EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IE1488

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Iċ-ċiberattakki fl-UE” — (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 451, 16.12.2014, p. 31–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/31


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Iċ-ċiberattakki fl-UE”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2014/C 451/05)

Relatur:

is-Sur McDonogh

Nhar is-27 ta’ Frar 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Iċ-ċiberattakki fl-UE

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-18 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tal-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’135 vot favur, u vot 1 kontra.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jixtieq li fil-livell tal-UE tinħoloq awtorità taċ-ċibersigurtà bħall-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) li tipprovdi t-tmexxija soda li hemm bżonn fil-livell tal-UE sabiex jiġu indirizzati l-kumplessitajiet ta' implimentazzjoni effettiva ta' politika taċ-ċibersigurtà mifruxa fl-Ewropa kollha.

1.2

Iċ-ċibersigurtà fl-Ewropa tirrikjedi ċittadini infurmati u kompetenti sabiex taħdem tajjeb. L-edukazzjoni taċ-ċittadini fil-qasam taċ-ċibersigurtà personali u l-protezzjonit tad-data għandha tkun parti fundamentali tal-kurrikuli fl-iskejjel u l-programmi ta' taħriġ fil-post tax-xogħol. Barra minn hekk l-UE għandha tmexxi programmi ta' informazzjoni għall-pubbliku u inizjattivi fl-Unjoni kollha dwar dawn it-temi.

1.3

L-intrapriżi għandhom ikunu obbligati legalment li jkollhom approċċ proattiv lejn il-ħarsien tal-kumpanija tagħhom miċ-ċiberattakki, inkluż ICT sikuri u sodi u edukazzjoni għall-persunal dwar politiki ta' sigurtà, hekk kif għandhom dwar kwistjonijiet ta' saħħa u sigurtà.

1.4

Kull Stat Membru għandu jkollu organizzazzjoni li tinforma, teduka u tappoġġja lis-settur tal-SMEs dwar kwistjonijiet tal-aħjar prattika fil-qasam taċ-ċibersigurtà. L-intrapriżi l-kbar faċilment jakkwistaw l-għarfien li għandhom bżonn iżda l-SMEs għandhom bżonn appoġġ.

1.5

Il-mandat tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) għandu jiġi estiż u jiġu provduti fondi sabiex tittieħed responsabbiltà iktar diretta ta' programmi ta' edukazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà u ta' sensibilizzazzjoni mmirati b'mod partikolari lejn iċ-ċittadini u l-SMEs.

1.6

Il-livelli ta' tmexxija tal-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet għandhom ikunu iktar konxji mir-responsabbiltà tagħhom għaċ-ċibersigurtà. Ir-resposabbiltajiet korporattivi potenzjali li jirriżultaw minn politika u azzjonijiet inadegwati fil-qasam taċ-ċibersigurtà għandhom jiġu komunikati b'mod espliċitu lid-diretturi tal-organizzazzjonijiet kollha.

1.7

B'riżultat tar-rwol kritiku tal-provvedituri tas-servizzi online, il-provvedituri tas-servizzi tal-internet (ISPs) għandu jkollhom ir-responsabbiltà speċjali tal-ħarsien tal-konsumaturi tagħhom miċ-ċiberattakki. Din ir-responsabbiltà għandha tiġi definita u ankrata fil-leġislazzjoni fil-livell Ewropew.

1.8

Sabiex jiġi żgurat malajr l-isfruttament tal-potenzjal kbir ta' tkabbir ekonomiku mill-espansjoni dinamika tal-cloud computing (1), hemm bżonn li fil-livell tal-UE jiġu imposti rekwiżiti u obbligi tas-sigurtà speċjali fuq il-provvedituri tas-servizzi cloud.

1.9

Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-miżuri volontarji mhumiex biżżejjed u jinħtieġ li l-Istati Membri jintrabtu b'obbligi regolatorji rigorużi biex jiġu żgurati l-armonizzazzjoni, il-governanza u l-infurzar taċ-ċibersigurtà fil-livell Ewropew. Hemm bżonn ukoll ta' leġislazzjoni li tobbliga lill-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet jirrapurtaw inċidenti sinifikanti taċ-ċibersigurtà mhux għall-provvedituri ta' infrastruttura kritika biss. Dan iżid il-kapaċità tal-Ewropa li tirrispondi malajr għat-theddid kif ukoll l-għarfien u l-fehim taċ-ċiberattakki sabiex ikunu jistgħu jiġu żviluppati mekkaniżmi aħjar ta' difiża.

1.10

Il-Kumitat jirrakkomanda li sabiex tindirizza t-theddida taċ-ċiberattakki, l-UE għandha tieħu approċċ ibbażat fuq id-disinn, billi tiżgura li t-teknoloġiji u s-servizzi kollha li jintużaw fl-Ewropa għall-konnettività tal-internet u s-servizzi online jitfasslu b'mod li jipprovdu l-ogħla livell possibbli ta' sigurtà miċ-ċiberattakki. Kunsiderazzjonijiet ta' disinn għandhom jiffukaw b'mod partikolari fuq l-interfaċċja bejn il-magna u l-bniedem.

1.11

Il-KESE jixtieq li jiġu żviluppati standards sostanzjali taċ-ċibersigurtà u li l-organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej iwassluhom fit-teknoloġija u s-servizzi tan-netwerking tal-ICT. Dawn l-istandards għandhom jinludu kodiċi tal-kondotta obbligatorja li tiżgura li t-tagħmir kollu tal-ICT u s-servizzi tal-internet li jinbigħu liċ-ċittadini Ewropej ikunu konformi mal-ogħla standards.

1.12

L-UE għandha taġixxi mingħajr dewmien biex tiżugra li kull Stat Membru għandu skwadra ta' rispons f'emerġenza relatata mal-kompjuters (CERT) li jħarsu u lill-Ewropa miċ-ċiberattakki.

1.13

Il-Kumitat jesiġi li ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3) fil-Europol jirċievi l-finanzjament addizzjonali meħtieġ għall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u biex isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-forzi tal-pulizija fl-Ewropa u l-forzi barra mill-Unjoni, sabiex iżidu l-kapaċità tal-Ewropa li taqbad u tħarrek liċ-ċiberkriminali.

1.14

Fil-qosor, il-KESE huwa tal-fehma li l-politika tal-UE fil-qasam taċ-ċibersigurtà għandha b'mod partikolari tilħaq l-għanijiet li ġejjin: tmexxija tal-UE b'saħħitha; politiki dwar iċ-ċibersigurtà li jżidu s-sigurtà u fl-istess ħin jirrispettaw il-ħajja privata u drittijiet fundamentali oħra; sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini u t-tħeġġiġ ta' approċċi proattivi ta' protezzjoni; governanza globali min-naħa tal-Istati Membri; azzjoni infurmata u responsabbli min-naħa tal-intrapriżi; sħubija profonda bejn il-gvernijiet, is-settur privat u ċ-ċittadini; livelli adegwati ta' investiment; standards tekniċi tajbin u investimenti suffiċjenti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni; u impenn fil-livell internazzjonali. F'dan ir-rigward, il-Kumitat jisħaq fuq ir-rakkomandazzjonijiet li għamel f'bosta opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-politika taċ-ċibersigurtà (2) u jitlob lill-Kummissjoni twettaq segwitu tal-azzjonijiet li talab.

2.   Ambitu tal-Opinjoni

2.1

L-ekonomija tal-internet tiġġenera iktar minn kwint tat-tkabbir fil-PDG tal-UE u kull sena 200 miljun Ewropew jixtru minn fuq l-internet. Niddependu mill-internet u t-teknoloġija diġitali konnessa biex nappoġġjaw l-enerġija vitali, is-saħħa, il-gvern u s-servizzi finanzjarji. Madanakollu, l-infrastruttura u s-servizzi diġitali li jaqdu rwol tant essenzjali fil-ħajja ekonomika u soċjali tagħna huma vulnerabbli għal riskju li qed jikber ta' ċiberattakki li jheddu l-prosperità u l-kwalità tal-ħajja tagħna.

2.2

Il-Kumitat jemmen li ż-żieda fid-dipendenza tal-Unjoni fuq l-internet u t-tekonoloġija diġitali mhux qed tiġi akkumpanjata minn żieda fil-prattiki u l-politiki li jipprovdu livell adegwat ta' ċibersigurtà fl-Ewropa kemm issa kif ukoll fil-futur. L-għan ta' din l-opinjoni huwa li tenfasizza l-lakuni li l-Kumitat iqis li hemm fil-politika taċ-ċibersigurtà tal-UE u li jirrakkomanda t-titjib li jista' jsir fil-ġlieda konta r-riskji taċ-ċiberattakki.

2.3

Iċ-ċiberattakki jseħħu għal diversi raġunijiet fosthom dawk personali pereżempju vendetta kontra persuna jew kumpanija kif ukoll spjunar min-naħa ta' stat jew gwerra ċibernetika bejn il-pajjiżi. Hija u titfassal din l-opinjoni ttieħdet id-deċiżjoni li l-ambitu tagħha jiġi limitat għaċ-ċiberattakki kriminali sabiex niffukaw fuq ir-rakkomandazzjonijiet għal problemi ta' tħassib primarju għall-maġġoranza tal-Kumitat. Id-dibattitu politiku kumpless dwar iċ-ċiberattakki ta' Stati Membri kontra ċ-ċittadini jew stati oħra jista' jkun it-tema ta' opinjoni oħra fil-ġejjieni.

2.4

Din l-opinjoni tindirizza biss iċ-ċiberattakki minn kriminali ċibernetiċi b'motivazzjoni finanzjarja li jikkostitiwixxu l-ikbar maġġoranza tal-attakki. Jekk jiġu stabbiliti politiki u prattiki taċ-ċibersigurtà li jindirizzaw iċ-ċiberattakki għal raġunijiet kriminali b'mod effettiv, ir-riskju taċ-ċiberattakki għal raġunijiet politiċi jew personali ser jonqsu wkoll.

2.5

Filwaqt li l-UE għamlet progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-Azzjonijiet ta' Fiduċja u Sigurtà tal-Aġenda Diġitali u żviluppat strateġija taċ-ċibersigurtà wiesgħa li tindirizza ħafna mill-punti fil-lista preċedenti, hemm iktar xogħol xi jsir.

3.   Iċ-ċiberattakki u ċ-ċibersigurtà

3.1

Ċiberattakk huwa kwalunkwe tip ta' azzjoni offensiva immirata lejn sistemi tal-informazzjoni, infrastrutturi, netwerks kompjuterizzati u/jew tagħmir diġitali personali permezz ta' atti malizzjużi ta' serq, tibdil jew distruzzjoni ta' xi ħaġa speċifika. Din tista' tieħu l-forma ta' flus, data jew teknoloġija tal-informazzjoni.

3.2

Il-kriminali ċibernetiċi jattakkaw biex jisirqu jew flus jew data, sabiex iwettqu frodi, spjunaġġ kriminali jew estorsjoni. L-attakki ta' ċiberkriminalità jistgħu jagħmlu ħsara lin-netwerks u s-servizzi essenzjali li niddependu minnhom għas-saħħa, is-sigurtà u l-benesseri ekonomika inkluż in-netwerks tal-gvern, tat-trasport u tal-enerġija.

3.3

It-theddida taċ-ċiberattakki tikber mad-dipendenza tagħna fuq l-internet u t-teknoloġija diġitali. Skont rapport reċenti ta' Symantec, in-numru totali ta' ksur tal-ħarsien tad-data żdied b'62 % fuq livell globali li jammonta għal iktar minn 552 miljun rekord espost. Dan il-ksur ħafna drabi espona l-ismijiet reali, dati tat-twelid jew numri ta' identità tal-gvern, dokumenti mediċi jew informazzjoni finanzjarja. Barra minn hekk 38 % tal-utenti tat-telefonija ċellulari esperjenzaw ċiberkriminalità dawn l-aħħar 12-il xahar.

3.4

Iċ-ċiberattakki jista' jkollhom impatt kbir fuq il-kumpaniji individwali u l-ekonomija tal-Ewropa b'mod ġenerali.

Skont rapport tal-industrija li sar fl-2011, kull sena l-vittmi globali taċ-ċiberattakki jġarrbu telf ta' madwar EUR 290 biljun li jfisser li ċ-ċiberkriminalità tara iktar dħul mit-traffikar globali tal-marijuana, il-kokaina u l-eroina meħuda f'daqqa.

Iċ-ċittadini jinsabu f'periklu kontinwu ta' serq tal-identità miċ-ċiberattakki. F'Mejju 2014, f'attakk wieħed fuq bażi ta' data, insterqu d-dettalji ta' 145 miljun persuna b'kont mal-eBay. Skont stħarriġ dwar iċ-ċibersigurtà li sar fl-2013 mill-Università ta' Kent, f'sena waħda (2012/13) iktar minn 9 miljun adult fir-Renju Unit raw dħul mhux awtorizzat fuq il-kontijiet online tagħhom, 8 % tal-popolazzjoni tilfet il-flus b'riżultat taċ-ċiberkriminalità, u 2,3 % tal-popolazzjoni tar-Rejnu Unit tilfet iktar minn £10,000 b'riżultat taċ-ċiberkriminalità.

Fl-2011 rapport tal-gvern Brittaniku stima l-prezz totali taċ-ċiberkriminalità għall-ekonomija tar-Renju Unit għal £27 biljun:

Frodi online £1,4bn

Serq tal-identità £1,7bn

Telf tal-proprjetà intellettwali £9,2bn

Spjunar £7,6bn

Telf tal-informazzjoni tal-klijenti £1bn

Serq online (dirett) min-negozji £1,43bn

Estorsjoni £2,2bn

Frodi fiskali £2,3bn

Iċ-ċiberattakki jikkawżaw danni ekonomiċi kbar fl-Ewropa kull sena. Mal-ispejjeż għandhom jingħaddu:

It-telf tal-proprjetà intellettwali u l-informazzjoni sensittiva;

Spejjeż ta' opportunità inkluż interruzzjonijiet tas-servizz u tax-xogħol;

Ħsara lill-profil tad-ditta u r-reputazzjoni tal-kumpanija;

Penali u ħlasijiet ta' kumpens lill-konsumaturi (għall-inkonvenjenza jew telf konsegwenzjali) jew kumpens kuntrattawli (għal dewmien eċċ.);

Spiża tal-kontromiżuri u l-assigurazzjoni;

Spiża tal-istrateġiji ta' mitigazzjoni u rkupru miċ-ċiberattakki;

It-telf tan-negozju u l-kompetittività;

Distorsjoni tan-negozju; u

Telf tal-impjiegi.

Skont pubblikazzjoni tal-gvern tar-Renju Unit, dwar l-istħarrig dwar ksur tas-sigurtà tal-informazzjoni fl-2014, 81 % tal-kumpaniji l-kbar u 60 % tal-SMEs raw ksur ta' sigurtà fl-2013.

L-istess rapport tal-gvern stima li l-ispiża medja li tista' ġġarrab organizzazzjoni kbira wara l-ikbar ksur taċ-ċibersigurtà tista' tkun bejn EUR 1 4 00  000 sa EUR 1 40  000 għal SME.

Anki jekk attakk ma jirnexxix, l-ispiża tal-mitigazzjoni qed togħla b'mod rapidu. Fl-2014 it-tkabbir fis-suq globali tas-sigurtà tal-informazzjoni ser jaċċellera għal 8,6 % u jaqbeż it-$73 biljun.

3.5

Iċ-ċiberattakki tekniċi jevolvu kontinwament:

Ċiberattakk ħafna drabi jinvolvi l-użu ta' attakk vektorjali li permezz tiegħu jinkiseb aċċess għall-informazzjoni tal-identità online, computer jew server fuq netwerrk għal skopijiet negattivi. Fost l-attakki vektorjali komuni nsibu tagħmir tal-USB, messaġġi elettroniċi b'kontenut mehmuż, paġni fuq l-internet, pop-ups, messaġġi f'ħin reali, chat rooms, qerq u phishing.

L-iktar forom komuni ta' ċiberattakki jinvolvu l-użu ta' ''malware''. Dan huwa programm malizzjuż li jista' jieħu kontroll ta' tagħmir diġitali għal għanijiet kriminali pereżempju sabiex jinsterqu dettalji ta' login jew flus jew sabiex jinxterdu bugs fuq tagħmir jew profili ta' persuni oħra. Dawn il-programmi jinkludu viruses tal-computer (worms u Trojan horses), ransomeware, spyware, adware, scareware u programmi malizzjużi oħra. Pereżempju r-ransomeware huwa tip ta' malware li jagħlaq l-aċċess għas-sistema kompjuterizzata li jinfetta u jitlob riskatt għall-aċċess.

Il-malware jista' jibdel computer f'bot marbut mal-botnet tal-persuna li qed twettaq l-att kriminali jew netwerk zombie ikkontrollata mill-kriminal sabiex jattakka lill-vittmi.

It-tixrid ta' emails mhux mitluba (spamming) iseħħ meta l-persuna li qed twettaq l-att kriminali tibgħat ta' spiss messaġġi elettroniċi mhux permessi bil-għan li l-vittma tonfoq il-flus fuq oġġetti foloz. Il-maġġoranza tal-messaġġi mhux mitluba jintbagħtu mill-botnets.

L-attakki ta' phishing huma attentati ta' serq tal-ismijiet tal-utenti, ipasswords u dettalji tal-karti ta' kreditu in-naħa ta' entità li tagħti impressjoni ta' affidabbiltà sabiex min ikun qed iwettaq l-att kriminali jkun jista' jieħu kontroll tal-indirizzi elettroniċi, in-netwerk soċjali u l-kontijiet elettroniċi tal-bank tal-vittma. Dawn l-attakki huma effettivi għal min ikun qed iwettaqhom billi 70 % tal-utenti tal-internet jużaw l-istess password għal kull servizz li jużaw fuq l-internet.

Il-kriminali ċibernetiċi ġieli jużaw attakki li jwaqqfu s-servizz sabiex jheddu lill-kumpaniji jew ogranizzazzjonijiet għall-flus. Dawn l-attakki jippruvaw iwaqqfu l-aċċess tal-utenti għal magna jew riżors ta' netwerk billi jimlew is-servizz ikkonċernat b'talbiet għal komunikazzjoni esterna sabiex ma jkunx jista' jirrispondi għal talbiet leġittimi jew jirrispondi bil-mod tant li s-servizz ma jibqax disponibbli. Il-kriminali ħafna drabi jużaw il-botnets għall-attakki li jwaqqfu s-servizz.

3.6

Jeżisti ftehim fost l-organizzazzjonijiet taċ-ċibersigurtà dwar l-azzjonijiet prijoritarji li ċ-ċittadini u l-intrapriżi għandhom jieħdu għal protezzjoni miċ-ċiberattakki. Dawn il-prattiki għandhom jiġu komunikati f'kull programm ta' tagħlim u edukazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà:

a.

Iċ-ċittadini għandhom

jużaw passwords sodi li jistgħu jiftakru;

jinstallaw software ta' anti-virus fuq tagħmir ġdid;

jivverifikaw il-modalitajiet ta' privatezza fuq il-mezzi ta' komunikazzjoni soċjali;

jixtru fuq l-internet b'mod sikur billi jiżguraw li s-sit minn fejn qed jixtru huwa sikur u

jniżżlu software u applikazzjonijiet fejn ikun hemm bżonn.

b.

L-intrapriżi għandhom

jibblukkaw l-użu ta' programmi mhux awtorizzati (application whitelisting);

jużaw konfigurazzjonijiet tas-sistema standardizzati u sikuri;

jużaw software ta' aġġornament ta' applikazzjoni fi żmien 48 siegħa;

jużaw software ta' aġġornament ta' sistema fi żmien 48 siegħa;

inaqqsu n-numru ta' utenti li għandhom privileġġi amministrattivi.

3.7

Il-kumpaniji ż-żgħar ħafna drabi m'għandhomx biżżejjed appoġġ fil-qasam tal-IT biex iżommu aġġornati fir-rigward tal-perikli ċibernetiċi għalhekk għandhom bżonn għajnuna speċjali sabiex jipproteġu ruħhom miċ-ċiberattakki.

3.8

Id-divulgazzjoni taċ-ċiberattakki u tad-dgħjufijiet tas-sistema huma essenzjali sabiex jiġu miġġielda ċ-ċiberattakki b'mod partikolari meta jiġu indirizzati l'hekk imsejħa zero-day attacks jiġifieri varjetajiet ġodda ta' attakki mhux magħrufa fil-komunità taċ-ċibersigurtà. Madanakollu l-intrapriżi ħafna drabi ma jiġbdux attenzjoni lejn iċ-ċiberattakki għal biżgħat dwar ir-reputazzjoni u r-responsabbiltà għal danni. Dan jaffettwa l-kapaċità tal-Ewropa li tirrispondi malajr u b'mod effettiv għat-theddid taċ-ċibersigurtà u ttejjeb iċ-ċibersigurtà ġenerali permezz tal-iskambju tal-għarfien.

3.9

Iċ-ċittadini u n-negozji jixtru l-aċċess għall-internet u s-servizzi mingħand l-ISP. Peress li dawn għandhom rwol kritiku fil-provvista tas-servizzi online huwa importanti ħafna li l-IPS jipprovdu l-ogħla livell possibbli ta' protezzjoni miċ-ċiberattakki lill-konsumaturi tagħhom. Barra milli jiżguraw li s-servizzi u l-infrastruttura tagħhom hija mfassla u miżmuma sabiex tipprovdi l-ogħla livelli ta' ċibersigurtà, l-ISPs għandhom jipprovdu wkoll pariri ta' livell għoli dwar iċ-ċibersigurtà lill-konsumaturi tagħhom u għandu jkollhom protokoll speċjali li jidentifika u jiġġieled iċ-ċiberattakki fuq il-konsumaturi hekk kif iseħħu. Din ir-responsabbiltà għandha tiġi definita u ankrata fil-leġislazzjoni fil-livell Ewropew.

3.10

Importanti ħafna għall-ekonomija tal-UE li tiżdied l-adozzjoni tal-cloud computing fost iċ-ċittadini u l-intrapriżi tal-UE (3). Hija u tiżdied id-dipendenza fuq il-cloud computing għal applikazzjonijiet personali u kummerċjali, huwa importanti li l-Ewropa tiżgura ċ-ċibersigurtà tal-provvedituri tas-servizzi cloud. Inċertezza fir-rigward tas-sigurtà tas-servizzi cloud qed ikollha impatt negattiv fuq ir-rata tal-adozzjoni li biha qed tiġi adottata din it-teknoloġija dinamika. Il-Kumitat jixtieq li l-UE timponi rekwiżiti u obbligi speċjali tas-sigurtà fuq il-provvedituri tas-servizzi cloud sabiex tappoġġja t-tkabbir tal-cloud computing fl-Ewropa.

3.11

Jeħtieġ li jsiru sforzi speċjali biex jiġu impjegati nies fl-industrija Ewropea taċ-ċibersigurtà. Id-domanda għal impjegati gradwati fil-qasam tas-sigurtà tal-informazzjoni mistennija tikber b'iktar mir-rata doppja ta' żieda fl-industrija sħiħa tal-computers. F'dan il-kuntest, il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għas-suċċess tal-''kompetizzjonijiet'' fl-Istati Uniti u f’xi Stati Membri fis-sensibilizzazzjoni dwar is-sigurtà ċibernetika u t-trawwim tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ professjonisti fil-qasam.

3.12

Waħda mill-aqwa strateġiji ta' protezzjoni miċ-ċiberattakki hija approċċ ibbażat fuq id-disinn, billi jiġi żgurat li t-teknoloġiji u s-servizzi kollha li jintużaw fl-Ewropa għall-konnettività tal-internet u s-servizzi online jitfasslu b'mod li jipprovdu l-ogħla livell possibbli ta' sigurtà miċ-ċiberattakki. Kunsiderazzjonijiet ta' disinn għandhom jiffukaw b'mod partikolari fuq l-interfaċċja bejn il-magna u l-bniedem. Dan jinvolvi kollaborazzjoni bejn min jagħmel it-teknoloġija, il-provvedituri tas-servizz tal-internet, l-industrija taċ-ċibersigurtà, l-EC3, l-ENISA, id-difiża nazzjonali u l-aġenziji tas-sigurtà tal-Istati Membri u ċ-ċittadini. L-organizzazzjoni ta' dan l-approċċ tad-disinn lejn iċ-ċibersigurtà tista' ssir fil-livell tal-UE mill-Kummissjoni u tiġi koordinata pereżempju mill-ENISA.

4.   Il-politika taċ-ċibersigurtà tal-UE

4.1

L-UE qed tiżviluppa strateġija komprensiva (4) sabiex iżżid iċ-ċibersigurtà taċ-ċittadini tal-Ewropa:

Il-pilastru tal-Fiduċja u s-Sigurtà tal-Aġenda Diġitali jinkludi 14-il azzjoni mmirata lejn żieda fiċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data.

Id-Direttiva dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni (5) li għandha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sal-4 ta' Settembru 2015 tistabbilixxi istruzzjonijiet rigward id-definizzjonijiet tal-atti kriminali fil-qasam u s-sanzjonijiet għal min jinstab ħati.

Sabiex jiżdied l-għarfien dwar iċ-ċibersigurtà u tiġi faċilitata l-kollaborazzjoni transkonfinali bejn l-Istati Membri, l-UE saħħet il-mandat tal-ENISA.

L-EC3 inħoloq bħala parti mill-Europol sabiex tiġi indirizzata ċ-ċiberkriminalità.

Din l-inizjattiva ta' politika dwar Protezzjoni tal-Infrastruttura tal-Informazzjoni Kritika tiffoka fuq il-protezzjoni tal-Ewropa minn ostakli ċibernetiċi inklużi l-attakki billi ttejjeb iċ-ċibersigurtà u r-reżiljenza fl-UE.

L-Istrateġija għal Internet Aħjar għat-Tfal timmira li toħloq ambjent sikur għat-tfal fuq l-internet u li tiġġieled kontra kontenut tal-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet u l-isfruttament sesswali tat-tfal.

Id-Direttiva proposta dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (NIS) titlob li l-Istati Membri jistabbilixxu sett ta' kapaċitajiet pereżempju skwadra ta' rispons f'emerġenza relatata mal-kompjuters (CERT). Hija tispeċifika wkoll is-sigurtà tan-netwerk u obbligi ta' rapportar għall-iktar provvedituri importanti tal-infrastruttura.

4.2

Il-KESE rreaġixxa b'mod kritiku għall-proposta għal Direttiva dwar in-NIS (6) billi jqis li l-miżuri proposti huma wisq dgħajfa u ma jimbuttawx lill-Istati Membri biżżejjed biex iħarsu liċ-ċittadini u n-negozji tagħhom miċ-ċiberattakki. Madanakollu l-Parlament huwa u jadotta d-Direttiva kompla dgħajjef l-użu tagħha billi llimitah għall-provvedituri tal-infrastruttura kritika u b'hekk elimina l-applikazzjoni għall-magni tat-tiftix, pjattaformi tal-mezzi ta' komunikazzjoni soċjali, portali ta' ħlas bl-internet u provvedituri tas-servizzi cloud.

4.3

Id-Direttiva proposta tan-NIS mhux ser tkun biżżejjed biex tipprovdi l-leġislazzjoni li hemm bżonn sabiex ittejjeb l-għarfien u r-rispons lejn iċ-ċiberattakki fl-Unjoni. Il-Kumitat jixtieq li titnieda leġislazzjoni ġdida bl-obbligu tan-notifika tal-inċidenti sinifikanti taċ-ċibersigurtà u mhux għall-provvedituri tal-infrastruttura kritika biss. In-nuqqas ta' obbligu ta' notifika jgħin liċ-ċiberkriminali japrofittaw mill-injoranza tal-vittmi vulnerabbli.

4.4

L-UE għandha tikkunsidra li tespandi l-mandat tal-ENISA sabiex issaħħaħ l-għarfien dwar it-theddida taċ-ċiberattakki u r-rispons fl-Unjoni. Ir-rwol tal-ENISA jista' jiġi estiż sabiex tittieħed responsabbiltà iktar diretta tal-edukazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà u programmi ta' sensibilizzazzjoni mmirati b'mod partikolari lejn iċ-ċittadini u l-SMEs.

4.5

L-EC3 ġie stabbilit fil-Europol fl-2013 sabiex tiżdied il-kapaċità tal-Ewropa li tiġġieled iċ-ċiberkriminalità. L-EC3 huwa portal ċentrali fl-Ewropa għall-intelligence kriminali u jappoġġja l-azzjonijiet u l-investigazzjonijiet tal-Istati Membri u taċ-ċiberattakki. Madanakollu fl-ewwel rapport annwali l-EC3 twissi li r-riżorsi attwali tagħha diġà qed jillimitaw il-progress tal-investigazzjonijiet u li l-EC3 mhux ser tkun kapaċi tkampa mal-livell li jitolbu l-investigazzjonijiet il-kbar li qed jidħlulha.

4.6

L-UE għandha titlob lill-organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej – CEN, CENELEC u ETSI – jiżviluppaw standards taċ-ċibersigurtà għal kwalunkwe software jew hardware tal-ICT jew servizzi bbażati fuq l-internet għall-bejgħ fl-UE. Dawn l-istandards għandhom jiġu aġġornati kontinwament biex jieħdu kont ta' forom ġodda ta' theddid.

4.7

Hemm bżonn ta' leġislazzjoni li tobbliga lill-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet jirrapurtaw inċidenti sinifikanti taċ-ċibersigurtà mhux biss għall-provvedituri ta' infrastruttura kritika biss. Dan iżid ir-rispons lejn theddid reali kif ukoll iżid l-għarfien u l-fehim taċ-ċiberattakki li qed jiġu ripetuti b'hekk jgħin lill-awtoritajiet, l-industrija tas-sigurtà, l-intrapriżi u ċ-ċittadini jtejbu ċ-ċibersigurtà tagħhom u jiġġielu dan it-theddid. Sabiex tħeġġeġ l-iskambju ta' informazzjoni dwar iċ-ċiberattakki, kwalunkwe leġislazzjoni għandha tipprovdi anonimità lill-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet li jirrappurtaw attakk. Fejn hemm bżonn, għandha titqies ukoll id-dispożizzjoni tal-protezzjoni tar-responsabbiltà.

4.8

Minkejja l-inizjattivi tal-UE, l-Istati Membri għandhom livelli differenti ħafna ta’ kapaċitajiet u tħejjija, li jwasslu għal approċċi frammentati madwar l-UE. Billi n-netwerks u s-sistemi huma marbuta, l-Istati Membri b'approċċ dgħajjef ħafna lejn iċ-ċibersigurtà jdgħajjfu l-kapaċità ġenerali tal-UE li tindirizza ċ-ċiberattakki. Hemm bżonn ta' azzjoni li tgħin lill-Istati Membri jilħqu l-livell aċċettabbli ta' ċibersigurtà. Hemm bżonn ta' attenzjoni speċjali li tiżugra li kull Stat Membru għandu skwadra ta' rispons f'emerġenza relatata mal-kompjuters (CERT) li tiffunzjona b'mod sħiħ.

4.9

Kif afferma fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu (7), il-Kumitat jemmen li l-miżuri volontarji ma jaħdmux u li biex tiżdied il-protezzjoni tal-UE miċ-ċiberattakki, hemm bżonn ta' obbligi regolatorji b'saħħithom għall-Istati Membri li jiżguraw l-armonizzazzjoni, il-gvernanza u l-infurzar taċ-ċibersigurtà Ewropea.

4.10

Biex nikkonkludu, sabiex tkun f'pożizzjoni li tipprovdi ħarsien reali u aġġornat liċ-ċittadini u lin-negozji miċ-ċiberattakki, il-politika taċ-ċibersigurtà tal-UE għandha tiffoka fuq dawn l-azzjonijiet:

tmexxija soda tal-UE li tistabbilixxi l-politiki, il-liġijiet u l-istituzzjonijiet sabiex jiġu appoġġjati livelli għolja ta' ċibersigurtà fl-Unjoni;

politiki taċ-ċibersigurtà li jtejbu s-sigurtà individwali u kollettiva filwaqt li jħarsu d-drittijiet tal-privatezza u valuri u libertajiet fundamentali oħra taċ-ċittadini.

għarfien mifrux fost iċ-ċittadini kollha tar-riskji tal-internet u inkoraġġiment biex jadottaw aproċċ proattiv lejn il-ħarsien tat-tagħmir, identità, privatezza u tranżazzjonijiet diġitali tagħhom;

gvernanza komprensiva min-naħa tal-Istati Membri kollha sabiex jiżguraw li l-infrastruttura kritika tal-informazzjoni tkun sikura u reżiljenti;

azzjoni infurmata u responsabbli min-naħa tal-intrapriżi kollha biex jiżguraw li s-sistemi tal-ICT tagħhom huma sikuri u reżiljenti biex iħarsu l-operati u tagħhom u l-interessi tal-klijenti tagħhom;

approċċ proattiv tal-ISPs lejn il-protezzjoni tal-konsumaturi tagħhom miċ-ċiberattakki;

approċċ ta' sħubija profonda lejn iċ-ċibersigurtà fl-UE bejn il-gvernijiet, is-settur privat u ċ-ċittadini, fil-livelli strateġiċi u operattivi;

approċċ ibbażat fuq id-disinn sabiex tiġi stabbilita ċ-ċibersigurtà huma u jiġu żviluppati t-teknoloġiji u s-servizzi tal-internet;

livelli adegwati ta' investiment fl-għarfien taċ-ċibersigurtà u l-iżvilupp tal-ħiliet sabiex tikber forza tax-xogħol tajba fil-qasam taċ-ċibersigurtà;

standards tekniċi taċ-ċibersigurtà tajbin u biżżejjed investiment fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' industrija tajba ta' ċibersigurtà u soluzzjonijiet globali;

impenn internazzjonali attiv ma' pajjiżi li mhumiex membri fl-UE sabiex tiġi żviluppata politika globali koordinata u rispons lejn theddid taċ-ċibersigurtà.

Brussell, 10 ta' Lulju 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 40; ĠU C 76, 14.3.2013, p. 59

(2)  ĠU C 97, 28.4.2007, p. 21;

ĠU C 175, 28.7.2009, p. 92;

ĠU C 255, 22.9.2010, p. 98;

ĠU C 54, 19.2.2011, p. 58;

ĠU C 107, 6.4.2011, p. 58;

ĠU C 229, 31.7.2012, p. 90;

ĠU C 218, 23.7.2011, p. 130;

ĠU C 24, 28.1.2012, p. 40;

ĠU C 229, 31.7.2012, p. 1;

ĠU C 351, 15.11.2012, p. 73;

ĠU C 76, 14.3.2013, p. 59;

ĠU C 271, 19.9.2013, p. 127;

ĠU C 271, 19.9.2013, p. 133.

(3)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 40; ĠU C 76, 14.3.2013, p. 59.

(4)  JOIN/2013/01 final.

(5)  ĠU L 218, 14/08/2013, p. 8–14.

(6)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 133.

(7)  ĠU C 255, 22.9.2010, p. 98; ĠU C 218, 23.7.2011, p. 130;; ĠU C 271, 19.9.2013, p. 133.


Top