D’Amato vs Dr. Ing. h.c. F. Porsche AG

(Kawża C-435/16)

(2016/C 419/38)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Acacia Srl, Rolando D’Amato

Konvenuta: Dr. Ing. h.c. F. Porsche AG

Domandi preliminari

1)

L-applikazzjoni tar-restrizzjoni tal-protezzjoni prevista fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 (1) hija limitata għall-partijiet komponenti li l-forma tagħhom hija imposta, jiġifieri għall-partijiet komponenti li l-forma tagħhom hija ddeterminata, fil-prinċipju, b’mod invarjabbli mid-dehra tal-prodott globali u għalhekk ma titħalliex, – bħalma huma fost l-oħrajn ir-rimmijiet ta’ karozzi -, fl-għażla libera tal-klijent?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

L-applikazzjoni tar-restrizzjoni tal-protezzjoni prevista fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 hija limitata biss għall-offerta ta’ prodotti ta’ disinn identiku, jiġifieri prodotti li jikkorrispondu wkoll mil-lat tal-kuluri tagħhom u tad-dimensjonijiet tagħhom mal-prodotti oriġinali?

3)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

Ir-restrizzjoni tal-protezzjoni prevista fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 hija applikabbli favur il-bejjiegħ ta’ prodott li fil-prinċipju jippreġudika d-disinn inkwistjoni biss jekk dan il-bejjiegħ jiżgura b’mod oġġettiv li l-prodott tiegħu jkun jista’ jiġi akkwistat biss għal finijiet ta’ tiswija u mhux ukoll għal finijiet oħra bħal, b’mod partikolari, it-tagħmir jew l-individwalizzazzjoni tal-prodott globali?

4)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda:

Liema miżuri għandu jadotta l-bejjiegħ ta’ prodott li fil-prinċipju jippreġudika d-disinn inkwistjoni sabiex jiżgura b’mod oġġettiv li l-prodott tiegħu jkun jista’ jiġi akkwistat biss għal finijiet ta’ tiswija u mhux ukoll għal finijiet oħra bħal, b’mod partikolari, it-tagħmir jew l-individwalizzazzjoni tal-prodott globali? Huwa biżżejjed, f’dan ir-rigward

a)

li l-bejjiegħ jintegra fil-fuljett ta’ bejgħ l-indikazzjoni li l-bejgħ isir esklużivament għal finijiet ta’ tiswija sabiex il-prodott globali jingħata lura d-dehra inizjali tiegħu jew

b)

il-bejjiegħ għandu jissuġġetta l-kunsinna għall-kundizzjoni li l-akkwirent (distributur u konsumatur) jiddikjara bil-miktub li ser juża l-prodott propost għall-bejgħ biss għal finijiet ta’ tiswija?


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).


Top