EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014AE1466

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rapportar u t-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli” — COM(2014) 40 final – 2014/0017 (COD)

ĠU C 451, 16.12.2014, p. 59–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/59


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rapportar u t-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli”

COM(2014) 40 final – 2014/0017 (COD)

(2014/C 451/09)

Relatur:

is-Sur IOZIA

Nhar il-25 ta' Frar 2014 u nhar is-27 ta' Marzu 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rapportar u t-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli

COM(2014) 40 final – 2014/0017 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-23 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tad-9 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’183 vot favur, u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' l-Proposta għal Regolament ippreżentata mill-Kummissjoni, li għandha l-għan, flimkien mal-abbozz ta' Regolament dwar ir-riforma bankarja li miegħu hija marbuta mill-qrib, li tikkostitwixxi pakkett ta' miżuri sabiex is-sistema finanzjarja Ewropea ssir aktar trasparenti u reżiljenti fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli (Securities Financing Transactions – SFT).

1.2

Huwa fl-interess primarju tas-suq u tal-ekomonija b'mod ġenerali li jkun hemm aktar informazzjoni simetrika fis-suq, li jiġi mmonitorjat ir-riskju tat-tranżazzjonijiet li jkunu għaddejjin u li jitnaqqas l-ambitu tat-tranżazzjonijiet bankarji li mhumiex trasparenti u regolamentati.

1.3

F'dan ir-rigward, il-KESE josserva li l-frażi “attivitajiet bankarji paralleli” tiżgwida u hija sors ta' nuqqas ta' fehim inutli fost il-pubbliku ġenerali. Huma ċerti tranżazzjonijiet bankarji li jitwettqu mill-banek u mill-entitajiet mhux bankarji li huma paralleli u mhux il-banek innifishom jew, bi preċiżjoni/aħjar, l-istituzzjonijiet finanzarji, peress li l-operaturi f'dan is-suq partikolari ta' spiss ma jkunux banek, bħall-fondi ħeġġ, il-fondi sovrani u l-kumpaniji finanzjarji li jispeċjalizzaw fis-suq tal-fondi monetarji jew f'dak tad-derivati strutturati u kumplessi. L-operaturi kollha huma magħrufa. Dak li ma jafx bih l-Istat huwa xi wħud mit-tranżazzjonijiet mhux regolamentati tagħhom.

1.4

Il-KESE jenfasizza l-importanza ta' dan ir-Regolament, li jservi sabiex joħroġ fid-dieher il-movimenti tas-suq u l-oqsma ta' riskju eċċessiv, li jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet superviżorji tas-suq sabiex b'mod kontinwu jimmonitorjaw is-sitwazzjoni u jintervjenu b'mod preventiv sabiex jitnaqqsu l-attivitajiet meqjusa b'mod ġenerali bħala eċċessivament riskjużi. Minn naħa, dan ir-Regolament għalhekk jipprovdi lis-suq bl-informazzjoni li ma tkunx disponibbli għall-Istat u min-naħa l-oħra joffri lill-awtoritajiet strument addizzjonali ta' analiżi u informazzjoni.

1.5

Daqstant importanti hija r-regolamentazzjoni dwar ir-riipotekazzjoni, jiġifieri l-użu temporanju ta' titoli fdati. L-obbligu li jinkiseb il-kunsens speċifiku tal-investituri li huma s-sidien tat-titoli jippermetti li jiġi evitat li jittieħdu riskji mhux previsti u li mhumiex imniżżlin b'mod ċar fil-kuntratt. Ir-riskju tal-kontroparti jsir parti essenzjali mill-valutazzjoni b'tali mod li tiġi eliminata, jew għallinqas illimitata ħafna, il-preżenza ta' operaturi li mhux daqstant affidabbli. Dan kollu huwa ta' benefiċċju għal reżiljenza globali tas-sistema b'mod ġenerali u tan-negozji li għandhom preżenza kbira fis-suq.

1.6

Fid-dawl tal-inizjattivi kollha tal-Kummissjoni sabiex is-sistema finanzjarja tmur lura għar-rwol naturali tagħha bħala mexxejja tal-ekonomija u tal-prosperità tal-familji u tan-negozji, il-KESE jemmen li issa huwa iż-żmien li fl-Ewropa jitnieda “patt soċjali kbir għal finanzi sostenibbli”, fejn il-partijiet interessati kollha jiġu involuti fid-definizzjoni mill-ġdid tal-għanijiet u l-istrumenti. Il-waqgħa tar-reputazzjoni tal-banek, li hija murija f'sondaġġi u stħarriġiet innumerabbli li twettqu f'dawn l-aħħar snin, għandha tħeġġeġ lil dawk kollha involuti sabiex idawru l-paġna b'mod definittiv u jagħtu kont ta' għemilhom darba għal dejjem lis-soċjetà. Il-familji, in-negozji, iċ-ċittadini, il-ħaddiema u s-soċjetà inġenerali kollha qegħdin jappellaw għal sistema finanzjarja effiċjenti u affidabbli, li tikkontribwixxi għall-iżvilupp u għall-impjieg u li hija attenta ħafna għall-impatt soċjali u ambjentali tal-investimenti.

1.7

Il-KESE jirrikonoxxi l-impenn b'saħħtu tal-Kummissjoni fiż-żamma tal-wegħdiet li tippreżenta t-48 miżura leġislattiva inklużi fil-programm ta' ħidma fir-regolament il-ġdid. Bla dubju, il-ħidma kbira u notevoli li saret mid-DĠ għas-Suq Intern kienet ta' kwalità u f'kuntest diffiċli ħafna. Il-linji gwida ta' ħidma li ntużaw kienu l-bilanċ u l-effikaċja. Il-KESE jqis li din kienet storja ta' suċċess tal-attivitajiet tal-Kummissjoni u japprezza b'mod partikolari l-fatt li l-Kummissjoni tammetti li kien hemm “nuqqasijiet regolatorji kbar, superviżjoni ineffettiva, swieq mhux trasparenti u prodotti kumplessi żżejjed fis-sistema finanzjarja.”

1.8

Il-KESE jemmen li meta r-Regolament jiġi adottat, dan għandu jnaqqas ħafna r-riskju ta' arbitraġġ regolatorju u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tkompli tfittex l-għan li timminimizza t-tranżazzjonijiet mhux regolati f'dak li huma l-oqsma effettivament marġinali tas-sistema finanzjarja Ewropea.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1

Il-proposta għandha l-għan li ttejjeb it-trasparenza tat-tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli (SFT (1)), prinċipalment bi tliet modi:

jiġu monitorjati r-riskji li huma marbutin b'mod sistematiku mal-SFTs: ir-Regolament propost jeħtieġ li l-operazzjonijiet kollha relatati mal-SFT jiġu kkomunikati lil bażi ta' data ċentrali. Dan jippermetti lill-awtoritajiet superviżorji sabiex jidentifikaw aħjar ir-rabtiet bejn il-banek u l-operaturi tal-attivitajiet bankarji paralleli, u b'hekk joħorġu fid-dieher xi wħud mill-attivitajiet ta' ġbir ta' fondi ta' dawn tal-aħħar;

tiġi pprovduta informazzjoni lill-investituri li l-assi tagħhom qegħdin jintużaw fl-SFTs: skont il-Proposta, l-operazzjonijiet relatati mal-SFT imwettqa minn fondi ta' investiment jew minn strutturi oħra ekwivalenti għandhom jiġu deskritti f'rapporti ddettaljati. Dan għandu jtejjeb it-trasparenza għall-investituri, li mbagħad ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment iktar infurmati;

ir-riipotekazzjoni: ir-Regolament għandu l-għan li jtejjeb it-trasparenza tar-riipotekazzjoni ta' strumenti finanzjarji (kwalunkwe użu ta' pre-inadempjenza tal-kollateral min-naħa tal-benefiċjarju tal-kollateral għall-użu tiegħu stess) billi jistabbilixxi kundizzjonijiet minimi li għandhom jiġu sodisfati mill-partijiet interessati, inklużi ftehim bil-miktub u l-kunsens minn qabel għar-riipotekazzjoni. Dan għandu jiżgura li l-klijenti jew il-kontropartijiet jagħtu l-kunsens tagħhom qabel ma sseħħ ir-riipotekazzjoni. Barra minn hekk dawn ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet abbażi ta' informazzjoni ċara dwar ir-riskji li l-operazzjoni jista' jkollha.

3.   Introduzzjoni

3.1

Apparti l-proposta għar-riforma strutturali tas-settur bankarju tal-UE, il-Kummissjoni pproponiet ukoll miżuri komplementarji bil-għan li tissaħħaħ it-trasparenza tat-tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli (SFT) u jiġi evitat li l-banek jaħarbu minn xi regoli billi jċaqalqu dawn l-attivitajiet lejn is-settur bankarju parallel. Din hija waħda mill-preokkupazzjonijiet prinċipali tal-Kummissjoni.

3.2

It-tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli jinkludu diversi tipi ta' tranżazzjonijiet li għandhom effetti ekonomiċi simili. L-SFTs prinċipali huma s-self ta' titoli u l-ftehim ta' riakkwist (repos).

3.3

Is-self ta' titoli hija operazzjoni mbuttata prinċipalment mid-domanda tas-suq għal titoli speċifiċi u jiġi użat, pereżempju, għall-bejgħ jew ħlas fil-qosor. Ir-riakkwist jew ir-riakkwist bil-maqlub ġeneralment huwa mmotivat mill-bżonn li jittieħed self jew li jsir self b'mod sigur. Din il-prattika tikkonsisti fix-xiri/fil-bejgħ ta' strumenti finanzjarji kontra l-flus kontanti, filwaqt li jkun hemm ftehim minn qabel li l-istrumenti finanzjarji jinxtraw/jinbiegħu mill-ġdid bi prezz stabbilit minn qabel f'data futura speċifika.

3.4

L-SFTs jintużaw minn maniġers ta' fondi sabiex jinkiseb ritorn addizzjonali jew finanzjament addizzjonali. Pereżempju, it-tranżazzjonijiet ta' riakkwist ta' spiss jintużaw biex jinkisbu l-flus għal investiment ġdid. Fl-istess ħin, madankollu, dawn it-tranżazzjonijiet jistgħu joħolqu riskji ġodda, bħar-riskji tal-kontroparti jew ta' likwidità. Ġeneralment hija biss parti mill-gwadann addizzjonali li tkun attribwita għall-fond, iżda r-riskju sħiħ tal-kontroparti tinġarr mill-investituri tal-fond. Għalhekk l-użu ta' din it-tranżazzjoni tista' twassal għal bidla sinifikanti tal-profil tar-riskju u tal-gwadann.

3.5

Ir-rabta bejn il-proposta dwar ir-riforma strutturali tas-settur bankarju Ewropew u dan il-pakkett ta' miżuri hija ċara. Il-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-riforma strutturali tas-settur bankarju Ewropew tipprojbixxi jew tikkostrinġi ċerti attivitajiet tal-banek. Madankollu, l-effett mixtieq jista' jonqos jekk dawn l-attivitajiet jiċċaqalqu minn gruppi bankarji regolati lejn is-settur ta' attivitajiet bankarji paralleli, fejn hemm inqas possibbiltà ta' kontroll min-naħa tas-superviżuri.

3.6

Il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB) enfasizza li falliment diżordinat ta' entitajiet bankarji paralleli jista' jġorr riskju sistemiku, kemm direttament kif ukoll permezz tal-interkonnettività tagħhom mas-sistema bankarja regolari.

3.7

L-FSB issuġġerixxa wkoll li regolamentazzjoni bankarja eċċessivament rinfurzata tista' twassal biex xi attivitajiet bankarji jersqu lejn is-sistema bankarja parallela (2).

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jilqa' l-Proposta għal Regolament dwar ir-rapportar u t-trasparenza ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli li, flimkien mar-Regolament dwar ir-riformi strutturali tas-sistema bankarja, għandha l-għan li żżid ir-reżiljenza tas-sistema bankarja, it-trasparenza tat-tranżazzjonijiet u s-soluzzjoni ta' kriżi possibbli mingħajr ma jkun hemm piż addizzjonali fuq iċ-ċittadini.

4.2

Għalhekk, din l-Opinjoni hija marbuta mill-qrib mal-Opinjoni li l-KESE fassal dwar ir-Regolament dwar ir-riforma strutturali.

4.3

Il-KESE japprezza l-fatt li l-Kummissjoni tammetti li kien hemm “nuqqasijiet regolatorji kbar, superviżjoni ineffettiva, swieq mhux trasparenti u prodotti kumplessi żżejjed fis-sistema finanzjarja” qabel ma faqqgħet il-kriżi finanzjarja. Dawn huma l-argumenti li l-KESE beda juża sa mill-bidu tal-kriżi finanzjarja, waqt li appella għal miżuri urġenti ta' intervent. Madankollu l-Kummissjoni naqset milli tagħti biżżejjed widen għat-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet li setgħu evitaw problemi addizzjonali.

4.4

Il-KESE huwa konxju li l-forzi ekonomiċi, il-lobbies aggressivi u l-interessi kbar involuti ppruvaw jevitaw jew idewmu miżuri urġenti u neċessarji hekk kif faqqgħet il-kriżi. Minkejja kollox u bl-eċċezzjoni ta' xi ftit deċiżjonijiet li ma jistgħux jiġu approvati, il-Kummissjoni implimentat għadd sħiħ ta' miżuri mħabbra wara l-ħruġ tar-rapporti tal-grupp ta' Larosière u l-grupp ta' livell għoli ta' Liikanen.

4.5

Il-KESE jfaħħar il-Kummissarju Barnier talli żamm l-impenji tiegħu u d-Direttorat Ġenerali kollu għas-Suq Intern, responsabbli għall-proposti dwar ir-regolament finanzjarju, tal-ħidma eċċellenti li saret f'dan ir-rigward u talli fasslu għadd ta' miżuri koerenti u marbuta mill-qrib, bil-għan li jiġi kostitwit korp ta' liġi ta' kwalità għolja u effikaċja ċerta. L-effett kumpless tal-inizjattivi leġislattivi ser ikun li b'mod progressiv jiġu eliminati l-kawżi li ddeterminaw il-kriżijiet finanzarji tal-aħħar snin.

4.6

Il-KESE dejjem appoġġja l-bżonn li jkun hemm sistema finanzjarja li taħdem sew, orjentata li ssostni l-ekonomija reali, b'mod partikolari l-SMEs, li ssaħħaħ l-ekonomija soċjali u li toħloq il-postijiet ta' impjieg. L-industrija tal-kreditu għandha rwol kruċjali x'taqdi fil-provvista ta' servizz lis-soċjetà, waqt li għal darb'oħra ssir il-mutur u l-mexxejja tal-ekonomija reali bl-għarfien sħiħ tar-responsabbiltà soċjali li trid tiggarantixxi.

4.7

Il-KESE jemmen li ma tistax tiġi posposta bidla sħiħa fir-rapport tal-istituzzjonijiet finanzjarji maċ-ċittadini. In-nuqqas ta' fiduċja lejn il-banek u l-entitajiet l-oħra trid tinbidel minħabba li tista' twassal għal danni irreparabbli għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali.

4.8

Fid-dawl tal-ħafna pożizzjonijiet tiegħu dwar l-involviment tas-soċjetà ċivili, il-KESE jixtieq li jiġi żviluppat “patt soċjali għall-finanzi sostenibbli” fl-Ewropa, fejn il-partijiet interessati kollha jipparteċipaw fid-definizzjoni ta' sistema finanzjarja effiċjenti, reżiljenti, trasparenti u attenta għall-impatt ambjentali u soċjali tal-azzjonijiet tagħha.

4.9

Il-KESE jappoġġja bi sħiħ l-inizjattivi tal-Kummissjoni, li għandhom l-għan li jevitaw, minn naħa, ir-riskju tal-arbitraġġ regolatorju u, min-naħa l-oħra, iċ-ċaqliq ta' attivitajiet lejn qasam li bilkemm huwa regolat bħal dak tal-“operazzjonijiet paralleli” (shadow operations), li qegħdin ifittxu li jaħarbu mir-regoli dejjem aktar stretti li qegħdin jitnedew.

4.10

Fl-Opinjonijiet relatati ma' dan is-suġġett (3), il-KESE esprima b'ċarezza l-pożizzjoni tiegħu, jiġifieri li għandhom jitnaqqsu għall-minimu l-oqsma mhux regolati fis-settur finanzjarju.

4.11

Fit-tfassil tal-Prosposta għal Regolament, il-Kummissjoni kkunsidrat il-bżonn li jitnaqqsu għall-minimu l-ispejjeż addizzjonali għas-sistema finanzjarja, waqt li individwat is-soluzzjonijiet possibbli fl-infrastruttura bħar-repożitorji u fil-proċeduri eżistenti bil-għan li tinkiseb t-trasparenza fit-tranżazzjonijiet tal-prodotti finanzjarji derivati stabbiliti fir-Regolament 648/2012. Il-KESE jikkondividi dan l-approċċ li juri l-attenzjoni murija mill-Kummissjoni lejn l-operaturi u l-klijenti finali, li probabbilment ikollhom iġorru l-ispejjeż addizzjonali li joħorġu minn dan ir-Regolament.

4.12

Il-KESE jsostni li l-istabbiltà finanzjarja li tiġi minn trasparenza akbar fl-attivitajiet previsti mir-Regolament, bħall-operazzjonijiet ta' finanzjament ta' titoli, l-istrutturi l-oħra ekwivalenti ta' finanzjament u r-riipotekazzjoni, tiżdied b'mod effettiv, u b'hekk tissaħħaħ ir-reżiljenza globali tas-sistema u tal-operaturi individwali. L-inklużjoni tal-kontropartijiet kollha li joperaw fis-swieq finanzjarji tiggarantixxi informazzjoni kompleta dwar in-natura reali tat-tranżazzjonijiet u tal-profili tar-riskju li jassumu l-operaturi individwali.

4.13

Għal dawn ir-raġunijiet, dan ir-Regolament huwa essenzjali sabiex tiġi kkompletata l-effikaċja tar-Regolament dwar ir-riforma tal-istruttura tas-sistema bankarja, li jindirizza l-impriżi bankarji kbar biżżejjed sabiex jitqiesu li potenzjalment iġorru riskju sistematiku. Barra minn hekk, dan inaqqas ukoll l-possibbiltà li jintgħażel it-trasferiment lejn oqsma mhux regolati tas-sistema finanzjarja.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-Proposta għandha l-għan li ttejjeb it-trasparenza tat-tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli (SFT), prinċipalment bi tliet modi:

5.1.1

jiġu monitorjati r-riskji sistemiċi għall-SFTs: ir-Regolament propost jeħtieġ li l-operazzjonijiet kollha relatati mal-SFT jiġu kkomunikati lil bażi ta' data ċentrali. Dan jippermetti lill-awtoritajiet superviżorji sabiex jidentifikaw aħjar ir-rabtiet bejn il-banek u l-operaturi bankarji li ġeneralment huma definiti bħala “paralleli”, u b'hekk joħorġu fid-dieher xi wħud mill-attivitajiet ta' ġbir ta' fondi ta' dawn tal-aħħar.

5.1.1.1

Il-KESE jqis li dan l-approċċ jgħin lill-awtoritajiet superviżorji jimmonitorjaw b'aktar effikaċja l-espożizzjonijiet u r-riskji assoċjati mal-SFTs waqt li tiġi garantita, jekk ikun hemm bżonn, azzjoni dedikata u fil-ħin.

5.1.1.2

Il-KESE jistaqsi jekk il-proposta biex tinżamm id-data fir-repożitorju tar-reġistru almenu għal 10 snin hijiex ġusta. Ir-Regolament tal-EMIR, pereżempju, jipprevedi obbligu ta' konservazzjoni tad-data għal 5 snin.

5.1.2

It-tixrid ta' informazzjoni lill-investituri li l-assi tagħhom huma marbutin f'SFTs: skont il-proposta, huwa possibbli li titjieb it-trasparenza għall-investituri dwar il-prattiki tal-fondi ta' investiment involuti fl-SFTs u strutturi oħra ekwivalenti ta' finanzjament billi jiġi mitlub rapport dettaljat dwar dawn it-tranżazzjonijiet. Dan għandu jwassal għal deċiżjonijiet ta' investiment aktar informati mill-investituri.

5.1.3

Ir-riipotekazzjoni: ir-Regolament għandu l-għan li jtejjeb it-trasparenza tar-riipotekazzjoni ta' strumenti finanzjarji (kwalunkwe użu ta' pre-inadempjenza (pre-default) tal-kollateral min-naħa tal-benefiċjarju tal-kollateral għall-użu tiegħu stess) billi jistabbilixxi kundizzjonijiet minimi li għandhom jiġu sodisfati mill-partijiet interessati, inklużi ftehim bil-miktub u l-kunsens minn qabel għar-riipotekazzjoni. Dan għandu jiżgura li l-klijenti jew il-kontropartijiet jagħtu l-kunsens tagħhom qabel ma sseħħ ir-riipotekazzjoni. Barra minn hekk dawn ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet abbażi ta' informazzjoni ċara dwar ir-riskji li l-operazzjoni jista' jkollha.

5.1.3.1

Sa mill-kollass ta' Lehman fl-2008, it-trasparenza u l-promozzjoni ta' “kultura ta' data” saru l-ordni tal-ġurnata fis-swieq finanzjarji u l-KESE jaqbel bis-sħiħ ma' din it-tendenza u jappoġġja totalment it-trasparenza mnaqqxa fil-mekkaniżmu propost u l-involviment tal-investitur permezz tal-kunsens espliċitu li għandu jingħata għal kull tranżazzjoni.

5.2

Is-swieq finanzjarji huma globali u għalhekk ir-riskji sistemiċi maħluqa minn entitajiet bankarji paralleli u l-attivitajiet għandhom jiġu indirizzati b'mod koordinat fil-livell internazzjonali. Il-KESE jemmen li huwa indispensabbli li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi involuti ħafna, sabiex magħhom ikun hemm ftehim dwar strateġija komuni u miżuri koerenti u, jekk possibbli, ekwivalenti.

5.3

Il-KESE jemmen li l-proposta hija konsistenti mar-Rakkomandazzjoni tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja. F'Awissu 2013, l-FSB adotta 11-il rakkomandazzjoni sabiex jiġu indirizzati r-riskji inerenti fis-self ta' titoli u l-ftehimiet ta' riakkwist. Ir-Regolament propost huwa konformi ma' erba' minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet (numri 1, 2, 5 u 7) relatati mat-trasparenza tas-swieq tal-finanzjament ta' titoli, l-iżvelar tal-informazzjoni lill-investituri u r-riakkwist.

5.4

Il-KESE jqis li l-piż amministrattiv li dan ir-Regolament jimponi fuq is-sistema finanzjarja mhuwiex eċċessiv, iżda jżid ma' piżijiet amministrattivi u ta' ġestjoni oħra imposti minn regolamenti oħra. Il-KESE jenfasizza r-riskju li dawn jinġarru, għallinqas parti minnhom, mill-familji u l-impriżi. Dan ifisser li jew is-sistema finanzjarja tkun aktar oneruża għall-utenti jew li jonqsu l-profitti tal-banek, li mhiex mixtieqa minħabba s-sitwazzjoni diġà diffiċli li s-sistema Ewropea ta' kreditu tinsab fiha attwalment.

5.5

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi l-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u l-maniġers tal-fondi ta’ investiment alternattivi (AIFM) fl-obbligi ta' komunikazzjoni fir-rigward tar-rapporti tagħhom, kif previst fid-Direttiva 2009/65/KE, li tirriformula l-leġislazzjoni fis-seħħ, u fid-Direttiva 2011/61/KE.

5.6

Punt ieħor importanti ħafna jirrigwarda s-sistema ta' sanzjonar, li, apparti li tkun effettiva, proporzjonata u diżważiva, għandha tinkludi għadd ta' miżuri minimi. L-Istati Membri għandhom l-għażla li jimponu sanzjonijiet amministrattivi riġidi kif ukoll li jintroduċu sanzjonijiet kriminali għal każijiet partikolarment serji. F'dan il-każ għandhom jiżguraw li l-informazzjoni tiġi skambjata bejn l-awtoritajiet nazzjonali, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) u l-Kummissjoni.

5.7

Bħal fir-Regolament EMIR, il-KESE jinnota li l-Artikolu 24 dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet relatati mal-impożizzjoni tas-sanzjonijiet amministrattiv iħalli wisq diskrezzjoni f'idejn l-awtoritajiet kompetenti, li jistgħu jfasslu konklużjonijiet differenti dwar l-istess każ, speċjalment jekk ikunu minn pajjiżi differenti. Liema valutazzjoni konkreta tista' ssir dwar l-ipperikolar/it-theddid għall- tal-istabbiltà tas-swieq finanzjarji?

5.8

Il-KESE jqis importanti u jappella lill-Kummissjoni li, kif previst fl-Artikolu 13 tal-EMIR, tinkludi l-prinċipju ta' ekwivalenza fil-Proposta, li attwalment huwa nieqes.

5.9

Filwaqt li japprezza li l-atti delegati previsti f'dan ir-Regolament huma limitati fl-ambitu u huma adegwati, il-KESE huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' żmien stabbilit għall-eżerċizzju ta' din id-delega. Il-KESE jfakkar li diġà esprima r-riżervi tiegħu dwar din il-kwistjoni f'diversi okkażjonijiet.

5.10

Il-KESE jaqbel mal-Artikolu 15 kollu, iżda jinnota r-riskju ta' tilwim possibbli bejn il-kontropartijiet fir-rigward tal-effikaċja u l-ekwivalenza ta' sistema differenti mill-firma u jissuġġerixxi li għall-inqas jingħataw xi eżempji ta' dawn il-mekkaniżmi alternattivi ekwivalenti pereżempju r-reġistrazzjoni telefonika jew iċ-ċertifikazzjoni telematika.

Brussell, 9 ta' Lulju 2014

Il President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Securities financing transactions.

(2)  ĠU C 170, 05.06.2014, p. 55.

(3)  ĠU C 177, 11.06.2014, p. 42,ĠU C 170, 05.06.2014, p. 55 u l-Opijoni dwar ir-Riforma Strutturali tal-banek tal-UE (għaddejja bħalissa).


Top