EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014AE7442

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti” — COM(2013) 659 final

ĠU C 451, 16.12.2014, p. 127–133 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/127


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti”

COM(2013) 659 final

(2014/C 451/21)

Relatur:

is-sur KALLIO

Korelatur:

is-sur BURNS

Nhar l-20 ta' Settembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti

COM(2013) 659 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-19 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu tad-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tal-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'111-il vot favur u 5 stensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Foresti (UE SF) u ż-żewġ dokumenti ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjawha. Fil-kuntest ta' esiġenzi dejjem ikbar fuq il-foresti u t-theddid kontrihom, kif ukoll ħafna politiki settorjali tal-UE u regoli assoċjati li jaffettwaw lill-forestrija u l-foresti, l-istrateġija l-ġdida hija ferm bżonjuża. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ kemm lill-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri biex jiżguraw li l-Istrateġija tiġi implimentata b'mod effettiv u effiċjenti.

1.2

F'dan il-kuntest, il-Kumitat ifakkar lill-Kummissjoni li t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE ma jagħmel l-ebda referenza għal politika komuni tal-UE dwar il-foresti u li l-kontroll tal-politika dwar il-foresti għandu jibqa' f'idejn l-Istati Membri.

1.3

Il-Kumitat jappoġġja l-approċċ olistiku u bbilanċjat bejn it-tliet pilastri tas-sostenibbiltà (il-pilastru ekonomiku, dak ambjentali u dak soċjali), enfasizzati fl-intestaturi ġenerali tal-Istrateġija tal-UE għall-Foresti, maqsuma fi tmien prijoritajiet. Il-KESE jemmen li l-linji gwida strateġiċi għal kull waħda mit-tmien prijoritajiet għandhom jintużaw biex jiżguraw li l-Istrateġija qed tiġi implimentata malajr.

1.4

Meta jitqies kemm il-foresti huma importanti għall-iżvilupp taż-żoni rurali u sabiex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fl-istrateġija, il-KESE jappella biex il-programmi għall-iżvilupp rurali jinkludu miżuri relatati mal-forestrija, u biex dawn il-miżuri jiġu promossi, sabiex jiġu assorbiti iktar fondi disponibbli.

1.5

Biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet dejjem ikbar tal-forza tax-xogħol minħabba livelli ta' mekkanizzazzjoni dejjem ogħla fil-katina ta' valur tal-forestrija u bħala tweġiba għall-isfidi tat-tibdil fil-klima u l-ambjent, il-KESE jenfasizza l-bżonn li l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-trasferiment tal-għarfien jiġu promossi fil-livelli kollha tas-settur tal-foresti. F'dan il-kuntest, il-Kumitat jappella wkoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jixprunaw ir-riċerka dwar kif jistgħu jittejbu l-potenzjal tal-impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-settur tal-forestrija.

1.6

Il-KESE jemmen li d-diskussjoni dwar il-Kriterji ta' Ġestjoni Sostenibbli tal-Foresti, irrispettivament mill-użu aħħari tal-injam, għandhom ikunu bbażati fuq il-kriterji u l-indikaturi rikonoxxuti u aċċettati b'mod mifrux, imfassla matul il-proċess tal-FOREST EUROPE (1) u għandhom iqisu wkoll il-karatteristiċi partikolari tal-Istati Membri u s-sistemi u l-leġislazzjoni eżistenti għall-foresti.

1.7

Fir-rigward tal-prinċipji li bihom jiġu prijoritizzati l-użi tal-injam, il-Kumitat ma jaċċetta l-ebda regola legalment vinkolanti u jappoġġja approċċ ibbażat fuq is-suq miftuħ u l-libertà tal-parteċipanti tas-suq.

1.8

Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li jinbtu mit-tibdil fil-klima, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkooperaw b'mod transkonfinali u jappoġġja t-talbiet biex il-foresti Ewropej isiru iktar adattabbli u reżiljenti, inklużi l-prevenzjoni tan-nar u soluzzjonijiet oħra adattivi bħala protezzjoni kontra l-perikli naturali. Sforzi adatti għandhom jiffokaw fuq ir-reżiljenza u l-multifunzjonalità tal-foresti.

1.9

Il-KESE jappoġġja l-użu ta' pjani ta' ġestjoni tal-foresti imma jenfasizza li għandhom ikomplu jintużaw fuq bażi volontarja u jinżammu separati b'mod ċar mill-pjani ta' ġestjoni tan-Natura 2000 sabiex jiġu evitati l-ispejjeż mhux neċessarji u l-burokrazija.

1.10

Bażi tal-għarfien imtejba hija s-soluzzjoni biex nifhmu l-ħafna sfidi li qed jiffaċċja s-settur tal-foresti. Il-KESE għalhekk iqis li jeħtieġ li naħdmu lejn l-armonizzazzjoni tad-data u skambju ta' informazzjoni u trasparenza iktar effettivi, filwaqt li fl-istess ħin jiġu rispettati d-drittijiet tal-proprjetà.

1.11

Il-KESE jappoġġja l-promozzjoni tal-injam u materji oħra tal-foresti inkluż is-sufra bħala materja prima domestika, sostenibbli, rinnovabbli u favur il-klima u l-ambjent u jinsab konvint li s-settur tal-foresti jrid jaqdi rwol ewlieni fis-suċċess ta' bijoekonomija futura.

1.12

Sabiex titrawwem il-kompetittività tas-settur tal-foresti, il-KESE jenfasizza l-importanza li jsir l-aħjar użu mill-opportunitajiet attwali u futuri għall-finanzjament biex jiġu appoġġjati r-riċerka u l-innovazzjoni, u jenfasizza r-rwol ta' inizjattivi bħas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP) (2) jew is-Sħubijiet Pubbliċi-Privati (PPP) għall-industriji bbażati fuq il-prodotti bijoloġiċi (3).

1.13

Peress li l-użu tal-bijomassa tal-injam għandu potenzjal kbir u benefiċċji numerużi għall-ekonomija ekoloġika, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b'mod attiv ifittxu modi kif jippromovu l-ġestjoni attiva tal-foresti u jtejbu l-użu tal-injam b'segwitu tal-miri 2020 (4), filwaqt li jirrikonoxxu l-limiti tas-sostenibbiltà.

1.14

Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jiġu valutati s-servizzi tal-ekosistema u jiġi żviluppat suq għalihom. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni kkoordinata u jistabbilixxu mekkaniżmu ta' kumpens biex jiġu kkumpensati l-fallimenti tas-suq li jeżistu attwalment.

1.15

Ser ikun hemm bżonn koordinazzjoni u komunikazzjoni qawwija mal-gruppi kollha ta' interess rilevanti sabiex l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti tiġi żviluppata u segwita. Għalhekk, il-KESE jenfasizza kemm hu importanti li l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati tissaħħaħ u tiġi żgurata, ħaġa li ser teħtieġ li jissaħħu l-gruppi rilevanti tad-djalogu ċivili, bħall-Kumitat Konsultattiv dwar il-Forestrija. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li jinħolqu gruppi ad hoc li jinkludu r-rappreżentanti tal-KESE u l-KtR.

1.16

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri tal-UE u kull attur ieħor rilevanti biex jissoktaw bin-negozjati u fl-aħħar mill-aħħar jilħqu kunsens dwar ftehim legalment vinkolanti dwar il-foresti fl-Ewropa. Flimkien mal-Istrateġija tal-UE dwar il-Foresti, il-Ftehim Legalment Vinkolanti jkun jirrappreżenta strument ewlieni għat-tisħiħ tas-settur tal-foresti kollu kemm hu. Definizzjonijiet u miri ċari għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti f'livell pan-Ewropew ikollhom ukoll impatt madwar id-dinja.

1.17

Fl-aħħar nett, il-KESE ser isegwi ujinvolvi ruħu f'kull inizjattiva attwali u futura bbażata fuq l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti jew fuq dokumenti oħra relatati, inklużi d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni.

2.   Daħla

2.1

Il-foresti u żoni ta' boskijiet oħra jirrappreżentaw iktar minn 40 % tal-massa tal-art tal-Ewropa u m'hemm l-ebda dubju dwar l-importanza straordinarja tagħhom. Hemm differenzi maġġuri bejn ir-reġjuni fir-riżorsi, l-istruttura, il-ġestjoni u l-użu tal-foresti. B'mod ġenerali, l-erja tal-foresti Ewropej qed tiżdied b'madwar 0,4 % fis-sena tul l-aħħar deċennji, u s-sitwazzjoni dwar l-istokk li qed jikber hija pożittiva wkoll, b'60-70 % biss taż-żieda annwali li qed tinqata'. Madwar 60 % tal-boskijiet għandhom sjieda privata, filwaqt li l-bqija huma pubbliċi.

2.2

Madwar l-UE u b'mod partikolari f'reġjuni b'ħafna foresti, hemm enfasi konsiderevoli fuq il-multifunzjonalità, peress li l-foresti jaqdu finijiet kemm soċjali u ambjentali kif ukoll ekonomiċi. Huma jipprovdu ħabitat għall-annimali u l-pjanti u għandhom rwol importanti fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u f'li jipprovdu servizzi oħra tal-ekosistema, inkluż il-kaċċa, il-frott tal-foresta jew is-saħħa tal-bniedem ir-rikreazzjoni jew it-turiżmu. Il-foresti huma importanti anke mil-lat soċjoekonomiku, imma ħafna drabi din l-importanza ma tiġix stmata biżżejjed. Il-forestrjia u industriji relatati jipprovdu impjiegi għal iktar minn tliet miljun persuna u huma kruċjali għall-benesseri u l-impjieg fiż-żoni rurali.

2.3

Il-forestrija sostenibbli mhijiex idea ġdida. Il-kunċett tal-ġestjoni sostenibbli ġie stabbilit fis-settur tal-forestrija 300 sena ilu; minn dak iż-żmien 'il hawn dan l-approċċ ta' ġestjoni responsabbli ġie żviluppat b'mod kontinwu, u gradwalment infirex fis-setturi kollha tal-ekonomija. Id-definizzjoni bażika tal-ġestjoni tal-foresti sostenibbli stabbilita fir-Riżoluzzjoni ta' Ħelsinki tal-1993 tal-Konferenza Ministerjali dwar il-Protezzjoni tal-Foresti fl-Ewropa kienet stadju importanti f'dan il-proċess, u tqiegħed il-prinċipju tas-sostenibbiltà f'kuntest globali.

2.4

L-Unjoni Ewropea ilha 15-il sena li għandha strateġija għas-settur tal-forestrija. Abbażi ta' riżoluzzjoni (5) tal-Parlament Ewropew, fl-1998 il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni (6) li timplimenta din il-gwida ta' politika.

2.5

Fuq talba tal-Kunsill (7), fir-rebbiegħa tal-2005, il-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija dwar il-forestrija (8) li mbagħad ġie kkomplementat bl-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni tal-UE għall-foresti li jkopri perjodu ta' ħames snin mill-2007 sal-2011 (9).

2.6

Il-valutazzjoni ex-post tal-pjan ta' azzjoni (li serviet bħala mezz ta' implimentazzjoni tal-istrateġija għall-forestrija tal-1998) saret b'mod parallel mas-Sena Internazzjonali tal-Foresti 2011.

2.7

Għad li t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE ma jagħmel l-ebda referenza għal politika komuni tal-UE dwar il-foresti, ħafna politiki settorjali u regoli assoċjati dwar, pereżempju, il-provvista tal-enerġija jew kwistjonijiet ambjentali u tal-klima, qed iwasslu għall-iżvilupp de facto ta' politika komuni tal-UE dwar il-forestrija. Fl-20 ta' Settembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-komunikazzjoni tagħha dwar strateġija ġdida tal-UE għall-foresti, bi tweġiba għall-isfidi li dejjem qed jiżdiedu u li kultant ikunu f'kunflitt li qed jiffaċċjaw il-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti u għall-bżonn ta' politika iktar koerenti u konsistenti.

3.   Qafas tal-istrateġija l-ġdida dwar il-foresti

3.1

Id-dokument bażiku tal-Kummissjoni huwa akkumpanjat minn żewġ dokumenti oħra ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni. L-ewwel wieħed jiffoka fuq il-proċess, l-analiżi u t-triq 'il quddiem proposta mill-istrateġija, u t-tieni wieħed jipprovdi għarfien dettaljat dwar l-industrji tal-UE bbażati fuq il-foresti, jiġifieri x-xogħol tal-injam, l-għamara, il-manifattura u l-konverżjoni tal-polpa u l-karta, u tal-istampar (10). Fid-dawl tal-karattru komplementari u l-importanza tagħhom, id-dokumenti ta' akkumpanjament għandhom jiġu kkunsidrati bir-reqqa. Il-KESE għandu jsegwi u jkun involut f'kull inizjattiva attwali u futura bbażata fuq l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti jew dokumenti oħra relatati.

3.2

Il-Kummissjoni għażlet li tippreżenta l-oqsma futuri għall-azzjoni tal-istrateġija taħt tliet intestaturi ġenerali, maqsuma fi tmien prijoritajiet.

3.3

Il-linji gwida strateġiċi previsti għal kull waħda minn dawn it-tmien oqsma prijoritarji jiżguraw li l-Istrateġija tindirizza l-ħtieġa li jiġu proposti miżuri konkreti u mhux biss li jsiru stqarrijiet ġenerali ta' intenzjoni.

3.4

Sabiex tkun tista' ssir implimentazzjoni rapida tal-istrateġija l-ġdida għall-foresti, il-Kummissjoni ma pproponietx li jitfassal pjan ta' azzjoni ġdid separat. Minflok, l-Istrateġija tinkludi lista ta' miżuri speċifiċi intiżi biex jilħqu l-għanijiet tagħha.

3.5

L-Istrateġija l-ġdida għall-foresti ġiet ippubblikata wara l-valutazzjoni finali tal-istrateġija preċedenti, u ftit żmien wara l-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni tal-UE li jmiss u l-qafas finanzjarju pluriennali għall-2014-2020.

3.6

L-ambjent ekonomiku u politiku fl-UE nbidel drastikament minn meta ġiet ippubblikata l-istrateġija preċedenti fl-1998. B'mod partikolari f'termini ta' impenji internazzjonali, l-istrateġija l-ġdida hija mnaqqxa f'qafas regolatorju kompletament ġdid.

3.7

Il-Kummissjoni ppubblikat l-istrateġija l-ġdida għall-foresti biex tikkoinċidi man-negozjati mill-Kumitat ta' Negozjar Intergovernattiv tal-FOREST EUROPE biex jiġi adottat ftehim legalment vinkolanti dwar il-foresti fl-Ewropa (11). Jekk jiġi implimentat, dan il-ftehim jissostitwixxi r-rakkomandazzjonijiet attwali, u jkun jinkludi definizzjonijiet u miri ċari għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti biex jiġu adottati mill-Istati firmatarji.

3.8

Il-KESE, bis-saħħa tar-rakkomandazzjonijiet li għamel (ara l-Appendiċi 1), appoġġja bosta proċessi rilevanti għall-forestrija, inkluża l-istrateġija l-ġdida għall-foresti minn meta tfasslet (12). Meta ġie ppubblikat ir-rapport ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni fl-2005, il-Kumitat ħa l-opportunità biex ifassal Opinjoni komprensiva dwar ir-rwol tal-foresti u l-forestrija f'ambjent li nbidel. Din l-Opinjoni sservi parzjalment biex taġġorna l-Opinjoni preċedenti tal-Kumitat fid-dawl tal-isfidi futuri.

4.   Kummenti ġenerali dwar l-istrateġija l-ġdida għall-foresti

4.1

L-Istrateġija hija bbażata fuq il-fatt li t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE ma jagħmel l-ebda referenza għal politika komuni tal-UE dwar il-foresti u b'hekk, il-kontroll fuq il-politiki dwar il-forestrija għadu f'idejn l-Istati Membri. L-Istrateġija hija wkoll waħda komprensiva li tibbilanċja l-aspett ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-forestrija sostenibbli, inkluż l-industrija tal-ipproċessar biswit il-foresti u l-forestrija.

4.2

Hija tenfasizza l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-multifunzjonalità, li tipproduċi firxa ta' prodotti u servizzi b'mod ibbilanċjat u tiżgura li l-foresti jitħarsu. Bħalissa fl-UE hemm biss ħarira iktar minn 60 % tat-tkabbir annwali tal-foresti li jinqata'; l-għan tal-Istrateġija għalhekk hu li tippromovi l-impjieg u l-prosperità bbażati fuq il-foresti fl-Ewropa billi s-settur tal-foresti jsir iktar kompetittiv u billi l-użu tal-injam isir iktar versatili bħala parti mill-isforzi biex tinbena bijoekonomija bbażata fuq materja prima rinnovabbli.

4.3

Din l-Istrateġija l-ġdida tirrappreżenta approċċ olistiku u tentattiv biex tittejjeb il-koordinazzjoni tal-forestrija fl-UE, tiġi promossa implimentazzjoni effiċjenti u effettiva u jsir tentattiv biex tiġi evitata l-burokrazija mingħajr skop u biex tissaħħaħ il-prestazzjoni tal-foresti u l-forestrija fl-UE.

4.4

L-industrija tal-ipproċessar tal-forestrija u dik ibbażata fuq il-foresti tista' tagħmel kontribut ġenwin għas-suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020. Madankollu, sabiex dan jinkiseb jeħtieġ li jkun hemm rabta mill-qrib bejn l-Istrateġija tal-foresti u s-segwitu tal-għanijiet tal-Ewropa 2020 billi tiġi promossa l-implimentazzjoni effiċjenti u effettiva tal-ewwel strateġija f'kull qasam ta' politika rilevanti.

4.5

Il-valutazzjoni tal-aħħar data dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-forestrija mill-Istati Membri taħt l-iżvilupp rurali wriet li l-istrumenti tal-politika rurali ma ġewx sfruttati kompletament. Sabiex jinkisbu aħjar l-għanijiet stabbiliti fl-istrateġija għall-foresti, l-Istrateġija tħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu importanza adatta lill-miżuri relatati mal-foresti fil-programmazzjoni u l-implimentazzjoni. Dan huwa neċessarju b'mod partikolari biex jiżdiedu l-involviment u l-mobilizzazzjoni tal-ħafna rziezet żgħar u foresti b'sidien privati. Dan jista' jiġi appoġġjat billi jiġu semplifikati l-proċeduri u titnaqqas il-burokrazija.

4.6

Fil-ġejjieni, l-intenzjoni hi li l-għanijiet tal-Istrateġija jiġu appoġġjati billi jintużaw il-miżuri u l-istrumenti fil-pakkett dwar il-forestrija fir-regolament dwar l-iżvilupp rurali (13).

4.7

L-Istrateġija tħeġġeġ lill-Istati Membri biex, f'kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali, jiżviluppaw miżuri biex isir użu aħjar tal-potenzjal għall-impjieg fis-settur, biex jittejbu l-ħiliet tal-persuni li jaħdmu fih, u biex ikomplu jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Għandha tinbeda riċerka ġdida u mmirata fil-forza tax-xogħol impjegata fil-foresti Ewropej, pereżempju fil-bini tat-toroq, it-tħawwil, il-manutenzjoni tal-foresti, il-ħsad, l-estrazzjoni, it-trasport, is-servizzi tal-informazzjoni u s-servizzi ambjentali. B'mod ġenerali, il-politiki u l-programmi tal-Istati Membri għandhom jgħinu biex itejbu l-kompetittività tal-forestrija u s-settur sħiħ ibbażat fuq il-foresti, sabiex jiġu ġenerati t-tkabbir u l-impjiegi fit-tul.

4.8

L-Istrateġija tenfasizza r-rwol versatili tal-foresti biex jgħinu jiksbu l-miri tal-klima u l-enerġija. Dawn il-miri jistgħu jinkisbu bl-appoġġ tal-ġestjoni u l-użu attiv tal-foresti, ħaġa li tirriżulta fi tkabbir tal-foresti aħjar u ħżin tal-karbonju aħjar u tagħmilha possibbli li s-sorsi ta' enerġija u materjali bbażati fuq il-fossili jiġu sostitwiti b'injam rinnovabbli.

4.9

L-Istrateġija tirrikonoxxi li l-foresti u l-ekosistemi tagħhom jeħtieġu protezzjoni speċjali b'riżultat tat-tibdil fil-klima u theddid ieħor estern.

4.10

L-Istrateġija tirrikonoxxi kemm huwa importanti li tittejjeb l-informazzjoni pubblika dwar il-foresti u l-forestrija u dwar l-injam bħala materja prima rinnovabbli. Dan għandu jiġi appoġġjat minn kampanji mmirati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri bil-għan li l-pubbliku jiġi sensibilizzat dwar ir-rwol li l-foresti jaqdu għas-soċjetà tagħna u viċiversa.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

L-Istrateġija tenfasizza li l-injam huwa materja prima sostenibbli, rinnovabbli, favur il-klima u l-ambjent b'varjetà wiesgħa ta' użi potenzjali. Il-proċessi u l-prodotti li huma effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija u ambjentalment responsabbli jikkontribwixxu għall-kompetittività tas-settur tal-foresti u, b'mod partikolari, ser jaqdu rwol ikbar fil-bijoekonomija tal-UE. Dan ser iżid id-domanda u b'hekk, il-bżonn li l-injam jiġi mobilizzat iktar. Huwa meqjus neċessarju li jiġu vvalutati mill-ġdid il-provvista potenzjali tal-injam, pereżempju permezz tal-immappjar tal-istrutturi tas-sjieda tal-foresti, u l-kwistjoni li l-mobilizzazzjoni miżjuda tal-injam sostenibbli tiġi faċilitata. Għandhom jiġu żviluppati soluzzjonijiet adatti biex tiżdied il-mobilizzazzjoni tal-injam, u dan f'konsultazzjoni mal-katina ta' valur sħiħa tal-forestrija.

5.2

L-Istrateġija teħtieġ li l-Kummissjoni tifformula prinċipji biex jiġu prijoritizzati l-użi tal-injam f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet interessati. Madankollu, regoli legalment vinkolanti dwar il-ġerarkija tal-użu tal-bijomassa tal-foresti, li jiddefinixxu liema użi tal-injam għandhom jingħataw prijorità, b'mod ċar imorru kontra l-ekonomija tas-suq miftuħ u l-libertà tal-parteċipanti tas-suq.

5.3

Kif intqal fl-Istrateġija, fl-2014 il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, ser tniedi analiżi tal-ispejjeż kumulattivi tal-leġislazzjoni tal-UE li tolqot il-ktajjen ta' valur fl-industrija bbażata fuq il-foresti. Peress li dan huwa ta' importanza kruċjali għas-settur sħiħ tal-foresti, kull parti interessata fil-katina ta' valur tal-foresti għandha tkun involuta fil-valutazzoni. B'hekk jiġu żgurati stampa komprensiva u sħiħa tas-settur u approċċ koerenti.

5.4

Il-foresti għandhom ammont kbir ta' bijodiversità u, apparti mill-injam u diversi prodotti tal-foresti bħala materja prima (pereżempju s-sufra), huma jipprovdu varjetà ta' servizzi tal-ekosistema li minnhom jiddependu l-komunitajiet rurali u urbani. Il-bidliet fil-kundizzjonijiet minħabba, pereżempju, it-tibdil fil-klima, il-firxa ta' speċi aljeni invażivi, l-iskarsezza tal-ilma, in-nirien, il-maltempati u l-pesti jżidu l-pressjoni fuq il-foresti u r-riskju tal-perikli naturali. L-isforzi adatti għall-protezzjoni għandhom jiffokaw fuq ir-reżiljenza u l-multifunzjonalità tal-foresti.

5.5

L-Istrateġija tistabbilixxi l-għan li jiġi żgurat u li jintlaħaq bilanċ bejn il-ġestjoni sostenibbli u d-diversi funzjonijiet tal-foresti sal-2020. F'dan il-kuntest, l-UE għandha tagħmel iktar biex tevalwa s-servizzi tal-ekosistema u toħolqilhom suq. Sabiex jiġi żgurat li suq bħal dan ikun jista' jiffunzjona b'mod iktar effettiv, jinħtieġu mekkaniżmi ta' kumpens ikkoordinati mill-Istati Membri biex jiġu kkumpensati l-fallimenti tas-suq li jeżistu bħalissa, pereżempju billi jiġi żgurat li s-sidien tal-art jiġu kkumpensati b'mod adatt għal-limitazzjonijiet meħtieġa għall-protezzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi.

5.6

Apparti l-injam għall-produzzjoni u l-enerġija, hemm diversi prodotti oħra li jipprovdu l-foresti, li jingħataw ftit attenzjoni fl-Istrateġija. Il-produzzjoni tas-sufra, pereżempju, hija importanti ħafna, b'mod partikolari fil-Mediterran, u għandha bosta vantaġġi: hija prodott naturali magħmul minn sorsi rinnovabbli, li ssegwi proċess li jirrispetta l-ambjent u li ma jeħtieġx il-ħsad sħiħ tas-siġar. L-industrija tas-sufra turi l-importanza tagħha billi tikkontribwixxi b'mod konsiderevoli għall-ħolqien ta' impjiegi filwaqt li żżomm l-istabbiltà ekoloġika tal-ekosistema Mediterranja li hija fraġli u mhedda.

5.7

L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-pjani ta' ġestjoni tal-foresti huma bbażati fuq il-prinċipju tas-sostenibbiltà u l-prattika tajba. L-Istrateġija tinkludi proposta biex jiddaħħlu kunsiderazzjonijiet relatati mal-bijodiversità, bħall-għanijiet ta' konservazzjoni tan-Natura 2000, fil-pjani ta' ġestjoni tal-foresti. Il-ħolqien ta' rabta bejn il-pjani għall-ġestjoni tal-foresti, li jservu bħala għodod ta' pjanar operattiv għas-sidien tal-foresti, u l-pjani ta' ġestjoni ta' Natura 2000, li jservu bħala għodod ta' ppjanar fil-livell tal-awtoritajiet lokali, iċajpar id-demarkazzjoni bejn diversi livelli u responsabbiltajiet ta' ppjanar. Barra minn hekk, dan iżid b'mod konsiderevoli l-burokrazija u l-ispejjeż assoċjati biex jiġi żviluppat pjan ta' ġestjoni tal-foresti.

5.8

Il-frekwenza dejjem ikbar ta' avvenimenti ta' temp estrem, bħala sinjali ta' tibdil fil-klima, teħtieġ ukoll approċċ attiv lejn il-foresti tal-Ewropa. L-għan tal-Kummissjoni hu li żżomm u ttejjeb ir-reżiljenza u l-adattabbiltà tal-foresti tal-Ewropa. Il-materjal riproduttiv tal-foresti tal-ispeċi ta' siġar u l-ibridi artifiċjali li huma importanti għall-finijiet tal-forestrija għalhekk m'għandhomx biss ikunu adatti ġenetikament għall-kundizzjonijiet u ta' kwalità għolja iżda għandhom jagħmlu wkoll kontribut sostenibbli biex tiġi konservata l-bijodiversità.

5.9

Fl-Istrateġija, il-Kummissjoni tappella biex jitfassal qafas għal azzjoni biex jiġu evitati, minimizzati u mitigati l-impatti negattivi ta' speċi aljeni invażivi fuq is-servizzi tal-bijodiversità u l-ekosistema. Tali azzjoni għandha tindirizza wkoll il-ħsara soċjali u ekonomika. Madankollu, anke fil-prijoritizzazzjoni tal-ispeċi aljeni invażivi għandu jittieħed approċċ komprensiv u bbażat fuq ix-xjenza, abbażi ta' kriterji stretti ta' elenkar. Materjal riproduttiv aljen tal-foresti li ma jinfirixx b'mod invażiv u m'għandu l-ebda impatt negattiv fuq il-post il-ġdid għalhekk m'għandux ikun inkluż peress li – b'mod partikolari fid-dawl tat-tibdil fil-klima – jista' jagħmel kontribut pożittiv lill-provvista attwali u futura tal-materja prima u servizzi oħra tal-ekosistema.

5.10

Fl-Istrateġija li għad trid tfassal il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Istati Membri u l-partijiet interessati, tista' tinħoloq lista ta' kriterji ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti li jistgħu jiġu applikati irrispettivament mill-użu aħħari tal-injam. Meta jkunu qed jitfasslu l-kriterji, il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti għandha titqies b'mod komprensiv, irrispettivament mill-użu aħħari tal-injam. Il-kriterji għandhom ikunu bbażati fuq il-kriterji, l-indikaturi u l-prinċipji eżistenti għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti bħal dawk fil-qafas tal-FOREST EUROPE, fejn is-sostenibbiltà hija kkunsidrata mil-lat nazzjonali u dak reġjonali. Il-kriterji għandhom iqisu wkoll il-karatteristiċi partikolari tal-Istati Membri u l-leġislazzjoni nazzjonali eżistenti dwar il-foresti.

5.11

L-Istrateġija tipproponi li l-gruppi ta' interessi rilevanti għandhom ikomplu jiġu involuti wkoll fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġija dwar il-foresti. Korpi provati bħall-Kumitat Konsultattiv dwar il-Forestrija u s-Sufra u l-Kumitat Konsultattiv dwar l-Industriji bbażati fuq il-foresti għandhom jiġu inklużi wkoll fil-pjattaforma għall-kooperazzjoni futura bejn il-partijiet interessati u l-Kummissjoni. Fir-rigward tal-implimentazzjoni, il-kwistjonijiet relatati mal-foresti u l-progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-foresti għandhom jiġu indirizzati b'mod regolari minn dawn il-gruppi. Fejn hemm bżonn, jista' jiġi kkunsidrat ukoll il-ħolqien ta' gruppi ad hoc li jkunu jinkludu rappreżentanti mill-KESE u l-KtR.

Brussell, 10 ta' Lulju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Il-Kumitat Integovernattiv għan-Negozjar ta' Ftehim Legalment Vinkolanti dwar il-Foresti fl-Ewropa tal-FOREST EUROPE (FOREST EUROPE Intergovernmental Negotiating Committee for a Legally Binding Agreement on Forests in Europe); ara wkoll http://www.forestnegotiations.org/

(2)  Fil-kuntest tal-forestrija u l-foresti s-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni li ġejjin huma rilevanti:

Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-Produttività u s-Sostenibbiltà Agrikoli: http://ec.europa.eu/agriculture/eip/index_en.htm

Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-Materja Prima https://ec.europa.eu/eip/raw-materials/en

Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar l-Ilma: http://ec.europa.eu/environment/water/innovationpartnership/

(3)  Ara http://bridge2020.eu

(4)  http://ec.europa.eu/europe2020/targets/eu-targets/

(5)  ĠU C 55, 24.2.1997, p. 22.

(6)  COM(1998) 649 final, 18.11.1998.

(7)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill, ĠU C 56, 26.2.1999, p. 1, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Foresti, l-2662 laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd, 30-31 ta' Mejju 2005.

(8)  COM(2005) 84 final, 10.3.2005.

(9)  COM(2006) 302 final, 15.6.2006.

(10)  SWD(2013) 342 u 343 final, A blueprint for the EU forest-based industries, 20.9.2013.

(11)  Għat-test attwali tan-negozjati, ara http://www.forestnegotiations.org/INC/ResINC4/documents

(12)  Opinjoni dwar l-istrateġija dwar il-forestrija tal-1998, ĠU C 51, 23.2.2000, p. 97-104 (mhux disponibbli bil-Malti); Opinjoni dwar ir-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE dwar il-forestrija, ĠU C 28, 3.2.2006, p. 57-65.

(13)  Ara l-Premessa 25 tar-Regolament FAEŻR, R 1305/2013.


Top