EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0107

Il-każ taċ-ċittadin Iranjan Mehdi Kazemi
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 13 ta' Marzu 2008 dwar il-każ taċ-ċittadin Iranjan Seyed Mehdi Kazemil

ĠU C 66E, 20.3.2009, p. 73–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 66/73


Il-każ taċ-ċittadin Iranjan Mehdi Kazemi

P6_TA(2008)0107

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2008 dwar il-każ taċ-ċittadin Iranjan Seyed Mehdi Kazemil

(2009/C 66 E/14)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod partikulari l-Artikolu 3 tagħha, li jipprojbixxi t-tneħħija, it-tkeċċija jew l-estradizzjoni ta' persuni lejn pajjiżi fejn hemm riskju serju li jkunu suġġetti għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal trattament jew kastig ieħor inuman jew degradanti,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, u b'mod speċjali l-Artikoli 18 u 19 tagħha dwar id-dritt għall-ażil u dwar il-protezzjoni fil-każ ta' tneħħija, ta' espulsjoni jew ta' estradizzjoni rispettivament,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ginevra tat-28 ta' Lulju 1951 u l-Protokoll tal-31 ta' Jannar 1967 dwar l-Istatus tar-Refuġjati,

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta' April 2004 dwar l-istandards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (Direttiva dwar il-Kwalifika) (1) u għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta' Frar 2003 li jistabilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjonijiet għall-ażil (ir-Regolament ta' Dublin) (2), kif ukoll għal strumenti ta' l-Ażil oħra ta' l-UE,

wara li kkunsidra l-ittra ta' l-10 ta' Settembru 2007 mill-President tiegħu lill-Prim Ministru tar-Renju Unit dwar il-każ ta' Pegah Emambakhsh, lesbjana Iranjana li rriskjat li tintbagħat lura l-Iran wara li t-talba tagħha ġiet irrifjutata,

wara li kkunsidra r-Regola 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi Seyed Mehdi Kazemi, ċittadin omosesswali Iranian ta' 19-il sena, talab l-ażil fir-Renju Unit u din it-talba ġiet irrifjutata; billi, meta beża' li jkun iddeportat, ħarab lejn l-Olanda, fejn applika għall-ażil; billi l-awtoritajiet Olandiżi, wara li eżaminaw it-talba tiegħu, iddeċidew li jibagħtuh lura fir-Renju Unit,

B.

billi l-awtoritajiet tar-Renju Unit issa għandhom f'idejhom id-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil u d-deportazzjoni possibbli lejn l-Iran,

C.

billi huwa ta' rutina li l-awtoritajiet Iranjani iżommu taħt detenzjoni, jittorturaw u jiġġustizzjaw persuni, b'mod partikulari omosesswali; billi dak li qabel kien is-sieħeb tas-Sur Kazemi diġà ġie ġġustizzjat, filwaqt li missieru heddu bil-mewt,

D.

billi fil-każ simili ta' Pegah Emambakhsh l-awtoritajiet tar-Renju Unit iddeċidew, wara pressjoni internazzjonali, li ma jiddeportawiex lura l-Iran, għalkemm għadu mhux ċar x'se jkun id-destin tagħha,

E.

billi l-kelliem għall-Prim Ministru Ingliż, filwaqt li ma kkummentax fuq il-każ ta' Seyed Mehdi Kazemi, ta assigurazzjonijiet ġenerali dwar il-konformità tal-proċeduri ta' l-ażil fir-Renju Unit ma' impenji internazzjonali u l-possibilità li jsir appell kontra deċiżjonijiet ta' l-ażil lil mħallef indipendenti, kif ukoll dwar il-fatt li l-awtoritajiet mhux se jibagħtu lil xi ħadd li jkun fil-periklu fil-wasla tiegħu jew tagħha lura,

F.

billi għandha tingħata aktar attenzjoni għall-applikazzjoni xierqa tal-liġi ta' l-ażil fl-UE fl-Istati Membri f'każijiet li jinvolvu l-orjentazzjoni sesswali,

1.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-destin ta' Seyed Mehdi Kazemi;

2.

Jitlob għall-applikazzjoni xierqa u kompleta tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki, li tagħraf il-persekuzzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali bħala bażi sabiex jingħata l-ażil u teħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw il-każ individwali u s-sitwazzjoni fil-pajjiż ta' l-oriġini, inkluż il-liġijiet u r-regolamenti u l-mod kif jiġu applikati;

3.

Jemmen li l-UE u l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw liġijiet u proċeduri ta' l-UE u nazzjonali b'tali mod li jirriżulta fl-espulsjoni ta' persuni għal pajjiż terz fejn ikunu fil-periklu ta' persekuzzjoni, tortura u mewt, peress li dan jirriżulta fi ksur ta' obbligazzjonijiet Ewropej u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

4.

Jappella lill-Istati Membri involuti sabiex isibu soluzzjoni komuni biex ikun żgurat li Seyed Mehdi Kazemi jingħata l-ażil jew il-protezzjoni fuq art ta' l-UE u mhux jintbagħat lura l-Iran, fejn żgur li ikun iġġustizzjat, b'hekk ikun żgurat li l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tkun irrispettata b'mod sħiħ mill-awtoritajiet Ewropej kollha, u b'mod partikulari, f'dan il-każ, mir-Renju Unit; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jikkoperaw kompletament ma' l-Istati Membri fuq dan il-każ;

5

Isejjaħ lill-istituzzjonijiet ta' l-UE u lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni biex sitwazzjonijiet simili jkunu evitati fil-futur, permezz ta' koperazzjoni u l-applikazzjoni linji gwida ta' l-UE sabiex isibu soluzzjonijiet f'każijiet simili; jitlob lill-Kummissjoni sabiex timmonitorja u tevalwa l-applikazzjoni fl-Istati Membri tal-liġi ta' l-ażil ta' l-UE, u b'mod partikulari f'każijiet li jinvolvu l-orjentazzjoni sesswali, u biex tagħti rapport lill-Parlament Ewropew; jenfasizza l-fatt li l-Kummissjoni ħabbret, għall-2008, emendi għar-Regolament ta' Dublin u għad-Direttiva dwar il-Kwalifiki li għandhom jindirizzaw il-kwistjonijiet li tqajmu f'din ir-riżoluzzjoni;

6.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u lil Seyed Mehdi Kazemi.


(1)  ĠU L 304, 30.9.2004, p. 12.

(2)  ĠU L 50, 25.2.2003, p. 1.


Top