Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CN0162

Kawża C-162/14: Rikors ippreżentat fl- 4 ta’ April 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

ĠU C 202, 30.6.2014, p. 10–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 202/10


Rikors ippreżentat fl-4 ta’ April 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-162/14)

2014/C 202/11

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Tokár u K. Herrmann)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

tikkonstata li, billi żammet fis-seħħ motivi ta’ esklużjoni ta’ operaturi ekonomiċi mill-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti, bħal dawk li jinsabu fil-punti (1) u (1a) tal-Artikolu 24(1) tal-Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, u li jmorru lil hinn mill-kundizzjonijiet sostantivi tal-lista eżawrjenti ta’ eklużjonijiet inklużi fl-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18/KE fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (1), ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 45(2) ta’ din id-direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-motivi ta’ esklużjoni ta’ operatur ekonomiku minn proċedura għall-għoti ta’ kuntratt minħabba l-karatteristiċi professjonali ta’ dan tal-aħħar, bħal dawk inklużi fil-punti (1) u (1a) tal-Artikolu 24(1) tal-Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, jiġifieri abbażi tal-fatt li (i) l-operatur, minħabba nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni żbaljata ta’ kuntratt, ikun ikkawża dannu li ġie kkonfermat b’deċiżjoni ta’ awtorità ta’ res judicata u abbażi tal-fatt li (ii) l-operatur kien parti kontraenti f’kuntratt li ġie rexiss, ikkanċellat jew irrinunzjat minn awtorità kontraenti minħabba ċirkustanzi imputabbli lill-operatur, għandhom portata li tmur lil hinn minn dik tal-kundizzjonijiet ta’ esklużjoni stabbiliti fl-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18/KE u b’mod partikolari fl-Artikolu 45(2)(d) tagħha.

L-interpretazzjoni ta’ din l-aħħar kundizzjoni kienet is-suġġett tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Forposta SA, ABC Direct Contact, C-465/11. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-kunċett ta’ “ħati ta’ kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità” msemmi fl-Artikolu 45(2)(d) tad-Direttiva 2004/18, ikopri kull aġir żbaljat li jaffettwa l-kredibbiltà professjonali tal-operatur. Madankollu, il-kundizzjonijiet ta’ esklużjoni previsti fil-Polonja ma humiex limitati biss għal aġir tal-operatur ekonomiku inkwistjoni li jindika intenzjoni żbaljata jew negliġenza ta’ ċerta gravità min-naħa tiegħu, iżda jeżiġu li l-awtorità kontraenti teskludi awtomatikament operatur ekonomiku mingħajr ma tevalwa minn qabel l-aġir żbaljat allegat fil-konfront ta’ dan tal-aħħar.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132.


Top