Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1238

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1238 tas-7 ta' Lulju 2017 li jagħmel l-importazzjonijiet ta' ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġett għar-reġistrazzjoni

    C/2017/4629

    ĠU L 177, 8.7.2017, p. 39–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1238/oj

    8.7.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 177/39


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1238

    tas-7 ta' Lulju 2017

    li jagħmel l-importazzjonijiet ta' ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġett għar-reġistrazzjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

    Wara li infurmat lill-Istati Membri,

    Billi:

    (1)

    Fid-9 ta' Diċembru 2016, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret permezz ta' notifika ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2), it-tnedija ta' proċediment antidumping rigward l-importazzjonijiet ta' ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina”), wara li tressaq ilment fil-25 ta' Ottubru 2016 minn EUROFER (“l-ilmentatur”) f'isem produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni.

    1.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT

    (2)

    Il-prodott li qed jiġi investigat huwa ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni (corrosion resistant steels, “CRS”) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

    (3)

    Is-CRS jikkonsistu fi prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew tal-azzar illigat jew mhux illigat; deossidati bl-aluminju; miksija jew mgħottija b'galvanizzazzjoni b'immersjoni taħraq biż-żingu u/jew bl-aluminju, u b'ebda metall ieħor; b'passivazzjoni kimika; li skont il-piż, fihom: 0,015 % jew aktar iżda mhux aktar minn 0,170 % ta' karbonju, 0,015 % jew aktar iżda mhux aktar minn 0,100 % ta' aluminju, mhux iktar minn 0,045 % ta' nijobju, mhux aktar minn 0,010 % ta' titanju u mhux iktar minn 0,010 % ta' vanadju; ippreżentati f'kojls, f'folji maqtugħa skont id-daqs u fi strixxi dojoq.

    Il-prodotti li ġejjin mhumiex inklużi:

    dawk tal-azzar inossidabbli, tal-azzar tas-siliċju-elettriku, u tal-azzar b'veloċità għolja;

    dawk mhux maħdumin aktar ħlief illaminati bis-sħana jew illaminati kesħin (cold-reduced).

    (4)

    Il-prodott ikkonċernat bħalissa jaqa' taħt il-kodiċijiet NM li ġejjin ex 7210 41 00, ex 7210 49 00, ex 7210 61 00, ex 7210 69 00, ex 7212 30 00, ex 7212 50 61, ex 7212 50 69, ex 7225 92 00, ex 7225 99 00, ex 7226 99 30 u ex 7226 99 70 (il-kodiċijiet TARIC: 7210410020, 7210490020, 7210610020, 7210690020, 7212300020, 7212506120, 7212506920, 7225920020, 7225990022, 7225990035, 7225990092, 7226993010, 7226997094).

    2.   TALBA

    (5)

    It-talba għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku saret mill-ilmentatur fl-24 ta' Mejju 2017. L-ilmentatur talab li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni sabiex sussegwentament ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta' tali reġistrazzjoni.

    3.   IR-RAĠUNIJIET GĦAR-REĠISTRAZZJONI

    (6)

    Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tista' tagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet tad-dwana sabiex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet, sabiex sussegwentement ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri kontra dawk l-importazzjonijiet. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru soġġetti għar-reġistrazzjoni wara talba mill-industrija tal-Unjoni li jkun fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika din l-azzjoni.

    (7)

    L-ilmentatur jiddikjara li r-reġistrazzjoni hija ġġustifikata billi l-prodott ikkonċernat għadu qed ikun suġġett għal dumping u l-importaturi kienu jafu tajjeb dwar il-prattiki ta' dumping li kienu ilhom għaddejjin għal perjodu estiż ta' żmien u kienu qed jikkawżaw dannu għall-industrija tal-Unjoni. L-ilmentatur jiddikjara wkoll li l-importazzjonijiet Ċiniżi qed jikkawżaw dannu għall-industrija tal-Unjoni u li kien hemm żieda sostanzjali fil-livell ta' dawk l-importazzjonijiet, anki wara l-perjodu tal-investigazzjoni, li jimmina b'mod serju l-effett ta' rimedju tad-dazju antidumping, jekk jiġi applikat tali dazju.

    (8)

    Il-Kummissjoni tqis li l-importaturi kienu tabilħaqq jafu, jew kellhom ikunu jafu dwar il-prattiki ta' dumping tal-esportaturi. Evidenza prima facie suffiċjenti f'dan ir-rigward kienet tinsab fl-ilment u din ġiet ippreżentata fin-notifika ta' bidu għal dan il-proċediment (3). Il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment stmat marġni ta' dumping ta' 50 % għall-importazzjonijiet Ċiniżi. L-evidenza ta' dumping fl-ilment hija bbażata fuq tqabbil bejn il-valuri normali, abbażi ta' informazzjoni dwar il-prezzijiet ta' produttur fil-Kanada, li kienet magħżula bħala pajjiż analogu, u l-prezz għall-esportazzjoni (fuq livell ta' kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott ikkonċernat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Il-prezz tal-esportazzjoni Ċiniż ġie ddeterminat fuq il-bażi ta' informazzjoni kkwotata minn produtturi esportaturi Ċiniżi fis-suq tal-Unjoni minn Awwissu 2012 sa April 2016.

    (9)

    Meta titqies il-firxa tad-dumping li jista' jkun qed iseħħ, ikun raġonevoli li wieħed jassumi li l-importaturi jkunu jafu, jew misshom kienu jafu, bis-sitwazzjoni.

    (10)

    Minbarra dan, l-ilmentatur ipprovda kemm fl-ilment kif ukoll fit-talba għar-reġistrazzjoni biżżejjed evidenza fil-forma ta' dikjarazzjonijiet għall-istampa li fihom huma deskritti l-prattiki ta' dumping mill-esportaturi Ċiniżi u li prima facie ma setgħux u ma kellhomx jiġu injorati mill-importaturi. It-talba ta' reviżjoni rreferiet ukoll għal miżuri ta' difiża tal-kummerċ inkluż antidumping attwalment applikabbli f'pajjiżi terzi.

    (11)

    Minn meta beda l-proċediment f'Diċembru 2016, żieda oħra ta' aktar minn 50 % ġiet osservata meta wieħed iqabbel il-volumi medji ta' kull xahar impurtati matul il-perjodu minn Ottubru 2015 sa Settembru 2016 (jiġifieri l-perjodu tal-investigazzjoni) mal-perjodu minn Jannar sa April 2017 (jiġifieri l-perjodu ta' wara l-bidu). Aktar evidenza prima facie wriet żidiet fis-sehem tas-suq u l-ħżin.

    (12)

    Minbarra dan, fl-ilment hemm biżżejjed evidenza prima facie li qed jiġi kkawżat dannu u fis-sottomissjonijiet magħmula fil-qafas tal-investigazzjoni, inkluża t-talba tar-reġistrazzjoni, hemm evidenza li t-tkomplija taż-żieda f'dawn l-importazzjonijiet tikkawża dannu addizzjonali. Fid-dawl taż-żmien, iż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping u ċirkostanzi oħrajn (bħall-kapaċità eċċessiva fiċ-Ċina u l-komportament tal-ipprezzar tal-esportaturi Ċiniżi li huma ddimostrati fl-ilment oriġinali) x'aktarx li timmina serjament l-effett ta' rimedju ta' kull dazju definittiv, sakemm dawn id-dazji ma jiġux applikati b'mod retroattiv. Barra minn hekk, fid-dawl tat-tnedija tal-proċedimenti attwali u filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi tal-importazzjonijiet Ċiniżi f'termini ta' prezzijet u volumi sa issa, huwa raġonevoli li wieħed jassumi li l-livell tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jista' jiżdied ulterjorment qabel l-adozzjoni ta' miżuri provviżorji, jekk ikun hemm minnhom, u li l-inventarji jistgħu jinbnew b'mod rapidu mill-importaturi.

    4.   IL-PROĊEDURA

    (13)

    Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ilmentatur ipprovda biżżejjed evidenza prima facie biex jiġġustifika li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni, b'konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

    (14)

    Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu.

    5.   REĠISTRAZZJONI

    (15)

    Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat għandhom ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni bl-iskop li jiżguraw li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f'konklużjonijiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta' dazji antidumping, dawk id-dazji jistgħu, jekk il-kundizzjonijiet neċessarji jintlaħqu, jiġu imposti b'mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f'konformità mal-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku.

    (16)

    Fl-ilment, l-ilmentatur jikkalkula marġni ta' dumping medju ta' madwar 50 % u marġni medju ta' bejgħ taħt il-prezz ta' 37,8 % — 41,0 % għall-prodott ikkonċernat. L-ammont stmat ta' responsabbiltà possibbli fil-futur huwa stabbilit għaċ-Ċina fil-livell ta' bejgħ taħt il-prezz, stmat abbażi tal-ilment, jiġifieri minn 37,8 % sa 41,0 % fuq il-valur ta' importazzjoni CIF tal-prodott ikkonċernat.

    6.   IPPROĊESSAR TA' DEJTA PERSONALI

    (17)

    Kull dejta personali miġbura fil-kuntest ta' din ir-reġistrazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   L-awtoritajiet doganali huma hawnhekk ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, biex jieħdu l-passi xierqa sabiex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jikkonsisti minn prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew tal-azzar illigat jew mhux illigat; deossidati bl-aluminju; miksija jew mgħottija b'galvanizzazzjoni b'immersjoni taħraq biż-żingu u/jew bl-aluminju, u b'ebda metall ieħor; b'passivazzjoni kimika; li skont il-piż, fihom: 0,015 % jew aktar iżda mhux aktar minn 0,170 % ta' karbonju, 0,015 % jew aktar iżda mhux aktar minn 0,100 % ta' aluminju, mhux iktar minn 0,045 % ta' nijobju, mhux aktar minn 0,010 % ta' titanju u mhux iktar minn 0,010 % ta' vanadju; ippreżentati f'koljaturi, f'folji maqtugħa skont id-daqs u fi strixxi dojoq, minbarra dawk:

    tal-azzar inossidabbli, tal-azzar tas-siliċju manjetiku, u tal-azzar b'veloċità għolja;

    mhux maħdumin aktar ħlief illaminati bis-sħana jew illaminati kesħin (cold-reduced);

    u li bħalissa jinsabu fil-kodiċijiet NM li ġejjin ex 7210 41 00, ex 7210 49 00, ex 7210 61 00, ex 7210 69 00, ex 7212 30 00, ex 7212 50 61, ex 7212 50 69, ex 7225 92 00, ex 7225 99 00, ex 7226 99 30 u ex 7226 99 70 (il-kodiċijiet TARIC: 7210410020, 7210490020, 7210610020, 7210690020, 7212300020, 7212506120, 7212506920, 7225920020, 7225990022, 7225990035, 7225990092, 7226993010, 7226997094).

    Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    2.   Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub, biex jipprovdu evidenza ta' sostenn jew jitolbu li jinstemgħu fi żmien 20 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Lulju 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21

    (2)  ĠU C 459, 9.12.2016, p. 17

    (3)  ĠU C 459, 9.12.2016, p. 17 (it-Taqsima 3 tan-notifika ta' bidu).

    (4)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


    Top