Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0114(02)

Deċiżjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat- 23 ta’ Marzu 2011 li tistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-Esperti Nazzjonali Sekondati lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

ĠU C 12, 14.1.2012, p. 8–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 03/02/2014; Imħassar b' HR DEC(2014) 01

14.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/8


Deċiżjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

tat-23 ta’ Marzu 2011

li tistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-Esperti Nazzjonali Sekondati lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

2012/C 12/04

IR-RAPPREŻENTANT GĦOLI,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (2010/427/UE), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(3) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 6(3) tad-Deżizjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (1) (“SEAE”) (“id-Deċiżjoni tal-Kunsill”) is-SEAE jista', f'każijiet speċifiċi, jirrikorri għal numru limitat ta' esperti nazzjonali sekondati speċjalizzati.

(2)

Ir-Rappreżentant Għoli għandu, ukoll skont l-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, jadotta regoli, ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/479/KE tas-16 ta’ Ġunju 2003 (issa mħassrin u sostitwiti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/829/KE tal-5 ta' Diċembru 2007 (2)) rigward ir-regoli applikabbli għal esperti nazzjonali u persunal militari sekondati lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li biha l-ENS jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-SEAE sabiex jipprovdu kompetenzi speċjalizzati.

(3)

Esperti nazzjonali sekondati (“ENS”) għandhom jagħmluha possibbli li s-SEAE tibbenefika mil-livell għoli tal-għarfien u l-esperjenza professjonali tagħhom, b'mod partikolari f'oqsma fejn kompetenza bħal din mhix disponibbli faċilment.

(4)

Is-sekondar ta' esperti nazzjonali lis-SEAE għandu jrawwem l-iskambju ta' esperjenza professjonali u ta' għarfien dwar il-linji politiċi Ewropej.

(5)

L-ENS għandhom jiġu mill-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali.

(6)

Id-drittijiet u l-obbligi tal-ENS u tal-persunal militari sekondat, stabbiliti b'din id-Deċiżjoni, għandhom jiżguraw li dawn iwettqu dmirijiethom unikament fl-interess tas-SEAE.

(7)

Din id-Deċiżjoni għandha tistabbilixxi l-kondizzjonijiet kollha tal-impjieg tal-ENS.

(8)

Għandha ssir dispożizzjoni speċjali għal persunal militari sekondat lis-SEAE biex jiġi fformat il-Persunal Militari tal-Unjoni Ewropea.

(9)

Għandha ssir dispożizzjoni speċjali għal ENS sekondati lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni. Kull fejn possibbli għandu jiġi evitat trattament mhux ugwali bejn ENS minn istituzzjonijiet differenti (prinċipalment mill-Kummissjoni Ewropea u s-SEAE) f'Delegazzjonijiet tal-Unjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI.

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dawn ir-regoli għandhom japplikaw għall-esperti nazzjonali sekondati (ENS) sekondati lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) mill-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri. Huma għandhom japplikaw ukoll għall-esperti sekondati minn organizzazzjoni internazzjonali.

2.   Il-persuni koperti minn dawn ir-regoli għandhom jibqgħu fis-servizz ta’ min iħaddimhom tul il-perijodu ta’ sekondar u għandhom jibqgħu jiġu rimunerati minnu.

3.   Is-SEAE għandha tirrekluta ENS skont il-ħtiġiet u l-possibbiltajiet baġitarji. Id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani għandu jistabbilixxi l-arranġamenti għal dan ir-reklutaġġ.

4.   L-ENS għandhom ikunu ċittadini ta’ Stat Membru.

5.   L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jikkoperaw sabiex jiżguraw, kemm jista' jkun, li r-reklutaġġ ta' ENS għas-SEAE jkun ibbażat fuq il-mertu filwaqt li jiżguraw bilanċ ġeografiku u bilanċ bejn irġiel u nisa, b'mod partikolari biex jiżguraw preżenza sinifikanti ta' ċittadini mill-Istati Membri kollha.

6.   Is-sekondar għandu jiġi implimentat permezz ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Uffiċjal Kap Operattiv u r-Rappreżentanza Permanenti tal-Istat Membru konċernat, jew, l-organizzazzjoni internazzjonali, kif adatt. Il-post tas-sekondar għandu jkun indikat fl-iskambju ta’ ittri. Kopja tar-regoli applikabbli għall-ENS dwar sekondar lis-SEAE għandha tkun mehmuża mal-iskambju ta’ ittri.

Artikolu 2

Perijodu ta’ sekondar

1.   Il-perijodu ta' sekondar ma jistax ikun inqas minn sitt xhur u lanqas aktar minn sentejn u jista' jiġi mġedded b'mod suċċessiv għal perijodu totali ta' mhux aktar minn erba' snin. Eċċezzjonalment, fuq talba mid-Direttur Amministrattiv jew l-ekwivalenti tiegħu, u fejn l-interessi tas-servizz jeħtieġu dan, id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani jistgħu jawtorizzaw estensjoni waħda jew iżjed għal sekondar ta' massimu ta' sentejn oħra fi tmiem il-perijodu ta' erba' snin.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-perijodu li għalih ENS ikun sekondat biex jieħu sehem fit-tħejjija ta’ operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżi jew għall-istudju tat-tnedija tagħhom, jista' jkun inqas minn sitt xhur.

3.   Il-perijodu previst ta' sekondar għandu jiġi stabbilit mill-bidu fl-iskambju ta' ittri previst fl-Artikolu 1(6). L-istess proċedura għandha tapplika fil-każ ta’ tiġdid tal-perijodu ta’ sekondar.

4.   ENS li jkun diġà ġie sekondat lis-SEAE jista' jerġa' jiġi sekondat soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-ENS għandu jkompli jissodisfa l-kondizzjonijiet għas-sekondar; u

(b)

perijodu ta' mill-inqas sitt snin ikun għadda bejn it-tmiem tal-perijodu ta' sekondar preċedenti u kwalunkwe sekondar ulterjuri; jekk, fi tmiem l-ewwel sekondar, l-ENS ikun ibbenefika minn estensjoni, il-perijodu ta’ sitt snin għandu jibda jgħodd mit-tmiem ta’ dik l-estensjoni.

Din id-dispożizzjoni m'għandhiex twaqqaf lis-SEAE milli jaċċetta s-sekondar, inqas minn sitt snin wara t-tmiem tal-ewwel perijodu ta' sekondar, ta' ENS li s-sekondar inizjali tiegħu dam inqas minn sitt snin, iżda f'dak il-każ, is-sekondar il-ġdid m'għandux jaqbeż il-parti li jkun fadal tal-perijodu ta’ sitt snin.

Artikolu 3

Post ta’ sekondar

1.   L-ENS għandhom jiġu sekondati lill-amministrazzjoni ċentrali tas-SEAE fi Brussell, jew lil Delegazzjoni tal-Unjoni.

2.   Il-post ta’ sekondar jista' jinbidel matul is-sekondar permezz ta’ skambju ulterjuri ta’ ittri skont l-Artikolu 1(6), jekk il-possibbiltà ta’ bidla ta’ dan il-post ma kenitx prevista fl-ewwel skambju ta’ ittri. L-amministrazzjoni li tissekonda l-ENS għandha tinżamm infurmata bi kwalunkwe bidla fil-post ta’ sekondar.

Artikolu 4

Dmirijiet

1.   ENS għandu jassisti lill-membri tal-persunal tas-SEAE u jwettaq il-kompiti li jiġu fdati lilu. Il-funzjonijiet imwettqin għandhom jiġu definiti bi qbil reċiproku bejn is-SEAE u l-amministrazzjoni li tissekonda l-espert nazzjonali fl-interess tas-SEAE u b'kont meħud tal-kwalifiki tal-ENS.

2.   Soġġett għall-paragrafu 8 hawn taħt, l-ENS m'għandux jipparteċipa f'missjonijiet u laqgħat għajr:

(a)

jekk ikun qed jakkumpanja membru tal-persunal tas-SEAE;

jew

(b)

bħala osservatur jew biss għal finijiet ta' informazzjoni, jekk waħdu.

Dment li ma jkunx ingħata mandat lil ENS skont il-paragrafu 8 hawn taħt, huwa ma jistax jirrappreżenta lis-SEAE bil-ħsieb li jidħol f'impenji, la finanzjarji u lanqas oħrajn, jew jinnegozja f'ismu.

Il-limitazzjonijiet f'dan il-paragrafu ma japplikawx għal ENS sekondati lill-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija, id-Direttorat għall-Maniġġar ta' Kriżijiet u l-Ippjanar, jew iċ-Ċentru ta' Sitwazzjonijiet tal-UE.

3.   Is-SEAE, permezz tas-superjur tal-ENS, għandu jżomm responsabbiltà unika għall-approvazzjoni tar-riżultati ta' kompiti mwettqin mill-ENS.

4.   Is-SEAE, li tħaddem lill-ENS u l-ENS għandhom jagħmlu kull sforz biex jevitaw kwalunkwe konflitt ta' interess jew li jkun jidher li hemm tali konflitt fir-rigward tad-dmirijiet tal-ENS matul is-sekondar. Għal dak il-għan, id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani, għandu jinforma, kmieni biżżejjed, lill-ENS u lil min iħaddmu bil-kompiti previsti u jitlobhom it-tnejn sabiex jikkonfermaw bil-miktub li huma ma jaraw l-ebda raġuni għaliex l-ENS m'għandux jiġi assenjat għal dawk il-kompiti, inkluż, b'mod partikolari, b'referenza għall-esperjenza ta' impjiegi tal-ENS.

5.   L-ENS għandu jintalab partikolarment jiddikjara kwalunkwe konflitt potenzjali bejn iċ-ċirkostanzi familjari tiegħu (partikolarment l-attivitajiet professjonali ta’ membri tal-familja qrib tiegħu jew ta' kwalunkwe interess finanzjarju importanti tiegħu jew ta’ membri tal-familja qrib tiegħu) u l-kompiti proposti matul is-sekondar. Min iħaddem u l-ENS għandhom jintrabtu li jgħarrfu lis-superjur tal-ENS u d-Dipartiment tar-Riżorsi Umani bi kwalunkwe bidla fiċ-ċirkostanzi matul is-sekondar, li tista' tirriżulta f'tali konflitt.

6.   Meta s-superjur tal-ENS iqis li n-natura tal-kompiti fdati lill-ENS teħtieġ prekawzjonijiet ta' sigurtà partikolari, għandha tinkiseb approvazzjoni tas-sigurtà qabel ma jiġi sekondat l-ENS.

7.   Fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mad-disposizzjonijiet tal-paragrafi 2, 4 u 5, is-SEAE tista' ttemm is-sekondar tal-ENS skont it-termini tal-Artikolu 9(2)(c).

8.   Minkejja l-paragrafu 1 u l-ewwel subparagrafu tal-paragafu 2, id-Direttur Amministrattiv, jew l-ekwivalenti tiegħu, tas-servizz li miegħu jiġi assenjat l-ENS, jista', waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli u waqt li jaġixxi fuq proposta mis-superjur tal-ENS, jafda kompiti jew dmirijiet speċifiċi lill-ENS u jinkarigah imexxi missjoni jew laqgħa speċifika waħda jew aktar dment li ma jkun jeżisti l-ebda konflitt ta’ interess.

Artikolu 5

Drittijiet u Obbligi

1.   Matul il-perijodu tas-sekondar:

(a)

l-ENS għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu b'mod oġġettiv u imparzjali u għandu jaġixxi biss bl-interessi tas-SEAE f'moħħu;

(b)

l-ENS għandu jastjeni minn kwalunkwe azzjoni, u b'mod partikolari kwalunkwe espressjoni pubblika ta' opinjoni, li tista' tirrifletti l-pożizzjoni tiegħu fis-SEAE;

(c)

kwalunkwe ENS li, fit-twettiq ta' dmirijietu, jintalab jiddeċiedi dwar it-trattament jew ir-riżoluzzjoni ta' kwistjoni li fiha jkollu interess personali li jista' jfixkel l-indipendenza tiegħu, għandu jgħarraf b'dan lis-superjur;

(d)

l-ENS, waħdu jew ma’ persuni oħrajn, m'għandux jippubblika jew iqabbad li jiġi ppubblikat l-ebda test li jitratta l-ħidma tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma jikseb permess mis-superjur tiegħu. Dan il-permess għandu jiġi miċħud biss meta l-pubblikazzjoni prevista tista' tippreġudika l-interessi tal-Unjoni Ewropea;

(e)

id-drittijiet kollha fuq xogħlijiet magħmulin mill-ENS fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu għandhom ikunu proprjetà tas-SEAE;

(f)

l-ENS għandu jirrisjedi fil-post tas-sekondar tiegħu jew f'distanza tali minnu li tkun kompatibbli mat-twettiq adatt tal-attivitajiet tiegħu;

(g)

l-ENS għandu jassisti jew jagħti pariri lis-superjur li jkun ġie assenjat miegħu u għandu jkun responsabbli lejn dan is-superjur għat-twettiq tad-dmirijiet li jiġu fdati lilu;

(h)

fl-eżerċizju tad-dmirijiet tiegħu, l-ENS m'għandu jaċċetta l-ebda istruzzjoniji minn min iħaddem jew mill-gvern nazzjonali. Huwa m'għandu jwettaq l-ebda attività għal min iħaddmu jew għal xi gvern, u lanqas għal xi persuna, kumpannija privata jew korp pubbliku ieħor.

2.   Kemm matul kif ukoll wara s-sekondar, l-ENS għandu jeżerċita l-akbar diskrezzjoni fir-rigward tal-fatti u l-informazzjoni kollha li jsir jaf bihom tul it-twettiq jew b'konnessjoni mat-twettiq ta’ dmirijietu. Huwa m'għandu jikxef taħt l-ebda forma, lill-ebda persuna li ma tkunx awtorizzata, l-ebda dokument jew informazzjoni li ma tkunx diġà saret pubblika legalment u l-anqas m'għandu jużahom għall-benefiċċju personali tiegħu.

3.   Fi tmiem is-sekondar, l-ENS għandu jibqa' marbut bl-obbligu li jaġixxi b'integrità u diskrezzjoni fit-twettiq ta’ dmirijiet ġodda li jingħatawlu u fl-aċċettazzjoni ta’ ċerti postijiet jew vantaġġi.

4.   L-ENS għandhom ikunu soġġetti għar-regoli ta' sigurtà fis-seħħ fis-SEAE.

5.   In-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1, 2 u 4 matul il-perijodu tas-sekondar jintitola lis-SEAE jittermina s-sekondar ta’ ENS, skont it-termini tal-Artikolu 9(2)(c).

Artikolu 6

Livell, esperjenza professjonali u għarfien tal-lingwi

1.   Sabiex jikkwalifika għas-sekondar mas-SEAE, l-ENS għandu jkollu tal-anqas tliet snin esperjenza f'impjieg full time b'funzjonijiet amministrattivi, xjentifiċi, tekniċi, ta’ konsulenza jew ta’ superviżjoni, ekwivalenti għal dawk tal-gruppi ta’ funzjonijiet AD jew AST, kif definiti fir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni (3).

2.   ENS għandu jkollu għarfien sħiħ ta' waħda mil-lingwi tal-Unjoni u għarfien sodisfaċenti ta' lingwa oħra għat-twettiq ta' dmirijietu.

Artikolu 7

Proċeduri tal-Għażla

1.   L-ENS għandhom jintgħażlu skont proċedura miftuħa u trasparenti, li d-dettalji prattiċi tagħha għandhom jiġu deċiżi mid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani.

F'ċirkostanzi eċċezzjonali debitament ġustifikabbli, u fl-interessi tas-servizz, ENS jista' jintgħażel mingħajr ma jiġu segwiti tali proċeduri. L-awtorizzazzjoni għal tali deroga għandha tinkiseb mill-Uffiċjal Kap Operattiv.

2.   Qabel is-sekondar, is-superjur għandu jiżgura li tkun disponibbli allokazzjoni suffiċjenti fil-baġit.

3.   L-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati lid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani mir-Rappreżentanza Permanenti rilevanti.

Artikolu 8

Sospensjoni ta’ sekondar

1.   Id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani jista' jawtorizza sospensjonijiet ta’ sekondar u jispeċifika t-termini applikabbli. Matul tali sospensjonijiet:

(a)

il-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 16 u 17 ma għandhomx ikunu pagabbli;

(b)

l-ispejjeż imsemmija fl-Artikoli 19 u 20 għandhom ikunu pagabbli biss jekk is-sospensjoni tkun fuq it-talba tas-SEAE.

2.   Id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani għandu jinforma lil min iħaddem lill-ENS.

Artikolu 9

Terminazzjoni ta’ perijodi ta’ sekondar

1.   Soġġett għall-paragrafu 2, sekondar jista' jiġi tterminat fuq it-talba tas-SEAE (bil-qbil tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani u d-Direttur Amministrattiv jew l-ekwivalenti tiegħu) jew ta' min iħaddem lill-ENS, dment li tingħata notifika ta' tliet xhur. Jista' wkoll jintemm fuq it-talba tal-ENS dment li tingħata l-istess notifika u soġġett għall-qbil tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani u d-Direttur Amministrattiv jew l-ekwivalenti tiegħu.

2.   F'ċerti ċirkostanzi eċċezzjonali s-sekondar jista' jintemm mingħajr notifika:

(a)

minn min iħaddem lill-ENS, jekk l-interessi essenzali ta' min iħaddmu jeħtieġu hekk;

(b)

bi qbil bejn id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani u d-Direttur Amministrattiv jew l-ekwivalenti tiegħu u min iħaddem, fuq talba tal-ENS indirizzata liż-żewġ partijiet, jekk l-interessi essenzjali, personali jew professjonali tal-ENS ikunu jeħtieġu dan; jew

(c)

mis-SEAE (bil-qbil tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani u d-direttur Amministrattiv jew l-ekwivalenti tiegħu) fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mill-ENS mal-obbligi tiegħu skont dawn ir-regoli. L-ENS kkonċernat għandu l-ewwel jingħata l-opportunità li jippreżenta d-difiża tiegħu.

3.   Fil-każ ta' terminazzjoni skont il-paragrafu 2(c), id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani għandu jinforma immedjatament lil min iħaddem.

KAPITOLU II

KONDIZZJONIJIET TAX-XOGĦOL

Artikolu 10

Sigurtà soċjali

1.   Qabel ma jibda l-perijodu tas-sekondar, min iħaddem fil-post li minnu l-ENS għandu jiġi sekondat għandu jiċċertifika lis-SEAE li, matul il-perijodu ta' sekondar, l-ENS ser jibqa' soġġett għal-leġislazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli għall-amministrazzjoni pubblika jew l-organizzazzjoni internazzjonali li tħaddem lill-ENS u li għandha tkun responsabbli għall-ispejjeż li jintefqu barra mill-pajjiż. Għal dan il-għan, min iħaddem lill-ENS għandu jipprovdi lid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani biċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 (4).

2.   Mill-bidu tas-sekondar tiegħu, l-ENS għandu jiġi kopert mis-SEAE kontra r-riskju ta' inċident. Id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani għandu jipprovdih b'kopja tat-termini ta' din il-kopertura fil-jum li fih hu jirrapporta lid-dipartiment rilevanti tas-SEAE biex jimla l-formalitajiet amministrattivi relatati mas-sekondar.

3.   Meta, fil-kuntest ta’ missjoni li fiha l-ENS jipparteċipa skont l-Artikoli 4 u 21, jew meta, b'riżultat ta' riskji speċifiċi fil-post tas-sekondar, tkun meħtieġa assigurazzjoni addizzjonali jew speċifika, l-ispejjeż rilevanti għandhom jitħallsu mis-SEAE.

Artikolu 11

Ħinijiet tax-xogħol

1.   ENS għandu jkun soġġett għar-regoli fis-seħħ fis-SEAE fir-rigward tal-ħinijiet tax-xogħol. Dawn ir-regoli jistgħu jiġu modifikati mill-Uffiċjal Kap Operattiv meta l-ħtiġijiet tas-SEAE jeħtieġu dan.

2.   ENS għandu jservi fuq bażi full time matul il-perijodu kollu tas-sekondar. Fuq talba debitament ġustifikata mis-superjur tal-ENS, u soġġett għal kompatibbiltà mal-interessi tas-SEAE, id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani jista' jawtorizza ENS biex jaħdem fuq bażi part time, wara l-qbil ta’ min iħaddmu.

3.   F'każ li jiġi awtorizzat xogħol fuq bażi part time, l-ENS għandu jaħdem għal mill-inqas nofs il-ħin normali tax-xogħol.

4.   Il-benefiċċji fis-seħħ fis-SEAE għal xogħol bix-xift jew servizz ta’ stand-by jistgħu jingħataw lill-ENS.

Artikolu 12

Assenza minħabba mard jew inċident

1.   Fil-każ ta’ assenza minħabba mard jew inċident, l-ENS għandu javża lis-superjur tiegħu mill-aktar fis possibbli, filwaqt li jinfurmah bl-indirizz attwali tiegħu. Huwa għandu jipproduċi ċertifikat mediku jekk ikun assenti għal aktar minn tlett ijiem u jista' jiġi meħtieġ jgħaddi minn eżami mediku ppjanat mis-SEAE.

2.   Jekk assenza minħabba mard jew inċident ta' mhux aktar minn tlett ijiem taqbeż it-total ta' 12-il jum matul perijodu ta' 12-il xahar, ENS għandu jiġi meħtieġ jipproduċi ċertifikat mediku għal kwalunkwe assenza ulterjuri minħabba mard.

3.   Fejn il-perijodu ta' sick leave jaqbeż it-tliet xhur jew il-perijodu tas-servizz imwettaq mill-ENS, skont liema wieħed hu l-itwal, il-beneifiċċji msemmijin fl-Artikolu 16(1) u (2) għandhom jiġu sospiżi awtomatikament. Din id-dispożizzjoni m'għandhiex tapplika f'każ ta’ mard marbut ma’ tqala. Is-sick leave ma jistax jestendi aktar miż-żmien tas-sekondar tal-persuna kkonċernata.

4.   Madankollu, ENS li hu vittma ta' korriment relatat max-xogħol li jseħħ matul is-sekondar għandu jkompli jirċievi, fl-intier tagħhom, il-benefiċċji previsti fl-Artikolu 16(1) u (2) matul il-perijodu li matulu ma jkunx jista' jaħdem sa tmiem il-perijodu tas-sekondar.

Artikolu 13

Leave annwali, leave speċjali u jiem ta’ btala

1.   ENS għandu jkun intitolat għal jumejn u nofs ta’ xogħol leave kull xahar sħiħ ta’ servizz mogħti (tletin jum kull sena kalendarja).

2.   Il-leave hu soġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel mis-superjur tal-ENS.

3.   ENS għandu jingħata leave speċjali fil-każijiet li ġejjin:

—   żwieġ tal-ENS: erbat ijiem,

—   bidla fir-residenza tal-ENS: jumejn,

—   ġarr domestiku għall-finijiet tad-dħul fis-servizz: sa jumejn

—   mard serju tal-konjuġi: sa tlett ijiem,

—   mewt tal-konjuġi: erbat ijiem,

—   mard serju ta’ qarib fil-linja axxendenti: sa jumejn

—   mewt ta’ qarib fil-linja axxendenti: sa jumejn,

—   żwieġ ta’ wieħed mit-tfal: jumejn

—   twelid ta’ tifel/tifla: għaxart ijiem, li għandhom jittieħdu matul il-ġimgħatejn ta' wara t-twelid,

—   mewt tal-mara matul il-leave ta’ maternità: numru ta' jiem li jikkorrispondu mal-leave tal-maternità li jifdal ikun applikabbli skont ir-Regolamenti tal-Persunal

—   mard serju ta’ tifel/tifla: sa jumejn,

—   mard serju ħafna ta’ wieħed mit-tfal, kif iċċertifikat minn tabib, jew ammissjoni fl-isptar ta’ wieħed mit-tfal ta’ 12-il sena jew inqas: sa ħamest ijiem

—   mewt ta’ tifel/tifla: erbat ijiem,

—   adozzjoni ta’ tifel/tifla: perijodu wieħed ta' għoxrin ġimgħa (erbgħa u għoxrin ġimgħa jekk it-tifel/tifla għandu/għandha diżabbiltà), fuq l-istess bażi applikabbli skont ir-Regolamenti tal-Persunal.

Jista' jingħata leave speċjali addizzjonali ta’ jumejn kull perijodu ta’ tnax-il xahar fuq talba (li tkun debitament ġustifikata) tal-ENS.

Għall-finijiet ta' din id-dispożizzjoni, sieħeb mhux miżżewweġ ta' ENS jista' jiġi ttratat fuq l-istess bażi kif applikabbli skont ir-Regolamenti tal-Persunal.

4.   Fuq talba debitament ġustifikata ta’ min iħaddem lill-ENS, jistgħu jingħataw sa jumejn leave speċjali addizzjonali f'perijodu ta’ tnax-il xahar mis-SEAE (id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani u d-Direttur Amministrattiv jew l-ekwivalenti tiegħu) fuq bażi ta’ każ b'każ.

5.   Fil-każ ta’ xogħol fuq bażi part-time, il-leave annwali għandu jitnaqqas proporzjonalment.

6.   Il-jiem ta' leave annwali li ma jkunux ittieħdu sal-aħħar tal-perijodu tas-sekondar għandhom jintilfu.

Artikolu 14

Leave tal-maternità

1.   F'każ ta’ tqala, l-ENS għandha tingħata leave ta’ maternità ta’ għoxrin ġimgħa, li matulhom hija tirċievi l-benefiċċji previsti fl-Artikolu 16. Il-leave għandu jibda mhux aktar minn sitt ġimgħat qabel id-data probabbli tat-twelid indikata fiċ-ċertifikat u għandu jintemm mhux inqas minn erbatax-il ġimgħa wara d-data tat-twelid. Fil-każ ta’ twelid multipli jew prematur jew twelid ta’ tarbija b'diżabbiltà, il-perijodu tal-leave għandu jkun ta’ erbgħa u għoxrin ġimgħa. Għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, twelid prematur huwa twelid li jseħħ qabel tmiem l-34 ġimgħa tat-tqala.

2.   Meta l-liġi nazzjonali ta’ min iħaddem lill-ENS tipprevedi leave tal-maternità itwal, is-sekondar għandu jkun sospiż għall-perijodu li jeċċedi dak mogħti mis-SEAE. F'dak il-każ, fi tmiem is-sekondar għandu jiżdied perijodu ekwivalenti ma’ dak tas-sospensjoni, jekk l-interessi tas-SEAE jiġġustifikaw dan.

3.   ENS tista', alternattivament, titlob sospensjoni tas-sekondar li jkopri l-perijodu kollu mogħti għal-leave ta’ maternità. F'dak il-każ, fi tmiem is-sekondar għandu jiżdied perijodu ekwivalenti ma’ dak tas-sospensjoni, jekk l-interess tas-SEAE jiġġustifika dan.

Artikolu 15

Amministrazzjoni u kontroll

L-amministrazzjoni u l-kontroll tal-leave għandhom ikunu r-responsabbiltà tas-superjur tal-ENS u tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani. Il-kontroll tal-ħin tax-xogħol u l-assenzi għandhom ikunu r-responsabbiltà tas-superjur tal-ENS.

KAPITOLU III

KAPITOLU III BENEFIĊĊJI U SPEJJEŻ

Artikolu 16

Benefiċċji

1.   ENS għandu jkun intitolat għal kumpens għas-sussistenza ta’ kuljum matul il-perijodu ta' sekondar. Jekk id-distanza bejn il-post tal-oriġini u l-post tas-sekondar tkun ta’ 150 km jew inqas, il-kumpens għas-sussistenza ta' kuljum għandu jkun ta’ EUR 31,92. Jekk id-distanza tkun ta' aktar minn 150 km, il-kumpens għas-sussistenza ta' kuljum għandu jkun ta’ EUR 127,65.

2.   Jekk l-ENS ma rċeviex spejjeż tal-ġarr jew mis-SEAE jew mimm min iħaddmu, għandu jitħallas benefiċċju addizzjonali ta' kull xahar kif muri fit-tabella hawn taħt:

Distanza bejn il-post ta' oriġini u l-post ta' sekondar (km)

Ammont f'euro

0-150

0

> 150

82,05

> 300

145,86

> 500

237,05

> 800

382,92

> 1 300

601,73

> 2 000

720,27

3.   Dawn il-benefiċċji għandhom ikunu pagabbli għal perijodi ta' missjoni, leave annwali, leave ta' maternità, leave speċjali u vaganzi mogħtija mis-SEAE.

4.   Meta l-ENS jibda s-sekondar, huwa għandu jirċievi ammont minn qabel ekwivalenti għal 75 jum ta' benefiċċju ta' sussistenza, u b'hekk għandu jieqaf l-intitolament għal kwalunlkwe benefiċċju ieħor bħal dan matul il-perijodu korrispondenti. Jekk is-sekondar lis-SEAE jintemm qabel l-iskadenza tal-perijodu li ttieħed kont tiegħu għall-kalkolu tal-ammont li ngħata minn qabel, l-ENS għandu jagħti lura l-ammont li jikkorrispondi għall-parti li jifdal ta' dak il-perijodu.

5.   Fil-waqt tal-iskambju ta' ittri previst fl-Artikolu 1(6) id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani għandu jiġi informat minn min iħaddem lill-ENS bi kwalunkwe pagament simili għal dak imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu rċevut mill-ENS. Kwalunkwe tali ammont għandu jitnaqqas mill-benefiċċji korrispondenti mħallsin mis-SEAE.

6.   Benefiċċji ta' kuljum u ta' kull xahar għandhom jiġu aġġustati kull sena mingħajr effett retroattiv abbażi tal-adattament tas-salarji bażiċi ta' uffiċjali tal-Unjoni fi Brussell u l-Lussemburgu.

Artikolu 17

Benefiċċju fiss addizzjonali

1.   Għajr meta l-post ta’ oriġini tal-ENS ikun jinsab f'distanza ta’ 150 km jew inqas mill-post tas-sekondar, huwa għandu jirċievi benefiċċju fiss addizzjonali li jkun daqs id-differenza bejn is-salarju annwali gross imħallas (tnaqqas il-benefiċċji tal-familja) minn min iħaddmu flimkien ma' kwalunkwe benefiċċju mħallas mis-SEAE, skont l-Artikolu 16, u s-salarju bażiku ta’ uffiċjali fl-ewwel skaluna tal-grad AD 6 jew AST 4, skont il-grupp ta’ funzjonijiet li fih ikun ġie assimilat.

2.   Dan il-benefiċċju għandu jiġi aġġustat darba fis-sena mingħajr effett retroattiv fuq il-bażi tal-adattament tas-salarji bażiċi ta' uffiċjali tal-Unjoni.

Artikolu 18

Postijiet ta’ reklutaġġ, ta' sekondar, ta’ oriġini u ta’ ritorn

1.   Għall-finijiet ta' dawn ir-regoli,

il-post tar-reklutaġġ għandu jkun il-post fejn l-ENS wettaq id-dmirijiet tiegħu għal min iħaddmu immedjatament qabel is-sekondar,

il-post tas-sekondar għandu jkun Brussell, jew il-post fejn tinsab id-delegazzjoni tal-Unjoni li għaliha l-ENS hu assenjat,

il-post ta' oriġini għandu jkun il-post fejn jinsabu l-kwartieri ġenerali ta' min iħaddmu,

il-post ta' ritorn għandu jkun il-post fejn l-ENS ser iwettaq l-attività prinċipali tiegħu wara li jintemm is-sekondar.

2.   Jekk il-post ta’ reklutaġġ jew il-post ta’ ritorn ikun jinsab 'il barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea jew fi Stat Membru li mhuwiex dak fejn jinsabu l-kwartieri ġenerali ta’ min iħaddem lill-ENS, jew jekk l-ENS ma jwettaq l-ebda attività professjonali wara tmiem is-sekondar tiegħu, il-post ta’ oriġini għandu jitqies bħala l-post ta’ reklutaġġ jew bħala l-post ta’ ritorn, skont il-każ.

Il-post ta’ reklutaġġ, il-post jew postijiet tas-sekondar u l-post ta’ oriġini għandhom jiġu stabbiliti fl-iskambju ta’ ittri imsemmi fl-Artikolu 1(6). Il-post ta’ ritorn għandu jiġi stabbilit abbażi ta’ dikjarazzjoni minn min iħaddem lill-ENS.

3.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, ċirkostanzi li jqumu minn xogħol magħmul minn ENS għal Stat minbarra dak tal-post tas-sekondar jew għal organizzazzjoni internazzjonali m'għandux jittieħed kont tiegħu.

Artikolu 19

Spejjeż ta’ vvjaġġar

1.   ENS li l-post ta’ reklutaġġ tiegħu jinsab aktar minn 150 km mill-post tas-sekondar għandu jkun intitolat għal rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar:

(a)

għalih innifsu;

(b)

għall-konjuġi tiegħu u t-tfal dipendenti, dment li jkunu jgħixu mal-ENS u li l-ġarr ikun rimborżat mis-SEAE.

2.   Dment li l-vjaġġ ma jkunx magħmul bl-ajru, l-ammont għandu jiġi rimborżat b'rata fissa, limitata għall-ispiża tal-ħlas ta' ferrovija tat-tieni klassi, mingħajr supplimenti. L-istess għandu japplika għall-vjaġġi bil-karozza. Jekk it-triq bil-ferrovija taqbeż il-500 km jew jekk il-vjaġġ normali jkun jeħtieġ qsim fuq il-baħar, ir-rimborż tal-vjaġġ bl-ajru jista' jiġi rimborżat sal-prezz tal-vjaġġ bl-ajru b'tariffa mraħħsa (PEX jew APEX), meta jiġu ppreżentati l-biljetti u l-karti tal-imbarkazzjoni.

3.   L-ENS għandu jkun intitolat għal rimborż għalih innifsu, u fejn applikabbli, għall-persuni previsti fil-paragrafu 1(b), tal-ispejjeż tal-vjaġġ lejn il-post ta’ ritorn fi tmiem is-sekondar fil-limiti msemmijin qabel. Dan ir-rimborż ma jistax jinvolvi ammont ogħla minn dak li għalih l-ENS kien ikun intitolat kieku rritorna fil-post ta’ reklutaġġ tiegħu.

4.   Jekk l-ENS ikun wettaq il-ġarr mill-post ta’ reklutaġġ għall-post tas-sekondar tiegħu, huwa għandu jkun intitolat kull sena għal ammont fiss ugwali għall-prezz tal-vjaġġ ta’ ritorn mill-post tas-sekondar għall-post ta’ oriġini tiegħu, għalih innifsu, għall-konjuġi tiegħu u għat-tfal dipendenti.

5.   Għall-finijiet ta' din id-dispożizzjoni, sieħeb mhux miżżewweġ ta' ENS jista' jiġi ttratat fuq l-istess bażi kif applikabbli skont ir-Regolamenti tal-Persunal.

Artikolu 20

Spejjeż tal-ġarr

1.   L-ENS jista' jġorr l-għamara u l-oġġetti personali tiegħu mill-post ta’ reklutaġġ għall-post tas-sekondar, spejjeż li jitħallsu mis-SEAE, wara li tinkiseb l-awtorizzazzjoni minn qabel tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani, dment li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-perijodu inizjali tas-sekondar għandu jkun ta' sentejn;

(b)

il-post ta’ reklutaġġ tal-ENS għandu jkun f'distanza ta’ 100 km jew iktar mill-post tas-sekondar;

(c)

il-ġarr għandu jitlesta fi żmien sitt xhur mid-data tal-bidu tas-sekondar;

(d)

l-awtorizzazzjoni għandha tintalab mill-inqas xahrejn qabel id-data prevista tal-ġarr;

(e)

l-ispejjeż tal-ġarr ma jkunux qed jiġu rimborżati minn min iħaddem; u

(f)

l-ENS għandu jibgħat oriġinali ta' stimi, irċevuti u fatturi lid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani u ċertifikat minn min iħaddem lill-ENS li jikkonferma li min iħaddem mhux qed iħallas l-ispejjeż tal-ġarr.

2.   Soġġett għall-paragrafu 3, jekk il-ġarr għall-post tas-sekondar ikun ġie rimborżat mis-SEAE, l-ENS għandu jkun intitolat, fi tmiem is-sekondar, wara li tinkiseb l-awtorizzazzjoni minn qabel, għar-rimborż tal-ispejjeż tal-ġarr mill-post tas-sekondar għall-post ta’ ritorn, skont ir-regoli fis-seħħ fis-SEAE dwar ir-rimborż tal-ispejjeż tal-ġarr, dment li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1(d) u (e) hawn fuq, kif ukoll il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-ġarr ma jistax isir aktar kmieni minn sitt xhur qabel tmiem is-sekondar;

(b)

il-ġarr għandu jitlesta fi żmien sitt xhur wara tmiem is-sekondar;

(c)

l-ammont tal-ispejjeż tal-ġarr rimborżati mis-SEAE għall-ġarr fi tmiem is-sekondar m'għandhomx jaqbżu l-ammont tal-ispejjeż tal-ġarr li kien ikun intitolat għalihom li kieku rritorna għall-post ta' reklutaġġ tiegħu; u

(d)

wara li jibgħat l-oriġinali tal-estimi li rċieva u l-fattura tal-ġarr lis-SEAE, u dikjarazzjoni minn min iħaddem lill-ENS li jikkonfermaw li min iħaddem mhux ser iħallas l-ispejjeż tal-ġarr kollha jew parti minnhom.

3.   ENS li s-sekondar tiegħu jintemm fuq talba tiegħu jew ta’ min iħaddmu matul is-sentejn li jsegwu l-bidu tas-sekondar m'għandux ikun intitolat għar-rimborż tal-ispejjeż tal-ġarr fi tmiem is-sekondar.

4.   Ir-rimborż tal-ispejjeż taħt dan l-Artikolu għandu jsir f'konformità mar-regoli rilevanti u l-kondizzjonijiet applikabbli fis-SEAE.

Artikolu 21

Missjonijiet u spejjeż ta’ missjoni

1.   ENS jista' jintbagħat fuq missjoni soġġett għall-Artikolu 4.

2.   Spejjeż ta' missjoni għandhom jiġu rimborżati skont id-disposizzjonijiet fis-seħħ fis-SEAE.

Artikolu 22

Taħriġ

L-ENS għandu d-dritt li jattendi korsijiet ta’ taħriġ organizzati mis-SEAE, jekk l-interess tas-SEAE jiġġustifika dan. Għandhom jiġu kkunsidrati l-interessi raġonevoli tal-ENS, b'kont meħud partikolarment tal-prestazzjoni tad-dmirijiet professjonali tiegħu, meta s-superjur tal-ENS jieħu d-deċiżjoni sabiex jingħata permess jattendi t-taħriġ.

Artikolu 23

Dispożizzjonijiet amministrattivi

1.   L-ENS għandu jirrapporta lid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani fl-ewwel jum tas-sekondar biex itemm il-formalitajiet amministrattivi meħtieġa. Huwa għandu jidħol fis-servizz fl-ewwel jew fis-16 tax-xahar.

2.   ENS assenjat lil Delegazzjoni tal-Unjoni għandu jirrapporta lill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-post tas-sekondar tiegħu.

3.   Il-pagamenti għandhom isiru mis-SEAE, f'euro, f'kont bankarju miftuħ f'istituzzjoni bankarja fi Brussell. Fil-każ ta' ENS sekondat f'post li ma jkunx Brussell, il-pagamenti jistgħu jsiru f'euro f'kont bankarju miftuħ f'istituzzjoni bankarja fi Brussell jew fil-post ta’ oriġini tal-ENS.

KAPITOLU IV

SEKONDAR TA' ENS LIL DELEGAZZJONIJIET TAL-UNJONI

Artikolu 24

Regoli li japplikaw għas-sekondar ta' ENS lil Delegazzjonijiet tal-Unjoni

Soġġett għar-regoli stabbiliti f'dan il-Kapitolu, ir-regoli mniżżla band'oħra f'din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw ukoll għal ENS sekondati lil Delegazzjonijiet tal-Unjoni.

Artikolu 25

Benefiċċji

1.   Il-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 16 għandhom jitħallsu f'euro fil-Belġju. Huma għandhom ikunu soġġetti għall-koeffiċjenti applikabbli għar-rimunerazzjoni ta' uffiċjali impjegati fil-Belġju.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani jista', fuq it-talba tal-ENS, jawtorizza l-ħlas tal-benefiċċji tas-sussistenza fil-valuta tal-post tas-sekondar jew, f'każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati u sabiex jinżamm il-poter kuntrattwali, f'valuta oħra. Il-benefiċċji mbagħad għandhom ikunu soġġetti għall-koeffiċjenti previst fl-Artikolu 12 tal-Anness X għar-Regolamenti tal-Persunal u maqluba fir-rata tal-kambju korrispondenti.

3.   Benefiċċju għall-kondizzjonijiet tal-għajxien, iffissat skont l-istess kriterji bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 10 tal-Anness X għar-Regolament tal-Persunal, għandu jitħallas lil ENS sekondati lil delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi. Il-benefiċċju tas-sussistenza ta' kuljum imsemmi fl-Artikolu Article 16(1) ta' dawn ir-Regoli għandu jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza msemmi fl-Artikolu 10 tal-Anness X għar-Regolamenti tal-Persunal.

Artikolu 26

Rimborż ta' spejjeż

1.   L-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 19(1)(b) u l-Artikolu 19(4) ma għandhomx jiġu rimborżati.

2.   L-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 20 ma għandhomx jiġu rimborżati.

Artikolu 27

Leave Annwali

Ir-regoli dwar il-leave annwali applikabbli għall-persunal tas-SEAE f'Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom japplikaw bl-istess mod għall-ENS tas-SEAE f'Delegazzjonijiet tal-Unjoni.

KAPITOLU V

ESPERTI NAZZJONALI SEKONDATI GĦAL PERIJODU QASIR BLA SPEJJEŻ

Artikolu 28

ENS sekondat għal perijodu qasir bla spejjeż

1.   Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, “ENS bla spejjeż” għandha tfisser ENS li għalih is-SEAE ma jħallas l-ebda benefiċċju previst fil-Kapitolu III jew IV u ma jkopri l-ebda spiża prevista f'din id-Deċiżjoni, għajr dawk relatati mal-prestazzjoni ta' dmirijiethom matul is-sekondar tagħhom, u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim bejn is-SEAE u l-amministrazzjoni li tissekonda lill-ENS bla spejjeż.

2.   Id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani jista', fuq talba mid-Direttur Amministrattiv jew l-ekwivalenti tiegħu, jawtorizza s-sekondar ta' ENS bla spejjeż fuq bażi ta’ każ b'każ, b'kont meħud tal-post ta' oriġini tagħhom, id-Dipartiment inkwistjoni, il-bilanċ ġeografiku u l-ħidma li trid titwettaq.

KAPITOLU VI

APPLIKAZZJONI TAR-REGOLI GĦAL PERSUNAL MILITARI NAZZJONALI SEKONDAT

Artikolu 29

Regoli li japplikaw għal persunal militari sekondat

Soġġett għar-regoli f'dan il-kapitolu, ir-regoli stabbiliti band'oħra f'din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw ukoll għal persunal militari sekondat lis-SEAE biex jifforma l-Persunal Militari tal-Unjoni Ewropea (EUMS) skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/80/PESK tat-22 ta' Jannar 2001 dwar l-istabbiliment tal-Persunal Militari tal-Unjoni Ewropea (5), kif emendata.

Artikolu 30

Kondizzjonijiet

Persunal militari sekondat għandu jkun f'servizz rimunerat fil-forzi armati ta’ Stat Membru matul is-sekondar tiegħu.

Artikolu 31

Reklutaġġ

Id-Direttur Ġenerali tal-EUMS għandu jistabbilixxi l-arranġamenti għar-reklutaġġ ta' persunal militari sekondat (6).

Artikolu 32

Skambju ta’ ittri

L-iskambju ta' ittri msemmi fl-Artikolu 1(6) għandu jitwettaq bejn l-Uffiċjal Kap Operattiv u r-Rappreżentanza Permanenti tal-Istat Membru kkonċernat għad-Direttur Ġenerali tal-EUMS, id-Deputat Direttur Ġenerali tal-EUMS u dawk kollha maħturin fil-livell ta' Direttur jew Kap ta' Fergħa, u bejn id-Direttur Ġenerali tal-EUMS u r-Rappreżentanza Permanenti tal-Istat Membru kkonċernat għall-ħatriet l-oħra kollha. Dan l-iskambju ta’ ittri għandu jsemmi wkoll kwalunkwe restrizzjoni fuq il-parteċipazzjoni tal-ENS f'missjonijiet.

Artikolu 33

Tul tas-sekondar

1.   Il-perijodu tas-sekondar ma jistax ikun inqas minn sitt xhur u lanqas aktar minn tliet snin u jista' jiġġedded suċċessivament għal perijodu totali li ma jaqbiżx l-erba' snin.

2.   Għajr f'każijiet eċċezzjonali, jeħtieġ li jkun għadda perijodu ta’ mill-inqas tliet snin bejn tmiem il-perijodu tas-sekondar preċedenti u sekondar ulterjuri, meta l-kondizzjonijiet jiġġustifikaw dan u bi qbil mad-Direttur Ġenerali tal-EUMS.

Artikolu 34

Kompiti

Minkejja l-Artikolu 4, persunal militari sekondat li jaġixxi taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq il-missjoni, il-kompiti u d-dmirijiet assenjati lilu konformement mal-Anness għad-Deċiżjoni 2001/80/PESK, kif emendat.

Artikolu 35

Approvazzjoni tas-sigurtà

Il-livell adatt tal-approvazzjoni tas-sigurtà tal-persunal militari sekondat, għandu jiġi stipulat fl-iskambju ta’ ittri previst fl-Artikolu 1(6) u ma jistax ikun inqas minn SECRET.

Artikolu 36

Esperjenza professjonali

Minkejja l-Artikolu 6(1), jista' jiġi sekondat mas-SEAE, membru li jkun qed jaħdem fil-livell amministrattiv jew ta' konsulenza u li juri grad għoli ta’ kompetenza għall-kompiti li jridu jitwettqu.

Artikolu 37

Sospensjoni u terminazzjoni tas-sekondar

1.   L-awtorizzazzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) fir-rigward ta’ membru tal-persunal militari sekondat għandha tingħata mid-Direttur Ġenerali tal-EUMS.

2.   Minkejja l-Artikolu 9(2), is-sekondar jista' jiġi terminat mingħajr avviż jekk l-interessi tas-SEAE jew tal-amministrazzjoni nazzjonali tal-membru tal-persunal militari sekondat jeħtieġu dan jew għal kwalunkwe raġuni suffiċjenti oħra.

Artikolu 38

Nuqqas gravi mill-obbligi

1.   Is-sekondar jista' jiġi terminat mingħajr avviż f'każijiet ta’ nuqqas gravi mill-obbligi li jkun marbut bihom il-persunal militari sekondat, imwettaq volontarjament jew b'negliġenza. Minkejja l-Artikolu 9(2)(c), id-deċiżjoni għandha tittieħed mid-Direttur Ġenerali tal-EUMS wara li l-persuna kkonċernata tkun ingħatat l-opportunità li tressaq id-difiża tagħha. Qabel jieħu deċiżjoni, id-Direttur Ġenerali tal-EUMS għandu jgħarraf lir-Rappreżentant Permanenti tal-Istat Membru li tiegħu l-persunal militari sekondat ikun ċittadin. Wara dik id-deċiżjoni, l-ispejjeż imsemmija fl-Artikoli 19 u 20 m'għandhomx jibqgħu jiġu rimborżati.

Qabel id-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, membru tal-persunal militari sekondat jista' jiġi sospiż f'każ li ssir allegazzjoni ta’ nuqqas gravi fil-konfront tiegħu mid-direttur Ġenerali tal-EUMS wara li l-persuna kkonċernata tkun ingħatat l-opportunità li tressaq id-difiża tagħha. Il-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 16 u 17 m'għandhomx jitħallsu matul din is-sospensjoni, li ma tistax taqbeż it-tliet xhur.

2.   Id-Direttur Ġenerali tal-EUMS għandu jinforma lill-awtoritajiet nazzjonali dwar kwalunkwe ksur, minn membru tal-persunal militari sekondat, tar-regoli stabbiliti jew imsemmija f'din id-Deċiżjoni.

3.   Membru tal-persunal militari fuq sekondar għandu jkompli jkun soġġett għar-regoli dixxiplinarji nazzjonali tiegħu.

Artikolu 39

Ħinijiet tax-xogħol

It-tieni sentenza tal-Artikolu 11(2) m'għandhiex tapplika għall-persunal militari sekondat.

Artikolu 40

Leave speċjali

Jista' jingħata leave speċjali supplimentari mhux imħallas mis-SEAE għall-finijiet ta’ taħriġ minn min iħaddem, soġġett għal applikazzjoni debitament ġustifikata minn min iħaddem.

Artikolu 41

Benefiċċji

L-iskambju ta’ ittri previst fl-Artikolu 1(5) jista' jistipula li l-benefiċċji previsti fl-Artikoli 16 u 17 m'għandhomx jitħallsu.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 42

Ilmenti

1.   Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltajiet li jinbdew proċedimenti wara li jibda l-funzjonijiet tiegħu, skont il-kondizzjonijiet u l-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kwalunkwe ENS jista' jippreżenta lment lid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani dwar att adottat mis-SEAE skont din id-Deċiżjoni li taffettwah b'mod negattiv, bl-eċċezzjoni ta' deċiżjonijiet li jkunu konsegwenza diretta ta' deċiżjonijiet meħuda minn min iħaddmu.

2.   L-ilment għandu jiġi ppreżentat fi żmien xahrejn. Il-perijodu għandu jibda jgħodd mid-data ta' notifika tad-deċiżjoni lill-persuna kkonċernata, iżda fl-ebda każ aktar tard mid-data li fiha din tal-aħħar tkun irċeviet tali notifika. Id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani għandu javża lill-persuna kkonċernata dwar id-deċiżjoni ġustifikata fi żmien erba’ xhur mid-data li fiha jkun ġie ppreżentat l-ilment. Jekk fl-aħħar ta' dan il-perijodu ma tkun waslet l-ebda tweġiba għall-ilment, dan għandu jitqies li jikkostitwixxi deċiżjoni impliċita li l-każ ġie miċħud.

Artikolu 43

Tħassir

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/829/KE tal-5 ta' Diċembru u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2008 (C(2008) 6866) għandhom jibqgħu applikabbli għal kull sekondar fis-seħħ fil-waqt tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 44.

Artikolu 44

Effett

Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett fil-jum tal-adozzjoni tagħha. B'effett minn dak il-jum hija għandha tapplika għal:

(a)

kwalunkwe sekondar ġdid lis-SEAE; u

(b)

kwalunkwe tiġdid ta' sekondar li sar qabel lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill, iżda li l-funzjoni tiegħu ġiet trasferita lis-SEAE. F'tali każijiet, il-perijodu ta' sekondar, kif stabbilit fl-Artikolu 2, għandu jitqies li jibda mid-data tat-trasferiment lis-SEAE.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Marzu 2011.

Ir-Rappreżentant Għoli

C. ASHTON


(1)  ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30.

(2)  ĠU L 327, 13.2.2007, p. 10.

(3)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(4)  ĠU L 74, 27.3.1972, p. 1.

(5)  ĠU L 27, 30.1.2001, p. 7.

(6)  Politika tal-EUMS dwar il-Persunal u ċ-Ċaqliq tal-Persunal, id-Dokument 5402/2011.


Top