EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IE1593

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-miżuri ta’ prevenzjoni għall-protezzjoni tat-tfal mill-abbuż sesswali” (opinjoni addizzjonali)

ĠU C 24, 28.1.2012, p. 154–158 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/154


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-miżuri ta’ prevenzjoni għall-protezzjoni tat-tfal mill-abbuż sesswali” (opinjoni addizzjonali)

2012/C 24/33

Relatur: is-Sinjura SHARMA

Nhar l-20 ta’ Jannar 2011, b'konformità mal-Artikolu 29(a) tad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jfassal opinjoni addizzjonali dwar

Il-miżuri ta’ prevenzjoni għall-protezzjoni tat-tfal mill-abbuż sesswali (opinjoni addizzjonali).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta’ Awwissu 2011.

Matul l-475 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta’ Ottubru 2011 (seduta tas-26 ta’ Ottubru 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni bi 79 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jikkundanna bis-sħiħ kull tip ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal u jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni biex issaħħaħ id-determinazzjoni tal-Ewropa li tiġġieled l-abbuż sesswali fuq it-tfal billi tippreżenta Direttiva ġdida dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal.

1.2

F'opinjoni preċedenti (1) l-KESE għamel rakkomandazzjonijiet dwar id-Direttiva proposta. Għalkemm il-prevenzjoni hija waħda mill-għanijiet tad-Direttiva, ma tiġix indirizzata biżżejjed fiha. Il-prevenzjoni fuq diversi livelli hija l-muftieħ għall-protezzjoni tat-tfal. Il-vittmi tal-abbuż sesswali fuq it-tfal mhux biss isofru vjolazzjoni intollerabbli tad-dritt tagħhom għall-integrità fiżika iżda jbatu wkoll konsegwenzi soċjali, emozzjonali u psikoloġiċi koroh ħafna tul ħajjithom kollha. Din l-opinjoni addizzjonali tfittex li tressaq rakkomandazzjonijiet għall-prevenzjoni.

1.3

Il-KESE jerġa' jitlob lill-Istati Membri kollha, kif ukoll lill-Unjoni Ewropea, b'konformità mat-Trattat il-ġdid ta’ Lisbona, sabiex jiffirmaw u jirratifikaw b'mod urġenti, il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali  (2) u l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u dwar il-Bejgħ tat-Tfal, il-Prostituzzjoni tal-Minorenni u l-Pornografija tat-Tfal  (3), sabiex tissaħħaħ l-abbiltà tal-UE li tipprevjeni l-abbuż sesswali fuq it-tfal.

1.4

L-Unjoni Ewropea trid tibni approċċ konsistenti u unifikat għall-prevenzjoni tal-abbuż sesswali fuq it-tfal fl-Istati Membri kollha. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tippromovi l-implimentazzjoni ta’ Strateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Prevenzjoni kontra l-Abbuż Sesswali fuq it-Tfal bil-għan li tiġi stabbilita viżjoni b'saħħitha li permezz tagħha l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jaspiraw li jipproteġu u jagħtu setgħa lit-tfal. L-għanijiet tal-Istrateġija għandhom jidħlu f'dawn l-erba' oqsma:

1.

L-edukazzjoni

Programmi edukattivi ta’ sensibilizzazzjoni għat-tfal

Taħriġ u appoġġ għall-professjonisti u l-voluntiera

Taħriġ għall-mezzi tax-xandir

Programmi ta’ trobbija pożittiva

Użu sikur tal-internet

2.

L-infurzar tal-liġi u strutturi oħra ta’ appoġġ

Stħarriġ

Helpline għat-tfal nieqsa

Sistema ta’ twissija ta’ tfal nieqsa

Sistema internazzjonali għall-infurzar tal-liġi

3.

Ir-rwol tas-soċjetà ċivili

Aktar finanzjament sabiex jiġu żviluppati programmi eżistenti

Kampanja ta’ sensibilizzazzjoni pubblika

4.

Ir-riċerka u l-istandards

Ċentru Ewropew ta’ ġbir u skambju ta’ informazzjoni (Clearinghouse)

Fehmiet u opinjonijiet tat-tfal

L-istandards tas-sigurtà fuq l-internet u t-tneħħija ta’ kontenut relatat mal-abbuż sesswali fuq it-tfal

1.5

Il-miżuri f'din l-opinjoni mhumiex eżawrjenti (4). Il-KESE jfaħħar il-ħidma ta’ ħafna partijiet tas-soċjetà ċivili, partikolarment l-NGOs, li qegħdin jimplimentaw miżuri ta’ prevenzjoni. Hemm wisq eżempji tal-aħjar prattika biex jiġu elenkati hawnhekk iżda kollha huma prezzjużi sabiex ħaddieħor jitgħallem minnhom. Għal dan il-għan il-KESE pproduċa bażi ta’ data b'informazzjoni (5).

2.   Sfond u objettivi

2.1

L-għan ċentrali tal-miżuri ta’ prevenzjoni għandu jkun il-qerda tal-abbuż sesswali fuq it-tfal. Il-politiki kollha għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal. B'konformità mal-Konvenzjoni, tifel/tifla huwa/hija persuna taħt it-18-il sena.

2.2

L-abbuż sesswali fuq it-tfal għandu diversi forom: l-inċest u l-abbuż sesswali, il-pornografija, il-prostituzzjoni, it-traffikar, il-korruzzjoni u l-aggressjoni sesswali mill-gruppi ta’ pari tat-tfal stess (6). L-abbuż għandu jiġi indirizzat f’diversi livelli: lokali, nazzjonali, Ewropew u globali. Iżda l-miżuri ta’ prevenzjoni għandhom ikunu kkoordinati u konsistenti b’mod globali. Il-miżuri ta’ prevenzjoni għandhom jiġu mmonitorjati b’mod kostanti biex jiġi żgurat li huma konformi mal-istrutturi li dejjem jinbidlu u l-prattiki tajba u li jindirizzaw l-aktar opportunitajiet ġodda ta’ abbuż fuq it-tfal (bħal teknoloġiji ġodda).

2.3

It-tfal huma partikolarment vulnerabbli għall-forom kollha ta’ abbuż u x’aktarx jiġu vittimizzati aktar mill-adulti fir-rigward ta’ atti kriminali ġenerali, inklużi l-aggressjoni u l-istupru. Għalkemm hemm nuqqas ta’ statistika, id-data disponibbli tissuġġerixxi li madwar tifel/tifla minn kull ħamsa fl-Ewropa huwa/hija vittma tal-abbuż sesswali minn tal-inqas darba matul it-tfulija tagħhom (7). Huwa stmat li f’70-85 % tal-każijiet il-vittma tkun taf lit-trasgressur, u għaldaqstant il-miżuri ta’ prevenzjoni għandhom jikkunsidraw dan il-fatt b’mod partikolari. Kemm is-subien kif ukoll il-bniet huma milquta, kif ukoll l-etniċitajiet u l-komunitajiet kollha. Xi riċerka tissuġġerixxi li l-abbuż sesswali sikwit jibda fl-età ta’ 12-13-il sena, iżda ħafna mill-istrateġiji ta’ prevenzjoni għat-tfal jiffokaw l-aktar fuq tfal iżgħar. It-tfal “vulnerabbli” tipikament jinsabu fl-ikbar riskju ta’ abbuż, inklużi t-tfal b’diżabbiltà, it-tfal fil-kura, it-tfal separati mill-familja tagħhom, it-tfal traffikati, it-tfal bi problemi relatati mad-drogi u l-alkoħol, it-tfal li huma soċjalment miċħuda u dawk li diġà ġew abbużati.

2.4

L-UE tirrikonoxxi d-drittijiet tat-tfal fl-Artikolu 3 (tat-TUE) tat-Trattat ta’ Lisbona u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, speċjalment fl-Artikolu 24, li jistabbilixxi obbligu pożittiv sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tat-tfal fl-aħjar interess tagħhom. Dan issarraf f’politika immirata dwar il-promozzjoni, il-protezzjoni u t-twettiq tad-drittijiet tat-tfal (8).

2.5

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-pubblikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni Ewropea ta’ Aġenda tal-UE għad-Drittijiet tat-Tfal. Ibbażata fuq il-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Aġenda tqiegħed id-drittijiet tat-tfal fil-qofol tal-politika f’oqsma prinċipali, inklużi s-sigurtà fuq l-internet u l-protezzjoni mit-traffikar.

2.6

Għan prinċipali ta’ din l-opinjoni huwa li jiġi enfasizzat li miżuri ta’ “prevenzjoni” huma possibbli u qiegħda ssir ħafna ħidma tajba f’dan il-qasam minn ħafna partijiet interessati. Il-KESE jfaħħar il-ħidma ta’ ħafna partijiet tas-soċjetà ċivili, partikolarment l-NGOs, li qegħdin jimplimentaw miżuri ta’ prevenzjoni. Hemm wisq eżempji tal-aħjar prattika biex jiġu elenkati f’din l-opinjoni iżda kollha huma prezzjużi sabiex ħaddieħor jitgħallem minnhom, jibni fuq l-għarfien espert u jimmobilizza l-azzjoni tas-soċjetà ċivili. Għal dan il-għan il-KESE pproduċa bażi ta’ data bl-informazzjoni (9).

3.   Kummenti ġenerali – miżuri ta’ prevenzjoni

3.1

Il-miżuri ta’ prevenzjoni għandhom ikunu olistiċi, iffokati fuq it-tfal u għandhom jitwettqu mill-aktar fis possibbli b’livell minimu ta’ intervent. Hemm ħafna inizjattivi eċċellenti li għandhom jiġu appoġġjati. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tadotta u tinforza Strateġija tal-Unjoni Ewropeata’ Prevenzjoni kontra l-Abbuż Sesswali fuq it-Tfal li tiggarantixxi viżjoni kkoordinata madwar l-Istati Membri kollha, abbażi tal-għanijiet li jinsabu fl-erba’ oqsma t’hawn taħt.

3.2

Il-KESE jagħraf li l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali fuq i-tfal hija sfida diffiċli ħafna. Din il-forma ta’ abbuż sikwit tkun inviżibbli minħabba n-natura essenzjalment klandestina tagħha u minħabba l-fatt li ma tantx tiġi rrapurtata mill-vittmi peress li jħossu sentimenti kumplessi ta’ mistħija, biża’ jew għax ma jafux id-drittijiet tagħhom. L-internet u teknoloġiji oħra jipprovdu opportunitajiet ġodda għal dawk li jabbużaw u biex tiġi prodotta u distribwita l-pornografija tat-tfal. Il-libertà tal-ivvjaġġar tipprovdi opportunitajiet għal dawk li jabbużaw biex jagħmlu l-aktar tfal vulnerabbli l-miri tagħhom. Dawk li jabbużaw qed isiru aktar sofistikati u organizzati u t-tfal iż-żgħar qed ikunu dejjem aktar f’riskju. Madwar 10 % tal-każijiet jaslu quddiem is-servizzi tal-protezzjoni tat-tfal (10). Dawk li jabbużaw sesswalment mit-tfal ġejjin minn kull tip ta’ ambjent u ħafna minnhom ma jkunux instabu ħatja ta’ reati ta’ abbuż sesswali (11).

3.3

L-ewwel prevenzjoni li għandha sseħħ qabel jitwettaq abbuż fuq it-tfal għandha tkun immirata lejn l-aktar tfal vulnerabbli li jinsabu f’riskju ta’ abbuż kontinwu u fil-futur. Miżuri diretti bħall-edukazzjoni tal-pubbliku u intervent minn kmieni huma biss l-ewwel pass – għandu jkun hemm ukoll miżuri biex titwaqqaf il-vittimizzazzjoni sekondarja biex jingħeleb “iċ-ċiklu tal-abbuż” fejn dan iseħħ. Għandu jingħata wkoll attenzjoni t-trattament għal dawk li jabbużaw jew dawk li potenzjalment jistgħu jabbużaw.

3.4

Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-abbuż iseħħ fil-familja jew fl-ambjent tal-komunità (12), l-abbuż jista’ jkun delitt organizzat ħafna li jinvolvi aktar minn persuna waħda li twettqu. Hemm ħafna qligħ xi jsir; it-traffikar tal-bnedmin huwa t-tielet l-akbar att kriminali internazzjonali fid-dinja (13). Fid-dinja hemm madwar 2,5 miljun vittma tat-traffikar tal-bnedmin (14). Huwa stmat li 43 % minnhom jiġu sfruttati sesswalment u kważi nofshom huma tfal (15). L-abbuż sesswali fuq it-tfal sikwit huwa att kriminali mingħajr fruntieri li għandu jiġi indirizzat lil hinn mill-fruntieri nazzjonali.

3.5

Il-parteċipazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ hija importanti sabiex jiġi assigurat li l-fehmiet tagħhom jinstemgħu u jiġu integrati fl-istrateġiji ta’ prevenzjoni. Diġà hemm ħafna mudelli simili li qegħdin jitħaddmu (16). L-użu tal-lingwaġġ taż-żgħażagħ iħeġġeġ lit-tfal jitkellmu b’mod aktar miftuħ dwar il-kwistjoni u jgħin li jitkisser dan it-tabù.

4.   L-ewwel qasam – L-edukazzjoni

4.1

Il-KESE jirrakkomanda li jiġu provduti programmi edukattivi ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-abbuż sesswali fuq it-tfal lit-tfal kollha fl-Istati Membri. Huwa kruċjali li t-tfal jiġu infurmati dwar l-abbuż sesswali b’mod li jkun adatt għall-età tagħhom u li jingħataw il-possibbiltà li jitkellmu dwaru.

4.2

Il-programmi edukattivi kienu strateġija ta’ prevenzjoni primarja ta’ suċċess f’oqsma oħra. Jipprovdu opportunità eċċellenti għall-prevenzjoni u huma mezzi ideali biex jiġi promoss ir-rappurtar. Fejn ikun possibbli, il-programmi edukattivi ta’ sensibilizzazzjoni jistgħu jiġu integrati fi programmi eżistenti, bħal “Stay Safe” (17) u l-programmi SPHE (18). Il-programmi għandhom:

ikunu adatti mil-lat tal-iżvilupp, jinkorporaw l-iżvilupp sesswali f’saħħtu u jevitaw il-vittimizzazzjoni sabiex it-tfal jingħataw aktar setgħa;

ikunu mmirati speċifikament lejn it-tfal aktar milli lejn il-ġenituri, b’attenzjoni partikolari fuq it-tfal ikbar fl-età;

jippermettu approċċi għal prevenzjoni mmirata lejn l-aktar tfal li jinsabu f’riskju;

ikunu marbuta ma’ mekkaniżmi ta’ konsulenza, ilmenti u rappurtar b’aċċess dirett u mmirati lejn it-tfal (19);

ikunu marbuta mas-servizzi neċessarji ta’ sostenn li jkollhom biżżejjed persunal;

jiġu mmonitorjati u evalwati regolarment b’konformità mal-prattika tajba emerġenti.

4.3

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu t-taħriġ dwar il-prevenzjoni tal-abbuż sesswali fuq it-tfal obbligatorju għall-professjonisti u l-voluntiera li jaħdmu mat-tfal, speċjalment fis-setturi tal-infurzar tal-liġi, is-saħħa u l-edukazzjoni (formali u mhux formali). L-organizzazzjonijiet professjonali, it-trejdjunjins u l-imsieħba soċjali kollha għandhom rwol x’jaqdu bħalma għandhom l-organizzazzjonijiet reliġjużi, sportivi u ta’ rikreazzjoni. Għandu jkun hemm mekkaniżmi ta’ appoġġ adatti għall-persunal li jaħdem mat-tfal vittmi, inklużi superviżjoni regolari u appoġġ psikoloġiku.

4.4

Il-KESE jirrakkomanda li l-mezzi tax-xandir jiġu pprovduti bi programmi edukattivi. Għandhom jiġu żviluppati wkoll linji gwida etiċi dwar ir-rappurtar.

4.5

Il-programmi pożittivi dwar it-trobbija tal-ulied għandhom ikunu disponibbli biex jappoġġjaw lill-ġenituri u lill-familji biex jevitaw li jseħħ l-abbuż sesswali fuq it-tfal. Il-ġenituri għandhom jingħataw informazzjoni dwar miżuri ta’ prevenzjoni f’ambjent ta’ kura ta’ qabel it-twelid u wara t-twelid tat-tfal.

4.6

Il-KESE jappoġġja l-inizjattivi bħall-Programm tal-Kummissjoni Ewropea dwar Internet Sigur (20) u n-netwerks tal-Insafe (21) u tal-INHOPE (22) li għandhom l-għan li jippromovu użu sigur tal-internet mit-tfal u l-membri kollha tas-soċjetà (23).

5.   It-tieni qasam: l-infurzar tal-liġi u strutturi oħra ta’ appoġġ

5.1

Il-KESE jirrakkomanda li jkun hemm approċċ konsistenti fost l-Istati Membri fir-rigward tal-infurzar tal-liġi, l-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-pulizija u l-organizzazzjonijiet internazzjonali reġistrati. Dan għandu jinkludi ftehimiet ta’ kooperazzjoni bilaterali, għodod tal-IT aktar effettivi għall-monitoraġġ, u mekkaniżmi ta’ analiżi aħjar. Id-dewmien fil-qrati jista’ jservi ta’ deterrent għar-rappurtar tal-abbuż. Biex jiġu evitati perjodi twal ħafna ta’ stennija għandha tingħata prijorità lill-każijiet tal-abbuż sesswali fuq it-tfal. Għandu jitqies b’mod serju l-fatt li jkun hemm proċessi fil-qrati fejn il-vittma ma tixhedx. Hemm bżonn urġenti ta’ taħriġ adatt tal-persunal li jinfurzaw il-liġi fil-qasam tal-abbuż sesswali fuq it-tfal u l-ħolqien ta’ protokolli għall-intervisti jgħin li tiġi evitata l-vittimizzazzjoni sekondarja. Standards konsistenti mal-Ewropa kollha jistgħu jgħinu biex dawk li jabbużaw ma jkunux jistgħu jiċċaqilqu minn Stat Membru għal ieħor. Fuq livell globali, l-operazzjoni ta’ salvataġġ reċenti tal-Europol u oħrajn, li matulha ġew identifikati aktar minn 200 tifel u tifla (24), urew kif l-Unjoni Ewropea tista’ twitti t-triq.

5.2

Huwa assolutament importanti li jkun hemm approċċ konsistenti għall-iċċekkjar ta’ dawk kollha li jaħdmu mat-tfal biex jingħalqu l-lakuni bejn l-Istati Membri. Għandu jkun hemm monitoraġġ obbligatorju ta’ individwi għar-reati kontra l-protezzjoni tat-tfal, inkluż il-monitoraġġ għal “informazzjoni mhux vinkolanti” (informazzjoni dwar persuni li ġew identifikati bħala riskju għat-tfal iżda li m’għandhomx kundanna kriminali għall-abbuż tat-tfal). Bħal fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu (25), il-Kumitat jirreferi għall-Mudell ta’ Aġenziji Multipli għal Arranġamenti ta’ Protezzjoni Pubblika (26).

5.3

Ġie allokat numru helpline madwar l-Ewropa kollha għat-tfal nieqsa però dan qiegħed jaħdem biss f’16-il Stat Membru; i-11-il Stat Membru l-ieħor għandhom jieħdu azzjoni minnufih biex jiżguraw li jkun hemm servizz hotline ta’ kwalità tajba (27). Dan is-servizz għandu jkollu biżżejjed riżorsi u jkun marbut mas-servizzi ta’ sostenn meħtieġa. Għandha tiġi kkunsidrata wkoll l-estensjoni ta’ dan is-servizz lil hinn mill-UE.

5.4

Għalkemm hemm mudelli li jaħdmu b’mod effettiv fi Stati Membri individwali (28), il-KESE jirrakkomanda li tiġi stabbilita Sistema ta’ twissija ta’ tfal nieqsa, ikkoordinata madwar l-Ewropa kollha, simili għall-Amber Alert fl-Istati Uniti (29).

5.5

Il-KESE jtenni l-appell tiegħu biex jiġi stabbilit korp internazzjonali għall-infurzar tal-liġi intiż biex jinvestiga tal-abbuż sesswali fuq it-tfal madwar id-dinja, jidentifika l-vittmi u jħarrek lil min iwettaq l-abbuż (30).

6.   It-tielet qasam: ir-rwol tas-soċjetà ċivili

6.1

Il-prevenzjoni tal-abbuż sesswali fuq it-tfal hija r-responsabbiltà tas-soċjetà kollha. Il-KESE jirrakkomanda li l-aġenziji governattivi u l-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili jkomplu jaħdmu flimkien biex jimplimentaw miżuri ta’ prevenzjoni tal-abbuż sesswali. Il-KESE jappoġġja inizjattivi bħall-kampanja “Wieħed minn kull Ħamsa” (31) u “Hemmhekk ma jintmissx” tal-Kunsill tal-Ewropa (32). Fil-livell tal-NGOs, Stop It Now! (33) u kampanji speċifiċi bħall-“Cut Them Free” ta’ Barnardo’s fir-Renju Unit (34) u l-kampanja tal-ECPAT International u ta’ The Body Shop dwar “Stop Sex Trafficking of Children and Young People” (35) huma eżempji importanti ta’ azzjoni tas-soċjetà ċivili.

6.2

Min iħaddem, it-trejdjunjins, u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili għandhom obbligu importanti li jistabbilixxu standard ċar għall-postijiet tax-xogħol biex jiżguraw li l-abbuż sesswali fuq it-tfal ma jiġix tollerat (36). L-indirizzar ta’ dan ir-reat hija kwistjoni ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva għal min iħaddem. L-industriji bħal dawk tat-turiżmu u tal-lukandi wkoll għandhom rwol importanti x’jaqdu (37). Il-KESE qed jipproponi li l-organizzazzjonijiet jiffirmaw id-dikjarazzjoni tal-valuri proposta preċedentement mill-KESE (38), li tinsab fil-bażi ta’ data ta’ prattiki tajba fl-Istati Membri miġbura mill-KESE. Il-KESE (39) jtenni l-ħtieġa ta’ aktar finanzjament biex jiġu estiżi u żviluppati programmi li jitwasslu mill-imsieħba tas-soċjetà ċivili.

6.3

Għandu jkun hemm kampanja globali ta’ sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar ir-rappurtar tal-abbuż sesswali fuq it-tfal, appoġġjata minn hotline internazzjonali b’xejn b’mekkaniżmu ta’ rappurtar onlajn (40). Din tista’ taħdem b’mod simili għan-netwerk ipprovdut miċ-Child Helpline International. Hotline bħal din għandha tkun marbuta mas-servizzi meħtieġa ta’ sostenn.

6.4

Is-soċjetà ċivili u l-gvernijiet jistgħu jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar l-abbuż sesswali tat-tfal u jikkontribwixxu biex isawru kultura ta’ prevenzjoni billi jippromovu b’mod attiv il-Jum Dinji għall-Prevenzjoni tal-Abbuż tat-Tfal, li jsir kull sena fid-19 ta’ Novembru (41).

7.   Ir-raba’ qasam: ir-riċerka u l-istandards

7.1

Il-KESE jsejjaħ għal aktar riċerka biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ data dwar l-abbuż sesswali fuq it-tfal, biex tinkiseb stampa ċara tal-profili tal-vittmi u l-aggressuri u tiġi skambjata l-aħjar prattika. Bħalissa, ħafna mid-data hija pprovduta mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi. Għandu jiġi stabbilit ċentru Ewropew ta’ ġbir u skambju ta’ informazzjoni għall-benefiċċju tar-riċerka, il-politika u l-prattika fil-qasam tal-prevenzjoni tal-abbuż fuq it-tfal, simili għan-National Child Protection Clearinghouse fl-Awstralja (42) u ċ-Child Welfare Information Gateway fl-Istati Uniti (43). Dan għandu jibni fuq il-ħidma mwettqa minn proġetti individwali, bħall-European Online Grooming Project jew il-ħidma mwettqa fuq livell nazzjonali, bħaċ-Child Focus Belgium  (44). Definizzjonijiet komuni madwar l-Ewropa kollha jgħinu biex jiġi promoss l-iskambju u titjieb il-komparabbiltà tad-data.

7.2

Ir-riċerka dwar l-abbuż sesswali fuq it-tfal għandha tiġi infurmata bil-fehmiet u l-opinjonijiet tat-tfal (45).

7.3

Il-KESE jsejjaħ għal standards Ewropej definiti b’mod ċar dwar is-sigurtà tal-internet. Bil-għan li jitħeġġu “dawk li jipprovdu s-Servizz tal-Internet (Internet Service Providers) biex fuq bażi volontarja jiżviluppaw kodiċi ta’ kondotta u linji gwida biex jiġi mblukkat l-aċċess għal tali paġni tal-Internet” (46), il-KESE jenfasizza li għandha tingħata prijorità lit-tneħħija tal-kontenut mis-sors u meta dan ma jkunx possibbli (barra l-UE) jiġi bblukkat l-aċċess għal dawk is-siti. Fi ħdan l-UE dan għandu jsir ħtieġa legali jekk l-industrija, il-provvedituri tas-servizzi tal-internet u l-atturi ekonomiċi u finanzjarji bħall-kumpaniji tal-karti ta’ kreditu huma serji fl-impenn tagħhom rigward il-ġlieda kontra dan l-abbuż. Il-KESE jħeġġeġ lill-provvedituri tan-netwerking soċjali biex jadottaw il-Prinċipji għal Netwerking Soċjali iktar Sikur fl-UE (2009) (47).

7.4

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkoordina azzjoni biex tippermetti approċċ konsistenti madwar l-UE.

Brussell, 26 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas 2004/68/ĠAI”, ĠU C 48, 15.2.2011, p. 138-144.

(2)  Ir-Repubblika Ċeka u l-Latvja għadhom ma ffirmawx din il-Konvenzjoni; 15-il Stat Membru għadhom ma rratifikawhiex: http://conventions.coe.int/Treaty/Commun/ChercheSig.asp?NT=201&CM=&DF=&CL=ENG) (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, u l-Irlanda għadhom ma rratifikawx (http://treaties.un.org/Pages/ViewDetails.aspx?src=TREATY&mtdsg_no=IV-11-c&chapter=4&lang=en) (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Tfasslu f'konsultazzjoni mal-Alleanza Irlandiża għad-Drittijiet tat-Tfal, koalizzjoni ta’ aktar minn 90 organizzazzjoni nongovernattiva li jaħdmu biex jiżguraw id-drittijiet u l-bżonnijiet tat-tfal fl-Irlanda, billi jaħdmu għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (www.childrensrights.ie) kif ukoll mal-organizzazzjonijiet nongovernattivi Ewropej li jaħdmu f'dan il-qasam.

(5)  http://www.eesc.europa.eu/prevent-child-abuse.

(6)  Il-kampanja tal-Kunsill tal-Ewropa biex titwaqqaf il-vjolenza sesswali fuq it-tfal: www.coe.int/t/dg3/children/1in5/source/Outline_en.pdf.

(7)  Ibid.

(8)  Pereżempju, l-Istrateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ li tadotta approċċ ta’ politika transsettorjali fir-rigward tal-kwistjonijiet relatati maż-żgħażagħ u ssaħħaħ il-kooperazzjoni fit-tfassil tal-politika: http://europa.eu/legislation_summaries/education_training_youth/youth/ef0015_en.htm (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Ara n-nota 6 f’qiegħ il-paġna.

(10)  Diskors tal-Viċi Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Ħames Forum tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, l-Italja (Novembru 2010): www.coe.int/t/dc/press/news/20101129_disc_sga_en.asp.

(11)  Finkelhor, The Prevention of Childhood Sexual Abuse (2009), p. 178.

(12)  Ara nota 6 f’qiegħ il-paġna.

(13)  ECPAT International, Factsheet – Traffikar tat-Tfal għal finijiet sesswali fir-Renju Unit.

(14)  L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, Factsheet bl-Istatistika dwar ix-Xogħol Furzat (2007).

(15)  Diskors ta’ Viviane Reding dwar “Impenn imġedded favur id-drittijiet tat-tfal” (Ottubru 2010): http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=SPEECH/10/550&format=HTML&aged=1&language=EN&guiLanguage=en.

(16)  Pereżempju, “Kiko u l-Id” tal-Kunsill tal-Ewropa.

(17)  Programm ta’ ħiliet għas-sigurtà personali immirat lejn l-iskejjel primarji fl-Irlanda għall-prevenzjoni tal-abbuż fuq it-tfal: www.staysafe.ie.

(18)  Il-programm dwar l-edukazzjoni soċjali, personali u dwar is-saħħa, użat fl-iskejjel postprimarji fl-Irlanda, jappoġġja l-iżvilupp personali, is-saħħa u l-benesseri: www.sphe.ie.

(19)  Pereżempju, “Report by the Special Rapporteur on the sale of children, child prostitution and child pornography and the Special Representative of the Secretary-General on Violence against Children on child-friendly counselling, complaint and reporting mechanisms” (Rapport mir-relatur speċjali dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal u tar-rappreżentant speċjali tas-Segretarju Ġenerali dwar il-vjolenza kontra t-tfal u l-konsulenza mmirata lejn it-tfal, u l-mekkaniżmi ta’ lmenti u ta’ rappurtar): http://www2.ohchr.org/english/bodies/hrcouncil/docs/16session/A-HRC-16-56.pdf. Kif ukoll ir-Riżoluzzjoni tal-ECOSOC tan-NU 2005/20 dwar linji gwida dwar il-ġustizzja fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jinvolvu l-vittmi tfal u x-xhieda ta’ atti kriminali: www.un.org/docs/ecosoc/documents/2005/resolutions/Resolution%202005-20.pdf.

(20)  http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/index_en.htm.

(21)  Netwerk Ewropew ta’ Ċentri ta’ Sensibilizzazzjoni li jippromovi użu sigur, responsabbli tal-Internet fost iż-żgħażagħ: www.safeinternet.org.

(22)  Inizjattiva għar-rappurtar anonimu ta’ materjal fl-internet inkluż l-abbuż sesswali fuq it-tfal:www.inhope.org.

(23)  Inizjattiva simili ta’ NGO hija mwettqa miċ-Child Focus Belgium.

(24)  “More than 200 children identified and rescued in worldwide police operation” (Aktar minn 200 tifel u tifla identifikati u salvati f’operazzjoni dinjija tal-pulizija): https://www.europol.europa.eu/content/press/more-200-children-identified-and-rescued-worldwide-police-operation-465.

(25)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 43-48.

(26)  Mudell tar-Renju Unit li jinvolvi aġenziji multipli biex jivvalutaw u jiġġestixxu dawk li jwettqu reati sesswali fil-komunità.

(27)  Ara nota 15 f’qiegħ il-paġna.

(28)  Pereżempju, Child Alert fil-Belġju: www.childalert.be.

(29)  www.amberalert.gov.

(30)  Ara nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(31)  www.coe.int/t/dg3/children/1in5/default_en.asp u www.underwearrule.org

(32)  Il-KESE qabel li jittraduċa f’diversi lingwi d-dokumenti minn din il-kampanja tal-Kunsill tal-Ewropa.

(33)  Il-kampanja tar-Renju Unit u l-Irlanda hija amministrata mil-Lucy Faithfull Foundation għall-prevenzjoni tal-abbuż sesswali fuq it-tfal: www.stopitnow.org.uk u www.lucyfaithfull.org.

(34)  www.barnardos.org.uk/get_involved/campaign_form/cutthemfree.htm.

(35)  Din il-kampanja globali kisbet 2,3 miljun firma fl-UE (22 ta’ Ġunju 2011).

(36)  Artikolu 3, Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal.

(37)  Pereżempju, Accor Hotels u l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu.

(38)  Appendiċi I għall-opinjoni tal-KESE dwar “il-Protezzjoni tat-tfal minn persuni li qed jivvjaġġaw u li huma awturi ta’ reati sesswali” (ĠU C 317, 23.12.2009, p. 43–48).

(39)  Ara nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(40)  Ara nota 25 f’qiegħ il-paġna.

(41)  http://www.woman.ch/index.php?page=children_19nov&hl=en.

(42)  www.aifs.gov.au/nch.

(43)  www.childwelfare.gov/index.cfm.

(44)  www.stopchildporno.be.

(45)  Artikolu 12, tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti.

(46)  Ara nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(47)  http://ec.europa.eu/information_society/activities/social_networking/docs/sn_principles.pdf.


Top