This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32007L0043
Council Directive 2007/43/EC of 28 June 2007 laying down minimum rules for the protection of chickens kept for meat production (Text with EEA relevance)
Direttiva tal-Kunsill 2007/43/KE tat- 28 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Direttiva tal-Kunsill 2007/43/KE tat- 28 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 182, 12.7.2007, p. 19–28
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 14/12/2019
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Corrected by | 32007L0043R(01) | (LT) | |||
Corrected by | 32007L0043R(02) | (LT) | |||
Modified by | 32017R0625 | Sostituzzjoni | artikolu 2 paragrafu 1 punt (d) | 14/12/2019 | |
Modified by | 32017R0625 | Tħassir | artikolu 7 paragrafu 1 | 14/12/2019 | |
Modified by | 32017R0625 | Sostituzzjoni | artikolu 2 paragrafu 1 punt (c) | 14/12/2019 | |
Modified by | 32017R0625 | Sostituzzjoni | artikolu 7 paragrafu 2 | 14/12/2019 |
12.7.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 182/19 |
DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2007/43/KE
tat-28 ta’ Ġunju 2007
li tistabbilixxi regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),
Wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Billi:
(1) |
Il-Protokoll dwar il-protezzjoni u l-benesseri ta’ l-annimali anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jirrikjedi li fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika agrikola, il-Komunità u l-Istati Membri għandhom iqisu bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-benesseri ta’ l-annimali, filwaqt li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew amministrattivi u d-drawwiet ta’ l-Istati Membri partikolarment dawk konnessi ma’ riti reliġjużi, tradizzjonijiet kulturali u patrimonju reġjonali. |
(2) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE ta’ l-20 ta’ Lulju 1998 dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali miżmuma għal għanijiet agrikoli (3), imfassla abbażi tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni ta’ l-Annimali miżmuma għal Għanijiet Agrikoli (4) (hawn aktar ’il quddiem “il-Konvenzjoni”) tistabbilixxi l-istandards minimi għall-protezzjoni ta’ annimali mrobbija jew miżmuma għal għanijiet agrikoli inklużi d-dispożizzjonijiet dwar l-akkomodazzjoni, l-ikel, l-ilma u l-attenzjoni xierqa lill-ħtiġijiet fiżjoloġiċi u etoloġiċi ta’ l-annimali. |
(3) |
Il-Komunità hija parti għall-Konvenzjoni li fil-qafas tagħha ġiet adottata Rakkomandazzjoni speċifika dwar it-tiġieġa domestika (Gallus gallus) li tinkludi dispożizzjonijiet addizzjonali għat-tjur ta’ l-irziezet miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam. |
(4) |
Ir-rapport tal-Kumitat Xjentifiku fuq is-Saħħa u l-Benesseri ta’ l-Annimali tal-21 ta’ Marzu 2000 dwar il-Benesseri tat-Tiġieġ Miżmum għall-Produzzjoni tal-Laħam (Brojlers) ikkonkluda li r-rata ta’ tkabbir mgħaġġla tal-varjetajiet tat-tiġieġ użati attwalment għal dan il-għan mhix akkumpanjata minn livell sodisfaċenti ta’ saħħa u benesseri ta’ l-annimali, u li l-effetti negattivi tar-rati għolja ta’ l-istokkjar jitnaqqsu f’bini fejn jistgħu jiġu sostnuti kundizzjonijiet klimatiċi ta’ ġewwa tajbin. |
(5) |
Dispożizzjonijiet speċifiċi għal żoni mhux mifruxa, biex tiġi minimizzata l-influwenza ta’ parametri ġenetiċi jew biex jiġu inklużi indikaturi ta’ benesseri flimkien mad-dermatite tal-kuxxinett tas-sieq ser jiġu stabbiliti meta jkunu disponibbli l-opinjonijiet rilevanti ta’ l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta’ l-Ikel (EFSA). |
(6) |
Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli fil-livell Komunitarju għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam sabiex jiġi evitat tfixkil għall-kompetizzjoni li jista’ jinterferixxi fit-tmexxija mingħajr skossi ta’ l-organizzazzjoni tas-suq komuni f’dak is-settur u wkoll sabiex jiġi aċċertat l-iżvilupp razzjonali tas-settur. |
(7) |
Bi qbil mal-prinċipju tal-proporzjonalità, u sabiex jinkiseb l-għan bażiku li jiġu introdotti titjibiet fit-trobbija intensa tat-tiġieġ, jeħtieġ u jixraq li jiġu stabbiliti regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ għall-produzzjoni tal-laħam. Din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-objettivi mmirati, f’konformità mat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 5 tat-Trattat. |
(8) |
Ir-regoli għandhom jikkonċentraw fuq il-problemi ta’ benesseri fis-sistemi tat-trobbija intensiva. Sabiex jiġi evitat li jkun hemm miżuri diżproporzjonali applikabbli għaż-żamma ta’ qatgħat żgħar ta’ tiġieġ, għandu jiġi ffissat limitu minimu għall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. |
(9) |
Huwa importanti li dawk il-persuni li jieħdu ħsieb it-tiġieġ ikunu jifhmu fil-ħtiġiet rilevanti tal-benesseri ta’ l-annimali u li jingħataw taħriġ xieraq biex iwettqu l-kompiti tagħhom jew li jkunu kisbu esperjenza ekwivalenti għal tali taħriġ. |
(10) |
Fl-istabbiliment tar-regoli għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam, għandu jinżamm bilanċ bejn l-aspetti varji li jridu jiġu meqjusa, f’dawk li huma benesseri u saħħa ta’ l-annimali, il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u soċjali u l-impatt ambjentali. |
(11) |
Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali intenzjonati għall-konsum uman (5) u r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifika ta’ konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, ir-regoli dwar is-saħħa u l-benesseri ta’ l-annimali (6) diġà jistabbilixxu qafas għall-kontrolli uffiċjali inkluż il-konformità ma’ xi regoli dwar il-benesseri ta’ l-annimali. Barra minn dan, ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jissottomettu rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ kontroll nazzjonali pluriennali, inklużi r-riżultati tal-kontrolli u l-verifiki mwettqa. Għal dan l-għan hu previst appoġġ finanzjarju kemm f’dawn ir-regolamenti kif ukoll fid-Deċiżjoni 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-qasam veterinarju (7). |
(12) |
Għadd ta’ skemi voluntarji jeżistu diġà fi Stati Membri differenti għall-ittikkettar ta’ laħam tat-tiġieġ ibbażat fuq il-konformità ma’ l-istandards tal-benesseri ta’ l-annimali u parametri oħra. |
(13) |
Fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tat-tali skemi voluntarji ta’ ttikkettar, jixraq li l-Kummissjoni tissottometti rapport dwar l-introduzzjoni possibbli ta’ skema ta’ ttikkettar mandatorja armonizzata speċifika fil-livell Komunitarju għal-laħam tat-tiġieġ, prodotti tal-laħam u preparazzjonijiet ibbażati fuq il-konformità ma’ l-istandards tal-benesseri ta’ l-annimali, inklużi l-implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi possibbli, l-effetti fuq l-imsieħba ekonomiċi tal-Komunità u l-konformità tat-tali skema ta’ ttikkettar mar-regoli ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. |
(14) |
Jixraq li l-Kummissjoni tissottemetti rapport ibbażat fuq l-evidenza xjentifika ġdida bil-kunsiderazzjoni ta’ aktar riċerka u esperjenza prattika sabiex jitkompla jitjieb il-benesseri tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam inkluż l-istokk ta’ parentela tat-tali tiġieġ, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-aspetti mhux koperti minn din id-Direttiva. Dak ir-rapport għandu jikkunsidra b’mod speċifiku l-possibbilta’ biex jiġu introdotti limiti massimi għal indikaturi ta’ kondizzjonijiet ta’ benesseri ħżiena identifikati matul l-ispezzjonijiet post-mortem u l-influwenza tal-parametri ġenetiċi fuq id-defiċjenzi identifikati li jirriżultaw f’nuqqas ta’ benesseri tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam. |
(15) |
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawk il-penali jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. |
(16) |
Il-Kunsill, skond il-paragrafu 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (8), għandu jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex ifasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom, li, sa fejn ikun possibbli, ser juru il-korrelazzjoni bejn id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni u jagħmluhom pubbliċi. |
(17) |
Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu adottati b’mod konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi proċeduri għall-eżerċizzju ta’ l-implimentazzjoni tal-poteri mogħtija lill-Kummissjoni (9), |
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Din id-Direttiva għandha tapplika għat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam.
Madankollu, m’għandhiex tapplika għal:
(a) |
azjendi b’inqas minn 500 tiġieġa; |
(b) |
azjendi li għandhom biss stokks ta’ tiġieġ għat-tgħammir; |
(ċ) |
imfaqas; |
(d) |
tiġieġ imrobbija b’mod estensiv ġewwa jew fil-beraħ, kif imsemmija fil-punti b), ċ), d), e) ta’ l-Anness IV għar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1538/91 tal-5 ta’ Ġunju tal-1991 li jintroduċi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1906/90 dwar ċerti standards ta’ tqegħid fis-suq għat-tjur (10), u |
(e) |
tiġieġ imrobbija b’mod organiku skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 tal-24 ta’ Ġunju 1991 dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta’ l-ikel (11). |
2. Id-Direttiva għandha tapplika għat-trobbija ta’ stokk f’azjendi li għandhom kemm stokks tat-tgħammir kif ukoll stokks tat-trobbija.
L-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jieħdu miżuri aktar stretti fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Ir-responsabbiltà primarja għall-benesseri ta’ l-annimali hija tal-proprjetarju jew il-kustodju ta’ l-annimali.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
(a) |
“sid” tfisser kwalunkwe persuna jew persuni fiżiċi jew legali li jippossiedu l-azjenda fejn jinżammu t-tiġieġ; |
(b) |
“kustodju” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew legali responsabbli jew inkarigata mit-tiġieġ f’termini ta’ kuntratt jew bil-liġi fuq bażi kemm permanenti kif ukoll temporanja; |
(ċ) |
“awtorità kompetenti” tfisser l-awtorità ċentrali ta’ Stat Membru kompetenti li jwettaq kontrolli tal-benesseri ta’ l-annimali, veterinarji u żootekniċi jew kwalunkwe awtorità oħra li ngħatat dik il-kompetenza fuq livell reġjonali, lokali jew ieħor; |
(d) |
“veterinarju uffiċjali” ifisser veterinarju li jkun ikkwalifikat skond l-Anness I, Taqsima III, Kapitolu IV (A) għar-Regolament (KE) Nru 854/2004 sabiex jaġixxi fit-tali kapaċità u li jkun maħtur mill-awtorità kompetenti; |
(e) |
“tiġieġa” tfisser annimal ta’ l-ispeċi Gallus gallus miżmum għall-produzzjoni tal-laħam; |
(f) |
“stabbiliment” tfisser lok tal-produzzjoni fejn jinżammu t-tiġieġ; |
(g) |
“binja” tfisser bini fl-azjenda fejn tinżamm qatgħa ta’ tiġieġ; |
(h) |
“żona użabbli” tfisser żona mifruxa f’maqjel aċċessibbli fi kwalunkwe ħin għat-tiġieġ; |
(i) |
“densità ta’ l-istokkjar” tfisser il-piż totali ħaj ta’ tiġieġ li huma preżenti f’dar fl-istess waqt għal kull metru kwadru ta’ area li tista’ tiġi wżata; |
(j) |
“qatgħa” tfisser grupp ta’ tiġieġ li jitpoġġa f’binja ta’ azjenda u li huma preżenti f’din il-binja fl-istess ħin; |
(k) |
“rata ta’ mortalità ta’ kuljum” tfisser in-numru ta’ tiġieġ li mietu f’binja fl-istess ġurnata inkluż dawk li ġew maqtula minħabba mard jew minħabba raġunijiet oħra diviż bin-numru ta’ tiġieġ preżenti fil-binja f’dak il-jum; immultiplikat b’100; |
(l) |
“rata ta’ mortalità ta’ kuljum kumulattiva” tfisser it-total tar-rati ta’ mortalità ta’ kuljum. |
2. Id-definizzjoni ta’ “żona użabbli” fil-paragrafu 1 punt (h) rigward żoni mhux mifruxa tista’ titkompla skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11 wara r-riżultati ta’ opinjoni xjentifika ta’ l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta’ l-Ikel dwar l-impatt ta’ żoni mhux mifruxa fuq il-benesseri tat-tiġieġ.
Artikolu 3
Rekwiżiti għaż-żamma tat-tiġieġ
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
(a) |
il-binjiet kollha jikkonformaw mal-ħtiġiet imniżżla fl-Anness I; |
(b) |
l-ispezzjonijiet meħtieġa u l-monitoraġġ u s-segwitu, inkluż dawk previsti fl-Anness III, huma mwettqa mill-awtorità kompetenti jew il-veteranju uffiċjali. |
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-densità massima ta’ stokkjar f’ażjenda jew f’bini ta’ ażjenda ma teċċedi fl-ebda ħin 33 kg/m2.
3. Bħala deroga mill-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li t-tiġieġ jinżammu f’densità ta’ stokkjar ogħla sakemm is-sid jew kustodju jkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II, flimkien mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta tingħata deroga taħt il-paragrafu 3, id-densità massima ta’ stokkjar f’ażjenda jew f’bini ta’ ażjenda ma teċċedi fl-ebda ħin 39 kg/m2.
5. Meta jiġu sodisfatti l-kriterji mniżżla fl-Anness V, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li d-densità ta’ stokkjar massimu msemmija fil-paragrafu 4 tiżdied b’massimu ta’ 3 kg/m2.
Artikolu 4
Taħriġ u gwida għall-persuni involuti fil-qasam tat-tiġieġ
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kustodji li huma persuni fiżiċi rċevew taħriġ suffiċjenti dwar il-kompiti tagħhom u li korsijiet xierqa ta’ taħriġ huma disponibbli.
2. Il-korsijiet ta’ taħriġ imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkonċentraw fuq l-aspetti tal-benesseri u jkopru b’mod partikolari l-kwistjonijiet elenkati fl-Anness IV.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tkun stabbilita sistema għall-kontroll u l-approvazzjoni tal-korsijiet ta’ taħriġ. Il-kustodju tat-tiġieġ għandu jkun fil-pussess ta’ ċertifikat rikonoxxut mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru konċernat, li jafferma li dan ikun temm it-tali korsijiet ta’ taħriġ jew kiseb esperjenza ekwivalenti għal dan it-taħriġ.
4. L-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu l-esperjenza miksuba qabel it-30 ta’ Ġunju 2010 bħala ekwivalenti għall-parteċipazzjoni fit-tali korsijiet ta’ taħriġ u għandhom joħorġu ċertifikati li jaffermaw it-tali ekwivalenzi.
5. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-ħtiġiet imniżżla fil-paragrafi 1 sa 4 għandhom japplikaw ukoll għas-sidien.
6. Is-sid jew il-kustodju għandhom jipprovdu istruzzjonijiet u gwida dwar il-ħtiġiet tal-benesseri ta’ l-annimali rilevanti, inklużi dawk rigward il-metodi ta’ qtil ipprattikati fl-azjendi, lil persuni impjegati jew imqabbda minnhom biex jieħdu ħsieb it-tiġieġ jew jaqbduhom u jgħabbuhom.
Artikolu 5
Tikkettar tal-laħam tat-tjur
Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-introduzzjoni possibbli ta’ skema ta’ ttikkettar obbligatorja armonizzata speċifika għal-laħam tat-tiġieġ, il-prodotti tal-laħam u t-tħejjijiet abbażi ta’ konformità ma’ standards tal-benesseri ta’ l-annimali.
Dak ir-rapport għandu jikkunsidra implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi, effetti fuq l-imsieħba ekonomiċi tal-Komunità u konformità ta’ skema ta’ ttikkettar bħal din mar-regoli ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.
Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi xierqa li jqisu t-tali kunsiderazzjonijiet u l-esperjenza akkwistata mill-Istati Membri fl-applikar ta’ l-iskemi voluntarji ta’ ttikkettar.
Artikolu 6
Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
1. Abbażi ta’ opinjoni xjentifika ta’ l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà Alimentari, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010 rapport dwar l-influwenza ta’ parametri ġenetiċi dwar id-defiċjenzi identifikati li jirriżultaw f’nuqqas ta’ benesseri tat-tiġieġ. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat mill-proposti leġiżlattivi xierqa, jekk ikun meħtieġ.
2. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni r-riżultati tal-ġbir tad-data abbażi tal-monitoraġġ ta’ kampjun rappreżentattiv ta’ qatgħa maqtula matul perijodu ta’ mill-inqas sena. Sabiex jippermettu analiżi relevanti, it-teħid tal-kampjuni u l-ħtiġiet tad-data kif imsemmija fl-Anness III għandhom ikunu bbażati xjentifikament, oġġettivi u komparabbli, u stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11.
L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għall-ġbir ta’ data għall-fini ta’ din id-Direttiva.
3. Abbażi tad-data disponibbli u b’kont meħud ta’ evidenza xjentifika ġdida, il-Kummissjoni għandha, sa mhux iżjed tard mit-30 ta’ Ġunju 2012, tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u ta’ l-influwenza tiegħu fuq il-benesseri tat-tiġieġ, kif ukoll l-iżvilupp ta’ indikaturi tal-benesseri. Ir-rapport għandu jieħu kont tal-kondizzjonijiet u l-metodi ta’ produzzjoni differenti. Hija għandha wkoll tieħu kont ta’ l-implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi u amministrattivi ta’ din id-Direttiva inkluż l-aspetti reġjonali.
Artikolu 7
Spezzjoni
1. L-awtorità kompetenti għandha twettaq spezzjonijiet mhux diskriminatorji biex tivverifika l-konformità mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva.
Tali spezzjonijiet għandhom jitwettqu fuq proporzjon xieraq ta’ annimali miżmuma f’kull Stat Membru, skond id-dispożizzjonijiet rilevanti mniżżla mir-Regolament (KE) Nru 882/2004, u jistgħu jitwettqu fl-istess żmien ta’ kontrolli għal finijiet oħra.
L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ proċeduri xierqa biex jiddeterminaw id-densità ta’ l-istokkjar.
2. Kull sena sat-30 ta’ Ġunju l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni rapport annwali għas-sena ta’ qabel dwar l-ispezzjonijiet previsti fil-paragrafu 1. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat b’lista ta’ l-azzjonijiet l-iktar rilevanti meħuda mill-awtorità kompetenti biex jiġu indirizzati l-problemi ta’ benesseri prinċipali identifikati.
Artikolu 8
Gwidi għal prattika tajba ta’ maniġġar
L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ gwidi għal prattika tajba ta’ maniġġar li għandhom jinkludu gwida dwar il-konformità ma’ din id-Direttiva. Għandhom jiġu inkoraġġuti d-disseminazzjoni u l-użu ta’ tali gwidi.
Artikolu 9
Penali
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2010 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li tkun taffettwahom.
Artikolu 10
Poteri ta’ implimentazzjoni
Il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi ta’ din id-Direttiva jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11.
Artikolu 11
Proċedura tal-Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali, mwaqqfa mir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (12) (“il-Kumitat”).
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.
Il-perijodu msemmi fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal tliet xhur.
Artikolu 12
Traspożizzjoni
L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2010.
Meta Stati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.
Artikolu 13
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 14
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fil-Lussemburgu, 28 ta’ Ġunju 2007.
Għall-Kunsill
Il-President
S. GABRIEL
(1) Opinjoni tal-14 ta’ Frar 2006 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Opinjoni tas-26 ta’ Ottubru 2005 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) ĠU L 221, 8.8.1998, p. 23. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 806/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 1).
(4) ĠU L 323, 17.11.1978, p. 14. Konvenzjoni kif emendata bil-Protokoll ta’ emenda (ĠU L 395, 31.12.1992, p. 22).
(5) ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206. Verżjoni rettifikata fil-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 83. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).
(6) ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1. Verżjoni rettifikata fil-ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006.
(7) ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006.
(8) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1. Verżjoni rettifikata fil-ĠU C 4, 8.1.2004, p. 7.
(9) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/516/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).
(10) ĠU L 143, 7.6.1991, p. 11. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2029/2006 (ĠU L 414, 30.12.2006, p. 29).
(11) ĠU L 198, 22.7.1991, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 394/2007 (ĠU L 98, 13.4.2007, p. 3).
(12) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 575/2006 (ĠU L 100, 8.4.2006, p. 3).
ANNESS I
ĦTIĠIET APPLIKABBLI GĦALL-AZJENDI
Barra mid-dispożizzjonijiet rilevanti f’leġislazzjoni Komunitarja rilevanti oħra, għandhom japplikaw il-ħtiġiet li ġejjin:
Tagħmir minn fejn jixorbu l-annimali
1. |
It-tagħmir minn fejn jixorbu l-annimali għandu jitqiegħed u jkun mantenut b’tali mod li t-tixrid tal-likwidu jiġi minimizzat. |
Għalf
2. |
L-għalf għandu jkun jew disponibbli l-ħin kollu jew jingħalef u m’għandux jitneħħa minn ħdejn it-tiġieġ aktar minn 12-il siegħa qabel il-ħin previst tal-qatla. |
Mifrex
3. |
It-tiġieġ kollha għandhom ikollhom aċċess permanenti għal mifrex niexef b’wiċċ li jitrammel malajr. |
Ventilazzjoni u tisħin
4. |
Il-ventilazzjoni għandha tkun biżżejjed sabiex ma jkunx hemm sħana żejda u, fejn hu meħtieġ, flimkien ma’ sistemi ta’ tisħin sabiex titneħħa l-indewwa żejda. |
Storbju
5. |
Il-livell tal-ħoss għandu jiġi mminimizzat. Il-fannijiet għall-ventilazzjoni, il-makkinarju ta’ l-għalf jew tagħmir ieħor għandu jinbena, jitqiegħed, jitħaddem u jiġi mantenut b’tali mod li dan jikkawża l-anqas ammont ta’ storbju possibbli. |
Dawl
6. |
Il-binjiet kollha għandu jkollhom dawl b’intensità ta’ mill-inqas 20 lux matul il-perijodi mdawwla, ikkalkulat fil-livell tal-vista tat-tjur u li jdawwal mill-inqas 80 % taż-żona użabbli. Meta jkun meħtieġ jista’ jingħata permess għal tnaqqis temporanju fil-livell tad-dawl wara parir veterinarju. |
7. |
Fi żmien sebat ijiem minn meta t-tiġieġ ikunu tpoġġew fil-bini u sa tlett ijiem qabel il-ħin previst għall-qatla, id-dawl għandu jsegwi ritmu ta’ 24 siegħa u jkun jinkludi perijodi ta’ dlam li b’kollox idumu għal almenu 6 sigħat, b’mhux inqas minn perijodu wieħed ta’ almenu 4 sigħat ta’ dlam kontinwu. |
Spezzjoni
8. |
It-tiġieġ kollha miżmuma fl-azjenda iridu jiġu spezzjonati almenu darbtjen kuljum. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil sinjali li jindikaw livell imnaqqas ta’ benesseri ta’ l-annimali u/jew is-saħħa ta’ l-annimali. |
9. |
It-tiġieġ li jkunu korruti gravi jew li juru sinjali ċari ta’ diżordni ta’ saħħa, bħal dawk li jkollhom diffikultajiet biex jimxu, axxite gravi jew malformazzjonijiet gravi, u li aktarx ikunu qed ibatu, għandhom jingħataw il-kura adatta jew jinqatlu minnufih. Għandu jiġi kkuntattjat veterinarju kull meta jkun meħtieġ. |
Tindif
10. |
Dawk il-partijiet tal-bini, it-tagħmir jew l-għodod li jkollhom kuntatt mat-tiġieġ għandhom jitnaddfu u jiġu diżinfettati sew wara kull darba li titwettaq depopolazzjoni finali, qabel ma tiddaħħal qatgħa ġdida fil-binja. Wara t-tnaqqis finali tal-popolazzjoni ta’ binja, il-mifrex kollu għandu jitneħħa, u mifrex nadif għandu jiġi pprovdut. |
Żamma tar-rekords
11. |
Is-sid jew kustodju għandu jżomm rekord għal kull binja ta’ ażjenda ta’:
Dawk ir-rekords għandhom jinżammu għal perijodu ta’ almenu tliet snin u għandhom ikunu disponibbli għall-awtorità kompetenti meta din twettaq spezzjoni jew meta jintalbu għal xi raġuni oħra. |
Interventi kirurġiċi
12. |
L-interventi kirurġiċi kollha mwettqa għal raġunijiet oħra għajr għal għanijiet terapewtiċi jew djanjostiċi li jirriżultaw f’dannu għall-parti sensittiva tal-ġisem jew fit-telfien tagħha jew fl-alterazzjoni ta’ l-istruttura skeletali huma projbiti. Madankollu, il-qtugħ tal-munqar jista’ jiġi awtorizzat mill-Istati Membri meta jiġu eżawriti miżuri oħrajn għall-prevenzjoni tat-tnaqqir tar-rix jew tal-kannibaliżmu. F’tali każijiet, dan għandu jitwettaq biss wara konsultazzjoni jew fuq parir ta’ veterinarju u għandu jitwettaq minn persunal kwalifikat fuq tiġieġ li għandhom anqas minn għaxart ijiem. Barra minn dan, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-kastrazzjoni tat-tiġieġ. Il-kastrazzjoni għandha titwettaq biss taħt superviżjoni veterinarja minn persunal li jkun ingħata taħriġ speċifiku. |
ANNESS II
REKWIŻITI GĦALL-UŻU TA’ DENSITAJIET OGĦLA TA’ STOKKJAR
Notifika u dokumentazzjoni
Għandhom japplikaw il-ħtiġiet li ġejjin:
1. |
Is-sid jew il-kustodju għandu jikkomunika lill-awtorità kompetenti l-intenzjoni tiegħu li juża densità ta’ stokkjar ta’ aktar minn 33 kg/m2 f’piż ta’ annimali ħajjin. Huwa għandu jindika l-figura eżatta u jinforma lill-awtorità kompetenti dwar kwalunkwe bidla fl-użu ta’ densità ta’ stokkjar mill-anqas 15-il ġurnata qabel it-tqegħid tal-qatgħa fil-binja. Jekk mitluba mill-awtorità kompetenti, dik in-notifika għandha tkun akkompanjata b’dokument li jagħti sommarju ta’ l-informazzjoni li tinsab fid-dokumentazzjoni meħtieġa taħt il-punt 2. |
2. |
Is-sid u l-kustodju għandhom iżommu u jħallu disponibbli fil-binja dokumentazzjoni kompilata li tiddeskrivi fid-dettall is-sistemi ta’ produzzjoni. B’mod partikolari hija għandha tinkludi informazzjoni dwar dettalji tekniċi tal-binja u t-tagħmir bħal:
|
Id-dokumentazzjoni għandha tkun disponibbli għall-awtorità kompetenti kull meta tintalab u għandha tinżamm aġġornata. B’mod partikolari, għandhom jiġu rreġistrati l-ispezzjonijiet tekniċi tas-sistema ta’ l-allarm u l-ventilazzjoni.
Is-sid jew il-kustodju għandhom jikkomunikaw lill-awtorità kompetenti kwalunkwe bidla fil-binja, it-tagħmir jew il-proċeduri deskritti li x’aktarx jaffettwaw il-benesseri ta’ l-għasafar mingħajr dewmien żejjed.
Ħtiġiet għall-azjendi - kontroll tal-parametri ambjentali
3. |
Is-sid jew il-kustodju għandu jiżgura li kull binja ta’ azjenda tkun mgħammra b’sistemi ta’ ventilazzjoni u, jekk meħtieġ, tisħin u ffriskar imfassla, mibnija u mħaddma b’tali mod li:
|
ANNESS III
MONITORAĠĠ U AZZJONI TA’ SEGWITU FIL-BIĊĊERIJA
(kif imsemmija fl-Artikolu 3(1))
1. Mortalità
1.1. |
Fil-każ ta’ densitajiet ta’ stokkjar ogħla minn 33 kg/m2 id-dokumentazzjoni li takkumpanja l-qatgħa għandha tinkludi r-rata ta’ mortalità ta’ kuljum u r-rata ta’ mortalità kumulattiva ta’ kuljum ikkalkulata mis-sid jew il-kustodju u l-ibridu jew in-nisel tat-tiġieġ. |
1.2. |
Taħt is-sorveljanza tal-veterinarju uffiċjali din id-data kif ukoll in-numru ta’ brojlers mejta mal-wasla għandha tiġi rreġistrata, b’indikazzjoni ta’ l-azjenda u l-binja ta’ l-azjenda. Il-plawżibbiltà tad-data u r-rata ta’ mortalità ta’ kuljum kumulattiva għandha tiġi ċċekkjata b’kont meħud tan-numru ta’ brojlers maqtula u n-numru ta’ brojlers mejta mal-wasla fil-biċċerija. |
2. Spezzjoni post-mortem
Fil-kuntest tal-kontrolli mwettqa taħt ir-Regolament (KE) Nru 854/2004, il-veterinarju uffiċjali għandu jevalwa r-riżultati ta’ l-ispezzjoni post-mortem biex jidentifika indikazzjonijiet oħra possibbli ta’ kondizzjonijiet ta’ benesseri ħżiena bħal livelli mhux normali ta’ dermatite tal-kuntatt, parassitiżmu u mard sistematiku fl-azjenda jew fil-binja ta’ l-azjenda ta’ l-oriġini.
3. Komunikazzjoni tar-riżultati
Jekk ir-rata tal-mortalità kif imsemmija fil-paragrafu 1 jew ir-riżultati ta’ l-ispezzjoni post-mortem kif imsemmija fil-paragrafu 2 ikunu jaqblu ma’ kondizzjonijiet fqar ta’ benesseri ta’ l-annimali, il-veterinarju uffiċjali għandu jibgħat id-data lis-sid jew lill-kustodju ta’ l-annimali u lill-awtorità kompetenti. Is-sid jew il-kustodju ta’ l-annimali u l-awtorità kompetenti għandhom jieħdu l-azzjonijiet adegwati.
ANNESS IV
TAĦRIĠ
Il-korsijiet ta’ taħriġ imsemmija fil-punt (b) ta’ l-Artikolu 4(2) għandhom almenu jkopru l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tat-tiġieġ u b’mod partikolari l-kwistjonijiet li ġejjin:
(a) |
l-Annessi I u II; |
(b) |
il-fiżjoloġija, b’mod partikolari l-ħtiġijiet ta’ l-għalf u t-tisqija, l-imġiba ta’ l-annimali u l-kunċett ta’ l-istress; |
(ċ) |
l-aspetti prattiċi tal-maniġjar bir-reqqa tat-tiġieġ, u l-qbid, it-tgħabbija u t-trasport; |
(d) |
it-trattament tat-tiġieġ f’każ ta’ emerġenza, il-qtil u t-tbiċċir f’emerġenza; |
(e) |
miżuri preventivi ta’ bijosigurtà. |
ANNESS V
KRITERJI GĦALL-UŻU TA’ DENSITÀ TA’ STOKKJAR MIŻJUDA
(kif imsemmija fl-Artikolu 3(5))
1. Kriterji
(a) |
il-monitoraġġ ta’ l-azjenda imwettaq mill-awtorità kompetenti fl-aħħar sentejn ma żvela l-ebda defiċjenzi fir-rigward tal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva, u |
(b) |
il-monitoraġġ mis-sid jew mill-kustodju ta’ l-azjenda qed isir bl-użu tal-gwidi għall-prattika ta’ ġestjoni tajba msemmija fl-Artikolu 8, u |
(ċ) |
f’mill-anqas seba’ qtajja’ konsekuttivi, iċċekkjati sussegwentament minn dar, il-mortalità kumulattiva ta’ kull ġurnata kienet taħt 1 % + 0.06 % multiplikata mill-età tal-qatla tal-qatgħa f’jiem. |
Jekk ma twettaq l-ebda monitoraġġ mill-awtorità kompetenti fl-aħħar sentejn, mill-inqas monitoraġġ wieħed għandu jitwettaq biex jiġi vverifikat jekk il-ħtieġa a) ġietx sodisfatta.
2. Ċirkostanzi eċċezzjonali
Permezz ta’ deroga minn 1 ċ), l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi żżid id-densità ta’ l-istokk meta s-sid jew il-kustodju jkunu taw spjegazzjoni suffiċjenti għan-natura eċċezzjonali ta’ rata akbar ta’ mortalità kumulattiva ta’ kuljum jew ikun wera li l-kawżi jinsabu barra mill-kontroll tiegħu.