Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0208

Kawża T-208/14: Rikors ippreżentat fit- 28 ta’ Marzu 2014 – Richard Anton vs Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

ĠU C 202, 30.6.2014, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 202/25


Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Marzu 2014 – Richard Anton vs Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

(Kawża T-208/14)

2014/C 202/32

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Richard Anton (Grâfelfing, il-Ġermanja) (rappreżentanti: M. Ahlhaus u J. Schrotz, avukati)

Konvenuta: Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni Nru SME (2013) 4525, tal-21 ta’ Jannar 2014, tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi kif ukoll il-fattura Nru 10046845 tat-23 ta’ Jannar 2014 u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti mir-rikorrenti

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-konvenuta

Il-konvenuta ma kellhiex il-kompetenza biex tadotta d-deċiżjonijiet inkwistjoni SME (2013) 4525. La r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (1) u lanqas ir-Regolament (KE) Nru 340/2008 (2) ma jawtorizzawha tadotta deċiżjoni separata dwar jekk reġistrant jissodisfax il-kriterju SME.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 1 tal-15 ta’ April 1958

Fil-komunikazzjonijiet kollha tagħha mar-rikorrenti, il-konvenuta naqset mill-obbligu tagħha li tikkomunika ma’ persuna suġġetta għas-sovranità ta’ Stat Membru bil-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat. Dan il-ksur ipprekluda lir-rikorrenti milli tissodisfa r-rekwiżiti imposti fuqha fir-rigward tal-prova tal-istatus tagħha ta’ impriża żgħira.

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq in-natura inġusta tad-deċiżjonijiet ikkontestati u fuq in-natura sproporzjonata tal-imposta amministrattiva imposta fuq ir-rikorrenti

Id-deċiżjonijiet ikkontestati huma żbaljati fil-mertu. Ir-rikorrenti kellha d-dritt tibbenefika minn tnaqqis tal-miżata skont ir-Regolament (KE) Nru 340/2008. Il-fattura tal-konvenuta dwar l-imposta amministrattiva ma hijiex iġġustifikata għaliex din hija imposta fuq ir-rikorrenti abbażi ta’ proċedura żbaljata. L-imposta amministrattiva ma tistrieħx fuq bażi legali xierqa u hija sproporzjonata


(1)  Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008, tas-16 ta’ April 2008, dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skond ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH)


Top