Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CN0193

    Kawża C-193/09 P: Appell ippreżentat fl- 1 ta’ Ġunju 2009 minn Kaul GmbH mis-sentenza mogħtija fil- 25 ta’ Marzu 2009 mill-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) fil-Kawża T-402/07, Kaul GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) — Bayer

    ĠU C 193, 15.8.2009, p. 8–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.8.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 193/8


    Appell ippreżentat fl-1 ta’ Ġunju 2009 minn Kaul GmbH mis-sentenza mogħtija fil-25 ta’ Marzu 2009 mill-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) fil-Kawża T-402/07, Kaul GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) — Bayer

    (Kawża C-193/09 P)

    2009/C 193/08

    Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

    Partijiet

    Appellanti: Kaul GmbH (rappreżentanti: R. Kunze, avukat u Solicitor, G. Würtenberger, avukat)

    Appellat: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Bayer AG

    Talbiet tal-appellanti

    L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-25 ta’ Marzu 2009, fil-Kawża T-402/07, Kaul GmbH vs UASI — Bayer (is-sentenza appellata), li biha hija ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tal-1 ta’ Awwissu 2007, li tikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li kienet ċaħdet l-oppożizzjoni kontra l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja Nru 000 195 370“ARCOL”;

    tiffissa seduta wara t-tmiem tal-proċedura bil-miktub;

    tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appellanti ssostni li s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 40/94 (1) u tikser, barra minn hekk, il-prinċipji fundamentali tad-dritt proċedurali. L-appell ippreżentat kontra s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 ta’ Marzu 2009 huwa fondat peress li:

    il-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, u konsegwentement, kisret din id-dispożizzjoni meta tat s-sentenza appellata;

    fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat u kisret l-Artikolu 61(2) u l-Artikolu 73 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 billi kkunsidrat li ksur tad-dritt ta’ smigħ ma kienx sinjifikattiv għall-eżitu tal-proċedura;

    il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta kkonfermat l-evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tal-Appell f’dak li jirrigwarda l-kriterju ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.


    (1)  Regolament tal Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja, ĠU L 11, p. 1


    Top