Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0893

2014/893/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 9 ta' Diċembru 2014 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għal prodotti kożmetiċi li jitlaħalħu (notifikata bid-dokument C(2014) 9302) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 354, 11.12.2014, p. 47–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/10/2021; Imħassar b' 32021D1870 Id-data tat-tmiem tal-validità hija bbażata fuq id-data tal-pubblikazzjoni tal-att li jħassar li jidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tiegħu. L-att li jħassar kien innotifikat iżda d-data tan-notifika mhix disponibbli fil-EUR-Lex – minflok hija użata d-data tal-pubblikazzjoni.

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/893/oj

11.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 354/47


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-9 ta' Diċembru 2014

li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għal prodotti kożmetiċi li jitlaħalħu

(notifikata bid-dokument C(2014) 9302)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/893/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema tal-Ekotikketta tal-UE (1), b'mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, l-Ekotikketta tal-UE tista' tingħata lil dawk il-prodotti b'impatt ambjentali mnaqqas tul iċ-ċiklu kollu ta' ħajjithom.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 jistipula li kriterji speċifiċi tal-Ekotikketta tal-UE għandhom jiġu stabbiliti skont il-gruppi ta' prodotti.

(3)

Billi l-impatti ambjentali, l-aktar fejn jidħlu l-ekotossiċità u l-konsum tar-riżorsi, huma assoċjati mas-sustanzi kimiċi li jintużaw fil-prodotti kożmetiċi li jitlaħalħu u mal-imballaġġ tagħhom, jixraq li jiġu stabbiliti kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għal dan il-grupp ta' prodotti. B'mod partikolari, il-kriterji għandhom jippromwovu prodotti b'impatt imnaqqas fuq l-ekosistemi akkwatiċi, li fihom ammont limitat ta' sustanzi perikolużi u li jnaqqsu kemm jista' jkun il-ġenerazzjoni tal-iskart billi jnaqqsu l-ammont ta' imballaġġ.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/506/KE (2) tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi u r-rekwiżiti relatati mal-valutazzjoni u l-verifika għas-spapen, ix-xampù u l-conditioners tax-xagħar. Dawk il-kriterji ġew analizzati fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi. Mill-analiżi joħroġ li hemm bżonn jinbidlu l-isem u d-definizzjoni tal-grupp ta' prodotti ħalli jiżdied sottogrupp ġdid ta' prodotti u biex jinħolqu kriterji ġodda.

(5)

Għal raġunijiet ta' ċarezza, id-Deċiżjoni 2007/506/KE għandha tinbidel.

(6)

Għall-produtturi ta' prodotti li ngħataw l-Ekotikketta għas-spapen, ix-xampù u l-conditioner tax-xagħar abbażi tal-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2007/506/KE, għandu jitħalla perjodu tranżitorju biex ikollhom żmien biżżejjed ħalli jadattaw il-prodotti tagħhom u jiġu konformi mal-kriterji u r-rekwiżiti riveduti. Il-produtturi għandhom jitħallew ukoll iressqu applikazzjonijiet skont il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2007/506/KE jew skont il-kriterji stabbiliti f'din id-Deċiżjoni sakemm tiskadi l-validità ta' dik id-Deċiżjoni.

(7)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-grupp ta' prodott “prodotti kożmetiċi li jitlaħalħu” għandu jkun fih kull sustanza jew taħlita li titlaħlaħ li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) maħsuba biex imissu l-epidermide u/jew is-sistema tax-xagħar bil-għan esklussiv jew ewlieni li jnaddfuhom (sapun tal-banju, preparazzjonijiet tal-banju, xampù), li jtejbu l-kundizzjoni tax-xagħar (conditioners tax-xagħar) jew li jħarsu l-epidermide u jillubrikaw is-suf qabel it-tqaxxir (prodotti tat-tqaxxir).

Il-grupp ta' prodotti “prodotti kożmetiċi li jitlaħalħu” għandu jkun fih prodotti għall-użu privat u professjonali.

Il-grupp ta' prodotti ma għandux ikun fih prodotti li jinbiegħu speċifikament bħala diżinfettanti jew sustanzi kontra l-batterji. Ix-xampù kontra l-brija mhux permess.

Artikolu 2

Għall-fini ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(1)

“sustanzi mdaħħla” tfisser priżervattivi, fwejjaħ u koloranti, irrispettivament mill-konċentrazzjoni, u sustanzi oħrajn miżjuda bi ħsieb, prodotti sekondarji u impuritajiet mill-materja prima, li l-konċentrazzjoni tagħhom tkun 0,010 % jew aktar tal-piż tal-formulazzjoni finali;

(2)

“kontenut attiv” (AC) tfisser l-għadd totali (fi grammi) ta' sustanzi mdaħħla organiċi fil-prodott, ikkalkulat skont il-formulazzjoni sħiħa tal-prodott, inklużi l-propellanti li jinsabu fi prodotti tal-ajrusol. L-aġenti tal-għarik/brix mhumiex inklużi fil-kalkolu tal-kontenut attiv;

(3)

“imballaġġ primarju” tfisser l-imballaġġ b'kuntatt dirett mal-kontenut maħsub biex jikkostitwixxi l-iżgħar unità tal-bejgħ ta' distribuzzjoni lill-utent jew lill-konsumatur finali fil-post fejn jinxtara;

(4)

“imballaġġ sekondarju” tfisser l-imballaġġ li jista' jitneħħa mill-prodott bla ma jaffettwa l-karatteristiċi tiegħu, maħsub biex fil-post fejn jinxtara jkun jikkostitwixxi raggruppar ta' għadd ta' unitajiet tal-bejgħ, kemm jekk dan jinbiegħ kif inhu lill-utent jew lill-konsumatur finali kif ukoll jekk dan ikun mezz biex jimtlew l-ixkafef fil-post tal-bejgħ.

Artikolu 3

Il-kriterji biex tingħata l-Ekotikketta tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, għal prodott li jinsab fil-grupp ta' prodotti “prodotti kożmetiċi li jitlaħalħu” kif definit fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni u fir-rekwiżiti tal-valutazzjoni u tal-verifika relatati huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 4

Il-kriterji u r-rekwiżiti tal-valutazzjoni u tal-verifika relatati li huma stabbiliti fl-Anness għandhom ikunu validi għal erba' snin mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Għal finijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi assenjat lill-grupp ta' prodotti “prodotti kożmetiċi li jitlaħalħu” għandu jkun “30”.

Artikolu 6

Id-Deċiżjoni 2007/506/KE hi mħassra.

Artikolu 7

1.   B'deroga mill-Artikolu 6, applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għal prodotti li jaqgħu fil-grupp ta' prodotti “spapen, xampù u conditioners tax-xagħar” li jitressqu qabel id-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu evalwati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni 2007/506/KE.

2.   L-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għal prodotti li jaqgħu fil-grupp ta' prodotti “spapen, xampù u conditioners tax-xagħar” li jitressqu fi żmien xahrejn mill-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu evalwati skont il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2007/506/KE jew skont il-kriterji stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.

Dawn l-applikazzjonijiet għandhom jiġu evalwati skont il-kriterji li fuqhom jissejsu.

3.   L-Ekotikketti tal-UE mogħtija skont il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2007/506/KE, jistgħu jintużaw għal 12-il xahar mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/506/KE tal-21 ta' Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti ta' l-ekotikketta Komunitarja għas-spapen, shampoos u conditioners tax-xagħar (ĠU L 186, 18.7.2007, p. 36).

(3)  Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59).


ANNESS

KRITERJI TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE U REKWIŻITI TAL-VALUTAZZJONI U TAL-VERIFIKA

QAFAS

KRITERJI

Il-kriterji għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għal “prodotti kożmetiċi li jitlaħalħu”:

1.

Tossiċità għall-organiżmi akkwatiċi: il-Volum Kritiku tad-Dilwizzjoni (CDV)

2.

Bijodegradabbiltà

3.

Sustanzi jew taħlitiet esklużi jew limitati

4.

Imballaġġ

5.

Sorsi sostenibbli ta' żejt tal-palm, żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm u derivattivi tagħhom

6.

Adegwatezza għall-użu

7.

Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

VALUTAZZJONI U VERIFIKA

(a)   Ir-rekwiżiti

Għal kull kriterju jitniżżlu r-rekwiżiti speċifiċi tal-valutazzjoni u tal-verifika.

Meta l-applikant ikun jeħtieġlu jipprovdi dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, analiżijiet, rapporti tat-testijiet jew evidenza oħra biex juri konformità mal-kriterji, dawn id-dokumenti jistgħu jaslu mingħand l-applikant, mingħand il-fornitur tiegħu jew mingħand it-tnejn li huma.

Meta jkun possibbli, it-testijiet għandhom jagħmluhom laboratorji li jilħqu r-rekwiżiti ġenerali tal-Istandard Ewropew EN ISO 17025 jew ekwivalenti.

Meta jkun jixraq, jistgħu jintużaw metodi oħra tal-ittestjar apparti dawk imniżżla għal kull kriterju, diment li l-korp kompetenti li jkun qed jivvaluta l-applikazzjoni jaċċetta l-ekwivalenza tagħhom.

Meta jkun jixraq, il-korpi kompetenti jistgħu jitolbu dokumentazzjoni ta' appoġġ u jistgħu jagħmlu verifiki indipendenti.

L-Appendiċi jirreferi għal-lista “Il-Bażi tad-Dejta ta' Ingredjenti ta' Deterġenti” (il-lista DID) li fiha l-aktar ingredjenti li jintużaw fil-formulazzjonijiet ta' deterġenti u kożmetiċi. Din għandha tintuża biex tinkiseb id-dejta għall-kalkoli tal-Volum Kritiku tad-Dilwizzjoni (CDV) u għall-valutazzjoni tal-bijodegradabbiltà tas-sustanzi mdaħħla. Għas-sustanzi li mhumiex fil-lista DID, tingħata gwida dwar kif għandha tiġi kkalkolata jew estrapolata d-dejta rilevanti. L-aħħar verżjoni tal-lista DID tinsab fis-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE (1) jew tista' tinkiseb mis-siti elettroniċi tal-korpi kompetenti individwali.

Għandha tiġi ppreżentata l-informazzjoni li ġejja lill-korp kompetenti.

(i)

il-formulazzjoni sħiħa tal-prodott li turi l-isem kummerċjali, l-isem kimiku, in-numru CAS u d-denominazzjonijiet INCI, in-numru DID (2), il-kwantità mdaħħla bl-ilma u mingħajru, il-funzjoni u l-forma ta' kull ingredjent irrispettivament mill-konċentrazzjoni;

(ii)

l-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza għal kull ingredjent imdaħħal skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(b)   Il-livelli limitu tal-kejl

Il-konformità mal-kriterji ekoloġiċi hi meħtieġa għal kull sustanza mdaħħla kif inhu definit hawn fuq, ħlief fejn tidħol il-konformità mal-kriterju 3(b) u 3(c) għal priżervattivi, koloranti u fwejjaħ meta jintalbu jkollhom konċentrazzjoni ta' 0,010 % jew aktar tal-piż fil-formulazzjoni finali.

IL-KRITERJI TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE

Kriterju 1 — Tossiċità għall-organiżmi akkwatiċi: il-Volum Kritiku tad-Dilwizzjoni (CDV)

It-tossiċità totali tas-CDV tal-prodott ma għandhiex taqbeż il-limiti f'Tabella 1:

Tabella 1

Il-limiti tas-CDV

Prodott

CDV (l/g AC)

Xampù, preparazzjonijiet tal-banju u spapen likwidi

18 000

Sapun solidu

3 300

Conditioner tax-xagħar

25 000

Ragħwa tat-tqaxxir, ġels tat-tqaxxir, kremi tat-tqaxxir

20 000

Sapun solidu tat-tqaxxir

3 300

Is-CDV tkejlu din l-ekwazzjoni:

Formula

Fejn:

il-piż (i)

hu l-piż tas-sustanza mdaħħla (fi grammi) għal kull gramma ta' AC (jiġifieri l-kontribut tal-piż normalizzat tas-sustanza mdaħħla għal AC)

DF (i)

hu l-fattur ta' degradazzjoni tas-sustanza mdaħħla

TF kroniku (i)

hu l-fattur ta' tossiċità tas-sustanza mdaħħla (f'milligrammi/litru)

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi l-kalkolu tas-CDV tal-prodott. Spreadsheet għall-kalkolu tal-valur CDV tinsab fis-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE. Il-valuri tad-DF u tat-TF kroniku għandhom ikunu dawk imniżżla fil-Parti A tal-lista DID. Jekk sustanza mdaħħla ma tkunx fil-Parti A tal-lista DID, l-applikant għandu jistma l-valuri skont il-linji gwida fil-Parti B tal-lista DID u jehmeż id-dokumentazzjoni assoċjata (ara l-Appendiċi għal aktar tagħrif).

Kriterju 2 — Bijodegradabbiltà

(a)   Il-bijodegradabbiltà tal-aġenti tensjoattivi

Kull aġent tensjoattiv għandu jkun bijodegradabbli f'kundizzjonijiet aerobiċi u anaerobiċi.

(b)   Il-bijodegradabbiltà tas-sustanzi organiċi mdaħħla

Il-kontenut ta' kull sustanza organika mdaħħla fil-prodott li tkun aerobikament mhux bijodegradabbli (mhux faċilment bijodegradabbli) (aNBO), u li tkun anaerobikament mhux bijodegradabbli (anNBO), ma għandhiex taqbeż dawn il-limiti:

Tabella 2

il-limiti aNBO u anNBO

Prodott

aNBO

(mg/g AC)

anNBO

(mg/g AC)

Xampù, prodotti tal-banju u spapen likwidi

25

25

Sapun solidu

10

10

Conditioner tax-xagħar

45

45

Ragħwa tat-tqaxxir, ġels tat-tqaxxir, kremi tat-tqaxxir

70

40

Sapun solidu tat-tqaxxir

10

10

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dokumentazzjoni għad-degradabbiltà tal-aġenti tensjoattivi, kif ukoll għall-kalkolu tal-aNBO u tal-anNBO għall-prodott. Spreadsheet għall-kalkolu tal-valuri aNBO u anNBO tinsab fis-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE.

Għall-aġenti tensjoattivi u għall-valuri aNBO u anNBO, għandha ssir referenza għal-lista DID. Għas-sustanzi mdaħħla li ma jkunux fil-lista DID, għandha tingħata informazzjoni rilevanti mil-letteratura teknika jew minn sorsi oħra, jew jingħataw ir-riżultati xierqa tat-testijiet, li jkunu juru li huma aerobikament u anaerobikament bijodegradabbli, kif jiddeskrivi l-Appendiċi.

Fin-nuqqas ta' dokumentazzjoni skont ir-rekwiżiti ta' hawn fuq, sustanza mdaħħla li ma tkunx aġent tensjoattiv tista' tiġi eżentata mir-rekwiżit tal-degradabbiltà anaerobika diment li tiġi ssodisfata waħda minn dawn it-tliet alternattivi:

1.

Tkun faċilment degradabbli u jkollha assorbiment baxx (A < 25 %);

2.

Tkun faċilment degradabbli u jkollha desorbiment għoli (D < 75 %);

3.

Tkun faċilment degradabbli u ma tkunx bijoakkumulattiva.

L-ittestjar għall-assorbiment jew għad-desorbiment jista' jsir skont il-linji gwida tal-OECD Nru 106.

Kriterju 3 — Sustanzi u taħlitiet esklużi jew limitati

(a)   Sustanzi u taħlitiet imdaħħla esklużi speċifikati

Dawn is-sustanzi u t-taħlitiet imdaħħla li ġejjin ma għandhomx ikunu fil-prodott, la bħala parti mill-formulazzjoni u lanqas bħala parti minn xi taħlita fil-formulazzjoni:

(i)

Alkilfenoletossilati (APEOs) u derivattivi oħra tal-alkilfenol;

(ii)

Nitrilotriaċitat (NTA);

(ii)

Aċidu boriku, borati u perborati;

(iv)

Nitromiski u miski poliċikliċi;

(v)

Ottametilċiklotetrasilossan (D4);

(vi)

Butilidrossitoluwen (BHT);

(vii)

Etilendiamminatetraaċetat (EDTA) u l-imluħa tiegħu u fosfonati mhux faċilment bijodegradabbli;

(viii)

Dawn il-priżervattivi: it-triklosan, il-parabeni, il-formaldeid u r-rilaxxaturi tal-formaldeid.

(ix)

Dawn il-fwejjaħ u l-ingredjenti tat-taħlitiet tal-fwejjaħ li ġejjin: l-idrossiisoeżil 3-ċikloeżen karbossaldeid (HICC), l-atranol u l-kloroatranol;

(x)

Mikro-plastiċi;

(xi)

Nanofidda.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-manifatturi li jikkonfermaw li l-prodott ma fihx is-sustanzi u/jew it-taħlitiet elenkati.

(b)   Sustanzi u taħlitiet perikolużi

Skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament (KE) Nru 66/2010, l-Ekotikketta tal-UE tista' ma tingħatax lil xi prodott li jkun fih sustanzi li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni fid-dikjarazzjonijiet tal-periklu jew frażijiet tar-riskju speċifikati f'Tabella 3 skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jew id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE (5) jew sustanzi msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Meta l-limitu għall-klassifikazzjoni ta' sustanza jew taħlita b'dikjarazzjoni tal-periklu jkun differenti minn dak tal-frażi tar-riskju, tal-ewwel jieħu prevalenza. Il-frażijiet tar-riskju f'Tabella 3 ġeneralment ikunu jirreferu għal sustanzi. Madankollu, meta l-informazzjoni dwar is-sustanzi ma tkunx tista' tinkiseb, japplikaw ir-regoli għall-klassifikazzjoni tat-taħlitiet.

Is-sustanzi jew it-taħlitiet li jibdlu l-proprjetajiet tagħhom bl-ipproċessar u għalhekk ma jibqgħux aktar bijodisponibbli, jew li jinbidlu kimikament b'tali mod li jitneħħa l-periklu identifikat qabel, għandhom jiġu eżentati mill-kriterju 3(b).

Tabella 3

Id-dikjarazzjonijiet tal-periklu u l-frażijiet tar-riskju

Dikjarazzjoni tal-Periklu

Frażi tar-Riskju

H300 Fatali jekk jinbela'

R28

H301 Tossiku jekk jinbela'

R25

H304 Jaf ikun fatali jekk jinbela' u jmur fil-pajp tan-nifs

R65

H310 Fatali jekk imiss mal-ġilda

R27

H311 Tossiku jekk imiss mal-ġilda

R24

H330 Fatali jekk jinġibed man-nifs

R23/26

H331 Tossiku jekk jinġibed man-nifs

R23

H340 Jaf jikkawża difetti ġenetiċi

R46

H341 Suspettat li jikkawża difetti ġenetiċi

R68

H350 Jaf jikkawża l-kanċer

R45

H350i Jaf iġib il-kanċer jekk jinġibed man-nifs

R49

H351 Suspettat li jġib il-kanċer

R40

H360F Jaf jagħmel ħsara lill-fertilità

R60

H360D Jaf jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

R61

H360FD Jaf jagħmel ħsara lill-fertilità Jaf jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

R60/61/60-61

H360Fd Jaf jagħmel ħsara lill-fertilità Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

R60/63

H360Df Jaf jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

R61/62

H361f Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

R62

H361d Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

R63

H361fd Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

R62-63

H362 Jaf jagħmel ħsara lit-tfal imreddgħa

R64

H370 Jagħmel ħsara lill-organi

R39/23/24/25/26/27/28

H371 Jaf jagħmel ħsara lill-organi

R68/20/21/22

H372 Jagħmel ħsara lill-organi jekk jiġu esposti għalih fit-tul jew kemm-il darba

R48/25/24/23

H373 Jaf jagħmel ħsara lill-organi jekk jiġu esposti għalih fit-tul jew kemm-il darba

R48/20/21/22

H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

R50

H410 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

R50-53

H411 Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

R51-53

H412 Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

R52-53

H413 Jaf iħalli effetti fit-tul lill-organiżmi akkwatiċi

R53

EUH059 Perikoluż għas-saff tal-ożonu

R59

EUH029 Meta jmiss mal-ilma jerħi gass tossiku

R29

EUH031 Meta jmiss mal-aċidi jerħi gass tossiku

R31

EUH032 Meta jmiss mal-aċidi jerħi gass tossiku ħafna

R32

EUH070 Tossiku jekk imiss mal-għajnejn

R39-41


Sustanzi sensitizzanti

H334: Jaf jikkawża sintomi ta' allerġija jew ażma jew diffikultajiet biex jittieħed in-nifs jekk jinġibed man-nifs

R42

H317: Jaf jikkawża reazzjoni allerġika tal-ġilda

R43

Għall-prodotti kożmetiċi li jitlaħalħu, is-sustanzi f'Tabella 4 huma eżentati mill-obbligu tal-Artikolu 6(6) tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 wara l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(7) tal-istess Regolament.

Tabella 4

Sustanzi derogati

Sustanzi

Dikjarazzjonijiet tal-periklu

Frażijiet tar-riskju

Aġenti tensjoattivi (fil-prodott finali f'konċentrazzjonijiet totali < 20 %)

H412: Dannuż għall-organiżmi akkwatiċi b'effetti fit-tul

H413: Jaf jikkawża effetti negattivi fit-tul lill-organiżmi akkwatiċi

R52-53

R53

Fwejjaħ (*)

H412: Dannuż għall-organiżmi akkwatiċi b'effetti fit-tul

H413: Jaf jikkawża effetti negattivi fit-tul lill-organiżmi akkwatiċi

R52-53

R53

Priżervattivi (**)

H411: Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi b'effetti fit-tul

H412: Dannuż għall-organiżmi akkwatiċi b'effetti fit-tul

H413: Jaf jikkawża effetti negattivi fit-tul lill-organiżmi akkwatiċi

R51-53

R52-53

R53

Il-piritjon taż-żingu (ZPT) li jintuża fix-xampù kontra l-brija

H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

R50

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu juri konformità mal-kriterju 3(b) għal kull sustanza jew taħlita mdaħħala li jkun hemm f'konċentrazzjonijiet akbar minn 0,010 % fil-prodott.

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ tad-dikjarazzjonijiet tal-produtturi tal-materja prima li l-ebda waħda minn dawn is-sustanzi u/jew taħlitiet imdaħħla ma jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni b'waħda jew aktar mid-dikjarazzjonijiet tal-periklu jew il-frażijiet tar-riskju li hemm imniżżlin f'Tabella 3 fil-forom u fl-istati fiżiċi li hemm fil-prodott.

Din l-informazzjoni teknika li ġejja, li għandha x'taqsam mal-forom u l-istati fiżiċi tas-sustanzi u/jew it-taħlitiet imdaħħla kif hemm fil-prodott, għandha tingħata biex tappoġġa d-dikjarazzjoni ta' nonklassifikazzjoni.

(i)

għal sustanzi li ma ġewx reġistrati skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u/jew li għad ma għandhomx klassifikazzjoni CLP armonizzata: l-informazzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti elenkati fl-Anness VII ta' dak ir-Regolament;

(ii)

għal sustanzi li ġew reġistrati skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għall-klassifikazzjoni CLP: l-informazzjoni bbażata fuq id-dossier tar-reġistrazzjoni tar-REACH li tikkonferma l-istatus mhux klassifikat tas-sustanza;

(iii)

għal sustanzi li għandhom klassifikazzjoni armonizzata jew li huma awtoklassifikati: l-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza meta dawn ikunu disponibbli. Jekk dawn ma jkunux disponibbli jew is-sustanza tkun awtoklassifikata, allura għandha tingħata dik l-informazzjoni li tkun rilevanti għall-klassifikazzjoni tal-periklu tas-sustanzi skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

(iv)

għal taħlitiet: l-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza meta dawn ikunu disponibbli. Jekk dawn ma jkunux disponibbli allura għandu jingħata kalkolu tal-klassifikazzjoni tat-taħlita skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 kif ukoll informazzjoni li tkun rilevanti għall-klassifikazzjoni tal-periklu tat-taħlitiet skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

Għas-sustanzi mniżżla fl-Annessi IV u V tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, li huma eżentati mill-obbligi tar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 2(7)(a) u (b) ta' dak ir-Regolament, ikun biżżejjed li tingħata dikjarazzjoni tal-applikant għal konformità mal-kriterju 3(b).

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni dwar il-preżenza ta' sustanza mdaħħla li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet tad-deroga u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-produtturi tal-materja prima. Meta d-deroga teżiġi, l-applikant għandu jikkonferma l-konċentrazzjonijiet ta' dawn is-sustanzi mdaħħla fil-prodott finali.

(c)   Is-sustanzi mdaħħla li tniżżlu skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006

Fl-Artikolu 6(6) tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 ma għandha tingħata l-ebda deroga mill-esklużjoni fejn jidħlu sustanzi identifikati bħala sustanzi ta' tħassib serju u mniżżlin fil-lista prevista fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (6), li jkun hemm fil-prodott b'konċentrazzjonijiet aktar minn 0,010 % (piż b'piż).

Valutazzjoni u verifika: fid-data tal-applikazzjoni għandha ssir referenza għal-lista tas-sustanzi identifikati bħala sustanzi ta' tħassib serju ħafna. L-applikant għandu jipprovdi lill-korp kompetenti l-formulazzjoni sħiħa tal-prodott. L-applikant għandu jipprovdi wkoll dikjarazzjoni tal-konformità mal-kriterju 3(c), u d-dokumentazzjoni relatata, bħad-dikjarazzjonijiet tal-konformità ffirmati mill-fornituri tal-materjal u kopji tal-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza rilevanti għas-sustanzi jew għat-taħlitiet.

(d)   Fwejjaħ

(i)

Il-prodotti li jiġu kummerċjalizzati bħala prodotti ddisinjati u maħsuba għat-tfal għandhom ikunu mingħajr fwejjaħ.

(ii)

Kull sustanza jew taħlita mdaħħla li tiżdied mal-prodott bħala fwieħa għandha tiġi manifatturata u trattata skont il-kodiċi ta' prattika tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Fwejjaħ (l-IFRA). Il-kodiċi jinsab fis-sit elettroniku tal-IFRA: http://www.ifraorg.org. Il-manifattur għandu jimxi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Istandards tal-IFRA fejn jidħlu l-projbizzjoni, l-użu ristrett u l-kriterji tal-purità speċifikati għall-materjali.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjoni tal-manifattur tal-fwejjaħ.

(e)   Priżervattivi

(i)

Il-priżervattivi fil-prodott ma għandhomx jerħu sustanzi jew jiddegradaw għal sustanzi li huma klassifikati skont il-kriterju 3(b).

(ii)

Il-prodotti jista' jkun fihom priżervattivi diment li dawn ma jkunux bijoakkumulattivi. Priżervattiv ma jitqiesx bijoakkumulattiv jekk il-valur BCF < 100 jew il-valur log Kow < 3,0. Jekk il-valur BCF u l-valur log Kow ikunu disponibbli t-tnejn, għandu jintuża l-ogħla valur BCF imkejjel.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u kopji tal-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza ta' kull priżervattiv miżjud, u informazzjoni dwar il-valur BCF u/jew log Kow tiegħu.

(f)   Koloranti

Il-koloranti fil-prodott ma għandhomx ikunu bijoakkumulattivi. Kolorant ma jitqiesx bijoakkumulattiv jekk il-valur BCF < 100 jew il-valur log Kow < 3,0. Jekk il-valur BCF u l-valur log Kow ikunu disponibbli t-tnejn, għandu jintuża l-ogħla valur BCF imkejjel. Jekk l-aġenti koloranti jkunu approvati biex jintużaw fl-ikel, mhemmx bżonn li titressaq dokumentazzjoni dwar il-potenzjal bijoakkumulattiv.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi kopji tal-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza ta' kull kolorant miżjud u informazzjoni dwar il-valur BCF u/jew log Kow tiegħu, jew dokumentazzjoni li tiżgura li l-aġent kolorant hu approvat biex jintuża fl-ikel.

Kriterju 4 — Imballaġġ

(a)   L-imballaġġ primarju

L-imballaġġ primarju jkun f'kuntatt dirett mal-kontenut.

Ma għandu jkun permess l-ebda imballaġġ addizzjonali għall-prodott kif jinbiegħ, eż. b'kartuna fuq il-flixkun; ħlief fil-każ ta' imballaġġ sekondarju li jgħaqqad żewġ prodotti jew aktar flimkien (eż. il-prodott u r-rikarikatur tiegħu).

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata.

(b)   Il-proporzjon tal-impatt tal-imballaġġ (PIR)

Għal kull tip ta' imballaġġ li fih jinbiegħ il-prodott, il-proporzjon tal-impatt tal-imballaġġ (PIR) għandu jkun inqas minn 0,28 g ta' imballaġġ għal kull gramma ta' prodott. Il-prodotti ta' qabel it-tqaxxir li jiġu ppakkjati f'kontenituri ajrusoli tal-metall huma eżentati minn dan ir-rekwiżit.

Separatament għal kull imballaġġ, il-PIR għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

PIR= (W + (Wrikarikatur × F) + N + (Nrikarikatur × F))/(D + (Drikarikatur × F))

Fejn:

W

il-piż tal-imballaġġ (primarju + proporzjon tas-sekondarju (7), inklużi t-tikketti) (g)

Wrikarikatur

il-piż tal-imballaġġ tar-rikarikatur (primarju + proporzjon tas-sekondarju (7), inklużi t-tikketti) (g)

N

il-piż tal-imballaġġ mhux rinnovabbli + mhux riċiklat (primarju + proporzjon tas-sekondarju (7), inklużi t-tikketti) (g)

Nrikarikatur

il-piż tal-imballaġġ mhux rinnovabbli + mhux riċiklat tar-rikarikatur (primarju + proporzjon tas-sekondarju (7), inklużi t-tikketti) (g)

D

il-piż tal- prodott li hemm fil-kontenitur prinċipali (g)

Drikarikatur

il-piż tal-prodott mogħti bir-rikarikatur (g)

F

l-għadd ta' rikariki li hemm bżonn biex tintlaħaq il-kwantità rikarikabbli totali hu kkalkulat kif ġej:

F = V × R/Vrikarikatur

Fejn:

V

il-kapaċità tal-volum tal-kontenitur prinċipali (ml)

Vrikarikatur

il-kapaċità tal-volum tal-kontenitur rikarikabbli (ml)

R

il-kwantità rikarikabbli. Dan l-ammont juri kemm-il darba jista' jimtela l-kontenitur prinċipali. Meta F ma jkunx numru sħiħ, dan għandu jitqarreb lejn in-numru sħiħ li jmiss.

Jekk mhu offrut l-ebda rikarikatur, il-PIR jiġi kkalkulat kif ġej:

PIR = (W + N)/D

Il-manifattur għandu jipprovdi l-għadd ta' rikariki previsti, jew juża l-valuri stabbiliti ta' R = 5 għall-plastik u R = 2 għall-kartun.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi l-kalkolu tal-PIR tal-prodott. Fissit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE hemm disponibbli spreadsheet għal dan il-kalkolu. Jekk il-prodott jinbiegħ f'imballaġġi differenti, jiġifieri b'volumi differenti, għandu jitressaq il-kalkolu għal kull daqs tal-imballaġġ li għalih trid tingħata l-Ekotikketta tal-UE. L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ffirmata għall-kontenut ta' materjal riċiklat wara l-użu jew għall-kontenut ta' materjal ta' oriġini rinnovabbli li hemm fl-imballaġġ u deskrizzjoni tas-sistema rikarikabbli offruta, jekk applikabbli (it-tipi ta' ta' rikarikaturi, il-volum). Għall-approvazzjoni tal-imballaġġ tar-rikarikatur, l-applikant jew il-bejjiegħ għandu jiddokumenta li r-rikarikatur jista' jinxtara mis-suq.

(c)   Id-disinn tal-imballaġġ primarju

L-imballaġġ primarju għandu jiġi ddisinjat b'tali mod li jiffaċilita d-dożaġġ korrett (pereżempju billi jiżgura li l-fetħa ta' fuq ma tkunx wiesgħa żżejjed) u b'tali mod li jiżgura li tal-anqas 90 % tal-prodott ikun jista' joħroġ faċilment mill-kontenitur. L-ammont residwu tal-prodott fil-kontenitur (R), li għandu jkun inqas minn 10 %, għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

R = ((m2 – m3)/(m1 – m3)) × 100 (%)

Fejn:

m1

l-imballaġġ primarju u l-prodott (g)

m2

l-imballaġġ primarju u residwi tal-prodott f'kundizzjonijiet normali tal-użu (g)

m3

l-imballaġġ primarju vojt u nadif (g)

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jressaq deskrizzjoni tal-mezz tad-dożaġġ u rapport tat-test bir-riżultati tal-kejl tal-kwantità residwa ta' prodott kożmetiku li jitlaħlaħ li jkun hemm fl-imballaġġ. Il-proċedura tat-test biex titkejjel il-kwantità residwa jiddeskriviha l-manwal tal-utent li jinsab fis-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE.

(d)   Iddisinjar li jiffaċilita r-riċiklaġġ tal-imballaġġ tal-plastik

L-imballaġġ tal-plastik għandu jiġi ddisinjat b'mod li jiffaċilita r-riċiklaġġ effettiv billi jiġu evitati kontaminanti u materjali inkompatibbli potenzjali li huma magħrufin li jfixklu s-separazzjoni jew l-ipproċessar mill-ġdid jew li jnaqqsu l-kwalità tal-materjal riċiklat. Weħidhom jew flimkien, it-tikketta jew il-kaxxa, it-tapp u meta applikabbli, il-kisjiet tal-protezzjoni ma għandhomx jinkludu l-materjali u l-komponenti mniżżlin f'Tabella 5.

Tabella 5

Materjali u komponenti li ma għandux ikun hemm fost l-elementi tal-imballaġġ

Element tal-imballaġġ

Materjali u komponenti esklużi (8)

Tikketta jew kaxxa

Tikketta jew kaxxa PS flimkien ma' flixkun PET, PP jew HDPE

Tikketta jew kaxxa PVC flimkien ma' flixkun PET, PP jew HDPE

Tikketta jew kaxxa PETG flimkien ma' flixkun PET

Kaxxi magħmulin minn polimeru differenti mill-flixkun

Tikketti jew kaxxi metallizzati jew iwweldjati mal-qafas tal-imballaġġ (tikketta fonduta)

Tapp

Tapp PS flimkien ma' flixkun PET, PP jew HDPE

Tapp PVC flimkien ma' flixkun PET, PP jew HDPE

Tappijiet PETG u/jew materjal tat-tappijiet PETG b'densità aktar minn 1 g/cm3 flimkien ma' flixkun PET

Tappijiet tal-metall, tal-ħġieġ, EVA

Tappijiet tas-silikon. Ħlief tappijiet tas-silikon b'densità < 1 g/cm3 flimkien ma' flixkun PET u tappijiet tas-silikon b'densità > 1 g/cm3 flimkien ma' flixkun PP jew HDPE

Folji jew siġilli tal-metall li meta jinfetaħ il-prodott xorta jibqgħu mwaħħla mal-flixkun jew mat-tapp tiegħu

Kisjiet tal-protezzjoni

Poliammid, EVOH, poliolefini funzjonali, kisjiet ta' lqugħ metallizzati u ħfief

Il-pompi u l-kontenituri ajrusoli huma eżentati minn dan ir-rekwiżit.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u li tispeċifika l-kompożizzjoni tal-materjal tal-imballaġġ inklużi l-kontenitur, it-tikketta jew il-kaxxa, il-kolol, it-tapp, u l-kisja tal-protezzjoni, kif ukoll kampjun tal-imballaġġ primarju.

Kriterju 5 — Sorsi sostenibbli ta' żejt tal-palm, żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm u derivattivi tagħhom

Iż-żejt tal-palm u ż-żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm u d-derivattivi tagħhom li jintużaw fil-prodott iridu jinkisbu minn pjantaġġuni li jilħqu l-kriterji għal ġestjoni sostenibbli li ġew żviluppati minn organizzazzjonijiet ta' għadd ta' partijiet ikkonċernati li jkunu jinkludu għadd ġmielu ta' membri fosthom NGOs, industrijali u governattivi.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi ċertifikazzjonijiet mingħand parti terza li ż-żejt tal-palm u ż-żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm li jintużaw fil-manifattura tal-prodott ikunu ġejjin minn pjantaġġuni li jilħqu l-kriterji għal ġestjoni sostenibbli. Iċ-ċertifikazzjonijiet aċċettati għandhom jinkludu RSPO (b'identità ppriżervata, segregata jew bilanċ tal-massa) jew xi skema ekwivalenti bbażata fuq kriterji għal ġestjoni sostenibbli bejn bosta partijiet ikkonċernati. Għad-derivattivi kimiċi taż-żejt tal-palm u taż-żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm (9), ikun biżżejjed li tintwera sostenibbiltà permezz ta' sistemi “book&claim” bħal ngħidu aħna GreenPalm jew ekwivalenti.

Kriterju 6 — Adegwatezza għall-użu

Il-kapaċità tal-prodott biex jaqdi l-funzjoni primarja tiegħu (eż. tindif u conditioning) u l-funzjonijiet sekondarji msemmija (eż. protezzjoni kontra l-brija, tal-kulur, eċċ.) għandha tintwera b'test(ijiet) fil-laboratorji jew b'test tal-konsumatur. It-testijiet għandhom isiru skont il-“Linji Gwida għall-Evalwazzjoni tal-Effikaċja tal-Prodotti Kożmetiċi” (10) u l-istruzzjonijiet mogħtija fil-manwal tal-utent disponibbli fis-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddokumenta l-protokoll tat-test li tħaddem biex tiġi ttestjata l-effikaċja tal-prodott. L-applikanti għandhom jippreżentaw ir-riżultati minn dan il-protokoll li juru li l-prodott jissodisfa l-funzjoni primarja tiegħu u l-funzjonijiet sekondarji msemmija fuq it-tikketta tal-prodott jew fuq l-imballaġġ.

Kriterju 7 — Informazzjoni li tidher fl-Ekotikketta tal-UE

Fuq it-tikketta fakultattiva għandu jitniżżel dan il-kliem:

Impatt imnaqqas fuq l-ekosistemi akkwatiċi

Dan il-prodott jissodisfa rekwiżiti stretti tal-bijodegradabbiltà

Dan il-prodott inaqqas il-ħela tal-imballaġġ.

Il-linji gwida għall-użu tat-tikketta fakultattiva bil-kliem jinsabu fil-“Linji Gwida għall-Użu tal-Logo tal-Ekotikketta”) f'dan is-sit elettroniku:

http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/documents/logo_guidelines.pdf

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi kampjun tat-tikketta tal-prodott jew tal-grafika tal-imballaġġ fejn titqiegħed l-Ekotikketta tal-UE, u dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata.


(1)  http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/documents/did_list/didlist_part_a_en.pdf,

http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/documents/did_list/didlist_part_b_en.pdf

(2)  In-numru DID hu n-numru tas-sustanza mdaħħla fil-lista DID.

(3)  Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(4)  Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(5)  Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettar ta' sustanzi perikolużi (ĠU 196, 16.8.1967, p. 1).

(*)  Deroga mill-kriterju 3(b) biss. Il-fwejjaħ iridu jikkonformaw mal-kriterju 3(d).

(**)  Deroga mill-kriterju 3(b) biss. Il-priżervattivi jridu jikkonformaw mal-kriterju 3(e).

(6)  http://echa.europa.eu/chem_data/authorisation_process/candidate_list_table_en.asp

(7)  Piż proporzjonali tal-imballaġġ kollettiv (eż. 50 % tal-piż kollu tal-imballaġġ kollettiv, jekk żewġ prodotti jinbiegħu flimkien).

(8)  EVA — Etilenvinilaċetat, EVOH — Etilenvinilalkoħol, HDPE — polietilen b'densità għolja, PET — polietilentereftalat, PETG — polietilentereftalat glikol-modifikat, PP — Polipropilen, PS — Polistiren, PVC — Polivinilklorur,

(9)  Kif jiddefinixxu r-“Regoli RSPO għad-Derivattivi tal-Kura tad-Dar u Personali”, li jinsabu fi: http://www.greenpalm.org/upload/files/45/RSPO_Guiding_Rules_for_HPC_derivativesV9.pdf.

(10)  Jinsab fuq: https://www.cosmeticseurope.eu/publications-cosmetics-europe-association/guidelines.html?view=item&id=23 u s-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE

Appendiċi

Il-lista DID: Il-Bażi tad-Dejta ta' Ingredjenti ta' Deterġenti

Il-lista DID (il-parti A) hi lista b'informazzjoni dwar it-tossiċità akkwatika u l-bijodegradabbiltà tal-ingredjenti tipikament użati fil-formulazzjonijiet tad-deterġenti. Il-lista fiha informazzjoni dwar it-tossiċità u l-bijodegradabbiltà ta' firxa ta' sustanzi użati fil-prodotti tal-ħasil u tat-tindif. Il-lista mhix komprensiva, iżda fil-Parti B tal-lista DID tingħata gwida dwar kif jinstabu l-parametri rilevanti tal-kalkolu għal sustanzi li mhemmx fil-lista DID (eż. il-Fattur tat-Tossiċità (TF) u l-Fattur tad-Degradazzjoni (DF), li jintużaw fil-kalkolu tal-volum kritiku tad-dilwizzjoni). Il-lista hi sors ġeneriku ta' informazzjoni u s-sustanzi mniżżla fil-lista DID mhumiex approvati awtomatikament għall-użu fil-prodotti bl-Ekotikketta tal-UE.

Il-Parti A u l-Parti B tal-lista DID jinsabu fis-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE:

 

http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/documents/did_list/didlist_part_a_en.pdf

 

http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/documents/did_list/didlist_part_b_en.pdf

Biex jiġu valutati t-TF u d-DF għal sustanzi mingħajr dejta dwar it-tossiċità u d-degradabbiltà akkwatika, jistgħu jintużaw analoġiji strutturali ma' sustanzi simili. Dawn l-analoġiji strutturali għandu japprovahom il-korp kompetenti li jagħti l-liċenzja tal-Ekotikketta tal-UE. Inkella, għandu jiġi applikat approċċ li jqis l-agħar każ possibbli, permezz ta' dawn il-parametri:

Approċċ li jqis l-agħar każ possibbli:

 

Tossiċità akuta

Tossiċità kronika

Degradazzjoni

Sustanza mdaħħla

LC50/EC50

SF(akut)

TF(akut)

NOEC (*)

SF(kroniku)  (*)

TF(kroniku)

DF

Aerobiku

Anaerobiku

“Isem”

1 mg/l

10,000

0,0001

 

 

0,0001

1

P

N

Id-dokumentazzjoni tal-bijodegradabbiltà faċli

Għall-bijodegradabbiltà faċli għandhom jintużaw dawn il-metodi tal-ittestjar li ġejjin:

(1)

Sal-1 ta' Diċembru 2015:

Il-metodi tal-ittestjar għall-bijodegradabbiltà faċli previsti fid-Direttiva 67/548/KEE, b'mod partikolari l-metodi dettaljati fl-Anness V.C4 ta' dik id-Direttiva jew il-metodi tal-ittestjar ekwivalenti għalihom tal-OECD Nru 301 A-F, jew it-testijiet ekwivalenti għalihom tal-ISO.

Il-prinċipju ta' perjodu ta' 10 ijiem ma japplikax għall-aġenti tensjoattivi. Għat-testijiet imsemmija fl-Anness V.C4-A u C4-B tad-Direttiva 67/548/KEE (u t-testijiet OECD 301 A u E ekwivalenti għalihom u l-ekwivalenti għall-ISO), il-livell aċċettabbli għandu jkun 70 % filwaqt li għat-testijiet C4-C, D, E u F (u t-testijiet OECD 301B, C, D u F ekwivalenti għalihom u l-ekwivalenti għall-ISO) għandu jkun 60 %.

inkella

Il-metodi tal-ittestjar previsti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(2)

Wara l-1 ta' Diċembru 2015:

Il-metodi tal-ittestjar previsti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

Dokumentazzjoni tal-bijodegradabbiltà anaerobika

It-test ta' referenza għad-degradabbiltà anaerobika għandu jkun EN ISO 11734, ECETOC Nru 28 (Ġunju 1988), OECD 311 jew metodu tal-ittestjar ekwivalenti, bir-rekwiżit ta' 60 % degradabbiltà finali f'kundizzjonijiet anaerobiċi. Sabiex jiġi dokumentat li nkisbet 60 % degradabbiltà finali f'kundizzjonijiet anaerobiċi jistgħu jintużaw ukoll il-metodi tal-ittestjar li jissimulaw il-kundizzjonijiet f'ambjent anaerobiku rilevanti.

Estrapolazzjoni għal sustanzi li mhumiex fil-lista DID

Sabiex issir id-dokumentazzjoni meħtieġa tad-degradabbiltà anaerobika, meta s-sustanzi mdaħħla ma jkunux fil-lista DID, jista' jintuża dan l-approċċ:

(1)

Applika estrapolazzjoni raġonevoli. Uża r-riżultati tat-test li nkisbu b'materja prima partikolari biex testrapola d-degradabbiltà anaerobika finali ta' aġenti tensjoattivi li huma strutturalment relatati. Meta għal aġent tensjoattiv (jew għal grupp ta' omologi) tiġi kkonfermata l-bijodegradabbiltà anaerobika skont il-lista DID, jista' jitqies li tip simili ta' aġent tensjoattiv hu wkoll bijodegradabbli anaerobikament (eż. is-sulfat C12-15 A 1-3 EO [DID Nru 8] hu bijodegradabbli anaerobikament, u allura bijodegradabbiltà anaerobika simili tista' titqies ukoll li teżisti għas-sulfat C12-15 A 6 EO). Meta għal aġent tensjoattiv tiġi kkonfermata l-bijodegradabbiltà anaerobika permezz ta' metodu tal-ittestjar xieraq, jista' jitqies li tip simili ta' aġent tensjoattiv hu wkoll bijodegradabbli anaerobikament (eż. id-dejta mil-letteratura teknika li tikkonferma l-bijodegradabbiltà anaerobika ta' aġenti tensjoattivi li jappartjenu għall-grupp ta' mluħa tal-ammonju ta' esteri alkili, tista' tintuża bħala dokumentazzjoni għal bijodegradabbiltà anaerobika simili ta' mluħa kwaternarji tal-ammonju oħra li fihom sensil ta' esteri fil-ktajjen alkili).

(2)

Agħmel test tal-iskrinjar għad-degradabbiltà anaerobika. Jekk ikun hemm bżonn isir ittestjar ġdid, agħmel test tal-iskrinjar permezz ta' EN ISO 11734, ECETOC Nru 28 (Ġunju 1988), OECD 311 jew metodu ekwivalenti.

(3)

Agħmel test tad-degradabbiltà b'dożaġġ baxx. Jekk ikun hemm bżonn isir ittestjar ġdid, u jekk ikun hemm problemi esperimentali fit-test tal-iskrinjar (eż. inibizzjoni minħabba tossiċità tas-sustanza għat-test), irrepeti l-ittestjar permezz ta' dożaġġ baxx ta' aġent tensjoattiv u ssorvelja d-degradazzjoni b'kejl 14C jew b'analiżi kimika. Jista' jsir ittestjar b'dożaġġ baxx permezz ta' OECD 308 (Awwissu 2000) jew metodu ekwivalenti.


(*)  Jekk ma tinstab l-ebda dejta aċċettabbli dwar it-tossiċità kronika, dawn il-kolonni jitħallew vojta. F'dan il-każ, TF(kroniku) jitqies daqs TF(akut).


Top