Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0175

    2014/175/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 27 ta’ Marzu 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2007/777/KE fir-rigward tal-importazzjoni ta’ prodotti tal-laħam, tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati imħejjija minn laħam frisk ta' tjur domestiċi, inkluż laħam tal-għasafar selvaġġi u mrobbijin fl-irziezet (notifikata bid-dokument C(2014) 1904) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 95, 29.3.2014, p. 31–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32020R0692

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/175/oj

    29.3.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 95/31


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-27 ta’ Marzu 2014

    li temenda d-Deċiżjoni 2007/777/KE fir-rigward tal-importazzjoni ta’ prodotti tal-laħam, tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati imħejjija minn laħam frisk ta' tjur domestiċi, inkluż laħam tal-għasafar selvaġġi u mrobbijin fl-irziezet

    (notifikata bid-dokument C(2014) 1904)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2014/175/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/118/KEE tas-17 ta' Diċembru 1992 li tipprovdi għal rekwiżiti fir-rigward tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjoni fil-Komunità ta' prodotti mhux soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti f'regoli Komunitarji speċifiċi msemmija fl-Anness A(I) tad-Direttiva 89/662/KEE u, fejn jidħlu l-patoġeni, fid-Direttiva 90/425/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(2)(c) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (2), u b'mod partikolari l-fażi introduttorja tal-Artikolu 8, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8(1), l-Artikolu 8(4), l-Artikolu 9(2)(b) u l-Artikolu 9(4)(b) u (c) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE (3) tistabbilixxi regoli dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' konsenji ta' ċerti prodotti tal-laħam għall-konsum mill-bniedem u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati. Dik id-Deċiżjoni fiha lista ta' pajjiżi terzi u ta' partijiet minnhom, minn fejn l-importazzjonijiet huma awtorizzati u l-Anness III tagħha jipprovdi l-mudell ta' ċertifikat tas-saħħa pubblika u tal-annimali għal dawk il-prodotti maħsuba għall-konsenja lejn l-Unjoni minn pajjiżi terzi.

    (2)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 (4) jistabbilixxi rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni veterinarja għall-importazzjonijiet lejn l-Unjoni jew għat-tranżitu fl-Unjoni ta' tjur u prodotti tat-tjur. Dak ir-Regolament jistipula li l-prodotti tat-tjur li jkopri għandhom biss jiġu importati lejn l-Unjoni u jgħaddu minnha bi tranżitu mill-pajjiżi terzi, mit-territorji, miż-żoni jew mill-kompartimenti li jissemmew fit-tabella tal-Parti 1 tal-Anness I tiegħu. Dan jistipula wkoll li dawn l-importazzjonijiet għandu jkollhom magħhom ċertifikat veterinarju, kif jissemma f'dik it-tabella, għall-prodott tat-tjur konċernat, li jkun mimli skont in-noti u ċ-ċertifikati veterinarji mudell li hemm fil-Parti 2 ta' dak l-Anness.

    (3)

    Barra minn hekk, iċ-ċertifikati veterinarji mudell għal-laħam tat-tjur (POU), għal-laħam tal-għasafar li ma jtirux imkabbrin fl-irziezet għall-konsum mill-bniedem (RAT) u għal-laħam tal-għasafar selvaġġi (WGM) li hemm fil-Parti 2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008 jistipulaw li l-laħam frisk għandu jkun ġej minn tjur jew għasafar li ma jtirux li ġejjin minn stabbilimenti mingħajr restrizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali b'rabta ma' xi marda li t-tjur jew għasafar li ma jtirux huma suxxettibbli għaliha jew minn għasafar tal-kaċċa selvaġġi li nqatlu f'territorji b'raġġ ta' 10km, inkluż fejn xieraq it-territorju ta' pajjiż ġar, li fihom ma kien hemm ebda tifqigħa tal-influwenza tat-tjur b'patoġenità għolja jew tal-marda ta' Newcastle għal mill-anqas 30 jum.

    (4)

    Il-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-preparazzjoni ta' prodotti tal-laħam, tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati mil-laħam frisk tat-tjur domestiċi, inklużi għasafar selvaġġi u mrobbijin fl-irziezet, kif stabbiliti fil-Parti II. 1.3 taċ-ċertifikat mudell tas-saħħa tal-annimali u pubblika stabbiliti fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2007/777/KE, jirreferu għall-influwenza tat-tjur u l-marda ta' Newcastle. Madankollu, iċ-ċertifikati veterinarji mudell (POU), (RAT) u (WGM) stabbiliti fil-Parti 2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008 jirreferu biss għall-influwenza tat-tjur b'patoġenità għolja. Għalhekk hemm bżonn li jiġi emendat iċ-ċertifikat mudell tas-saħħa tal-annimali u pubblika stabbilit fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2007/777/KE ħalli jallinja mar-rekwiżiti tal-laħam frisk kif stabbiliti fiċ-ċertifikati veterinarji mudell (POU), (FAR) u (WGM) stipulati fil-Parti 2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008.

    (5)

    Barra minn hekk, iċ-ċertifikat mudell tas-saħħa tal-annimali u pubblika stabbilit fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2007/777/KE jirreferi għad-Direttiva tal-Kunsill 90/539/KEE (5) li nbidlet bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/158/KE (6) u għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/696/KE (7) li nbidlet bir-Regolament (KE) Nru 798/2008. Għaldaqstant, dawk ir-referenzi jeħtieġ jiġu aġġornati.

    (6)

    U għalhekk l-Anness III tad-Deċiżjoni 2007/777/KE għandu jiġi emendat skont dan.

    (7)

    Sabiex ikun evitat kull tip ta' tħarbit fil-kummerċ, l-użu taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali u pubblika għal ċerti prodotti tal-laħam u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati li huma maħsuba għall-konsenja lejn l-Unjoni minn pajjiżi terzi, li mtela skont iċ-ċertifikat mudell tas-saħħa tal-annimali u pubblika stabbilit fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2007/777/KE, qabel l-emendi li daħħlet din id-Deċiżjoni, għandu jibqa' jkun awtorizzat matul perjodu tranżitorju.

    (8)

    Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Emenda fid-Deċiżjoni 2007/777/KE

    L-Anness III tad-Deċiżjoni 2007/777/KE jinbidel bit-test fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Dispożizzjoni tranżizzjonali

    Għal perjodu tranżitorju sat-30 ta’ Settembru 2014, l-introduzzjoni fl-Unjoni ta' konsenji ta' prodotti tal-laħam u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati, akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali u pubblika mimli skont il-mudell stabbilit fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2007/777/KE, fil-verżjoni tiegħu qabel l-emenda li għamel l-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni, għandhom jibqgħu jiġu awtorizzati, diment li ċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali u pubblika jkun ġie ffirmat qabel it-30 ta’ Lulju 2014.

    Artikolu 3

    Id-destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Marzu 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Tonio BORG

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 62, 15.3.1993, p. 49.

    (2)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE tad-29 ta' Novembru 2007 li tistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika kif ukoll il-mudelli taċ-ċertifikati għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-laħam u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2005/432/KE (ĠU L 312, 30.11.2007, p. 49).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 tat-8 ta' Awwissu 2008 li jistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kumpartimenti li minnhom jistgħu jiġu impurtati u jsir tranżitu ta' tjur u prodotti tat-tjur fil-Komunità u r-rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 226, 23.8.2008, p. 1).

    (5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 90/539/KEE tal-15 ta' Ottubru 1990 dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta' bhejjem li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju u l-importazzjonu ta' tajr u bajd għat-tfaqqis minn pajjiżi terzi (ĠU L 303, 31.10.1990, p. 6).

    (6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/158/KE tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ bhejjem li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju, u l-importazzjoni ta’ tajr u bajd għat-tfaqqis minn pajjiżi terzi (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 74).

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/696/KE tat-28 ta’ Awissu 2006 li tistipula lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom jistgħu jiġu impurtati u jsir tranżitu fil-Komunità ta’ tjur, bajd għat-tfaqqis, flieles ta’ ġurnata, laħam tat-tjur, għasafar li ma jtirux u għasafar tal-kaċċa selvaġġi, bajd u prodotti tal-bajd u bajd speċifikat mingħajr patoġeni u l-kundizzjonijiet veterinarji ta’ ċertifikazzjoni applikabbli (ĠU L 295, 25.10.2006, p. 1).


    ANNESS

    ”ANNESS III

    Iċ-ċertifikat mudell tas-saħħa tal-annimali u pubblika għal ċerti prodotti tal-laħam u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati maħsubin għal konsenja lejn l-Unjoni Ewropea minn pajjiżi terzi

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Top