Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62010CA0122

    Kawża C-122/10: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat- 12 ta’ Mejju 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Marknadsdomstolen — l-Isvezja) — Konsumentombudsmannen vs Ving Sverige AB (Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2005/29/KE — Artikoli 2(i) u 7(4) — Komunikazzjoni kummerċjali ppubblikata f’gazzetta — Kunċett ta’ stedina għax-xiri — Prezz inizjali — Informazzjoni li għandha tkun inkluża fl-istedina għax-xiri)

    ĠU C 204, 9.7.2011, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.7.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 204/9


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-12 ta’ Mejju 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Marknadsdomstolen — l-Isvezja) — Konsumentombudsmannen vs Ving Sverige AB

    (Kawża C-122/10) (1)

    (Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 2005/29/KE - Artikoli 2(i) u 7(4) - Komunikazzjoni kummerċjali ppubblikata f’gazzetta - Kunċett ta’ stedina għax-xiri - Prezz inizjali - Informazzjoni li għandha tkun inkluża fl-istedina għax-xiri)

    2011/C 204/17

    Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

    Qorti tar-rinviju

    Marknadsdomstolen

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Konsumentombudsmannen

    Konvenuta: Ving Sverige AB

    Suġġett

    Talba għal deċiżjoni preliminari — Marknadsdomstolen — Interpretazzjoni tal-Artikoli 2(i) u 7(4)(a) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, p. 22) — Avviż, ippubblikat f’ġurnal, dwar offerta promozzjonali indirizzata għall-konsumaturi dwar vjaġġi kollox inkluż għal destinazzjoni stabbilita għal perijodu determinat b’indikazzjoni ta’ prezz inizjali — Kunċett ta’ stedina għax-xiri — Rekwiżiti rigward informazzjoni li għandha tiġi inkluża fil-miżura ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott

    Dispożittiv

    (1)

    L-espressjoni “li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja” fl Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal_Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”), għandha tiġi interpretata fis-sens li stedina għax-xiri teżisti mill-mument li l-informazzjoni dwar il-prodott ikkummerċjalizzat u l-prezz tiegħu jkunu disponibbli biex il-konsumatur ikun jista’ jieħu deċiżjoni kummerċjali, mingħajr il-ħtieġa li l-komunikazzjoni kummerċjali tkun tinkludi wkoll mezz konkret biex jinxtara l-prodott jew li din tidher viċin tali mezz jew meta jkun hemm tali mezz.

    (2)

    L-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni dwar l-indikazzjoni tal-prezz tal-prodott tista’ tkun sodisfatta jekk il-komunikazzjoni kummerċjali jkun fiha prezz inizjali, jiġifieri, il-prezz l-iktar baxx li għalih jista’ jinxtara l-prodott jew il-kategorija ta’ prodotti kkummerċjalizzati, minkejja li huma disponibbli f’verżjonijiet oħra, jew b’kontenut ieħor, bi prezzijiet li ma humiex indikati. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, skont innatura u l-karatteristiċi tal-prodott kif ukoll il-mezz tal-komunikazzjoni kummerċjali użat, jekk riferiment għal prezz inizjali jippermettix lill-konsumatur li jieħu deċiżjoni kummerċjali.

    (3)

    L-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li rappreżentazzjoni verbali jew viżwali tal-prodott tista’ tissodisfa l-kundizzjoni dwar l-indikazzjoni tal-karatteristiċi tal-prodott, inkluż f’każ fejn din l-istess rappreżentazzjoni verbali jew viżwali tintuża biex jiġi deskritt prodott disponibbli f’diversi verżjonijiet. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, każ b’każ, billi tieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-karatteristiċi talprodott kif ukoll il-mezz ta’ komunikazzjoni użat, jekk il-konsumatur għandux biżżejjed informazzjoni biex jidentifika u jiddistingwi l-prodott bil-għan li jieħu deċiżjoni kummerċjali.

    (4)

    L-Artikolu 7(4)(a) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jkun biżżejjed li jiġu indikati biss ċerti karatteristiċi ewlenin tal-prodott, jekk fir-rigward tal-kumplament il-kummerċjant jirreferi għas-sit internet tiegħu, sakemm dan is-sit ikun fih informazzjoni importanti dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, il-prezz u l-kundizzjonijiet l-oħrajn skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, każ b’każ, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-istedina għax-xiri, il-mezz ta’ komunikazzjoni użat, kif ukoll in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott, jekk is-sempliċi riferiment għal ċerti karatteristiċi ewlenin tal-prodott jippermetti lill-konsumatur li jieħu, b’mod informat, deċiżjoni kummerċjali.

    (5)

    L-Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi indikazzjoni ta’ prezz inizjali fl-istedina għax xiri ma tistax tiġi kkunsidrata, fiha nnifisha, li tikkostitwixxi ommissjoni qarrieqa. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-indikazzjoni ta’ prezz inizjali hijiex biżżejjed sabiex ir-rekwiżiti dwar li jissemma l-prezz, kif stabbilit fl-imsemmija dispożizzjoni, jitqiesu li ġew sodisfatti. Din il-qorti għandha tivverifika b’mod partikolari jekk l-ommissjoni ta’ metodi ta’ kalkolu tal-prezz finali tipprekludix lill-konsumatur milli jieħu deċiżjoni kummerċjali informata u, konsegwentement, li ma twasslux sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li kieku ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra. Hija għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet inerenti fil-mezz ta’ komunikazzjoni użat, in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott kif ukoll il-miżuri l-oħra li l-kummerċjant effettivament ħa biex jagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-konsumatur.


    (1)  ĠU C 113, 1.05.2010.


    Fuq