EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0061

Kawża C-61/08: Rikors ippreżentat fit- 18 ta' Frar 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Ellenika

ĠU C 92, 12.4.2008, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 92/20


Rikors ippreżentat fit-18 ta' Frar 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-61/08)

(2008/C 92/38)

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: G. Zavvos u H. Støvlbæk)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet tal-parti rikorrenti

tiddikjara li, billi adottat u żammet fis-seħħ l-Artikolu 19(1) tal-Kodika Zumvolaiografon (kodiċi notarili) (Liġi 2830/2000), ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u, b'mod partikolari, ta' l-Artikoli 43 u 45 tat-Trattat KE u tad-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE (1) tal-21 ta' Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta' diplomi ta' edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta' mill-inqas tliet snin;

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

1.

L-awtoritajiet Elleniċi jsostnu li l-attivitatjiet ta' nutar huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 43 KE, inkwantu jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 45 KE. Ġew invokati il-karatteristika ta' nutar bħala uffiċjal pubbliku, li tattribwixxi lill-atti notarili effettività probatorja u eżekuttiva akbar, analoga għal dik ta' deċiżjoni ġuridika, permezz ta' l-użu ta' siġill ta' l-Istat, il-karatteristika ta' nutar bħala uffiċjal tal-ġustizzja, ir-rwol tiegħu bħala konsulent legali u numru ta' attivitajiet oħra. Barra minn hekk ġie invokat il-prinċipju ta' territorjalità li ma jippermettix lil nutar Grieg li jistabbilixxi ruħu f'reġjun ieħor minn dak fejn għandu s-sede tiegħu.

2.

Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 43 KE jikkostitwixxi regola fundamentali tal-Komunità li tapplika direttament fl-Istati Membri minn meta jintemm il-perijodu ta' tranżizzjoni. L-għan tiegħu huwa li jiggarantixxi l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali li kull ċittadin ta' Stat Membru li jistabbilixxi ruħu, anki b'reżidenza sekondarja, fi Stat Membru sabiex jeżerċita l-professjoni libera tiegħu u jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza li tirriżulta minn leġiżlazzjoni nazzjonali.

3.

Bħala deroga għal-libertà ta' stabbiliment prevista fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 45, din għandha tkun limitata għall-attivitajiet li, kkunsidrati waħedhom, “jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-ambitu ta' l-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika”. Skond il-Kummissjoni, ebda speċjalizzazzjoni jew attività invokata mill-awtoritajiet Griegi ma tikkostitwixxi parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-ambitu ta' l-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika kif tipprovdi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, għaldaqstant, ma tistax tiġġustifika r-rekwiżit taċ-ċittadinanza.

4.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li l-kriterju tal-“parteċipazzjoni diretta u speċifika”, ma tapplikax għall-eżerċizzju ta' funzjonijiet awżiljarji u preparatorji li jirrigwardaw dawk ta' l-awtorità pubblika li tadotta d-deċiżjoni definittiva. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta eżaminat is-settur ta' l-impriżi li joffru servizzi tas-sigurtà privata, sostniet li sabiex ikun hemm parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-ambitu ta' l-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika, il-partijiet ikkonċernati għandhom jingħataw “setgħa ta' infurzar” (2) li ċertament ma jseħħx f'dan il-każ.

5.

Kif jirriżulta mill-analiżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżerċizzju ta' l-awtoritajiet pubbliċi m'għandux jiġi konfuż ma' sempliċi azzjoni li tiġi mwettqa fl-interess ġenerali. Is-sempliċi fatt li persuna privata jew impriża għandhom l-obbligu sa ċertu punt li jaġixxu fl-interess ġenerali mhuwiex biżżejjed sabiex din il-funzjoni tiġi kklassifikata bħala eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika.

6.

Skond il-Kummissjoni, id-Direttiva 89/48 tapplika għall-professjoni ta' nutar minħabba li din hija professjoni rregolata fir-rigward tal-kwalifiki mitluba u l-applikazzjoni tagħha ma tistax tiġi evitata billi tiġi invokata l-assenjazzjoni tad-drittijiet sovrani li għandhom in-nutara minħabba r-raġunijiet li ġejjin:

a)

din l-assenjazzjoni ma tikkostitwix parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-ambitu ta' l-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika li tiġġustifika l-impożizzjoni tar-rekwiżit taċ-ċittadinanza, u

b)

anki li kieku kellha barra minn hekk issir l-ipoteżi li n-nutara jistgħu jitqiesu bħala impjegati pubbliċi normali, li mhuwiex il-każ, fin-nuqqas ta' relazzjoni ta' impjieg u ta' paga tagħhom bħala uffiċjali pubbliċi xorta waħda dawn ma jiġux esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva peress li d-direttiva in kwistjoni tapplika b'mod ġenerali ukoll għas-servizz pubbliku.


(1)  ĠU L 19, 24.1.1989, p. 16.

(2)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Ottubru 1998, Kawża C-144/97, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju ta' Spanja, punt 37.


Top