Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0050

    2005/50/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 17 ta' Jannar 2005 dwar l-użu armonizzat tal-faxxa tal-ispettru tar-radju ta’ 24 GHz għall-użu limitat biż-żmien ta’ tagħmir bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi fil-Komunità (notifikata bid-dokument numru C(2005) 34) Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 21, 25.1.2005, p. 15–20 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 322M, 2.12.2008, p. 62–67 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 14/11/2017

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/50(1)/oj

    2.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    62


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-17 ta' Jannar 2005

    dwar l-użu armonizzat tal-faxxa tal-ispettru tar-radju ta’ 24 GHz għall-użu limitat biż-żmien ta’ tagħmir bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi fil-Komunità

    (notifikata bid-dokument numru C(2005) 34)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2005/50/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju) (1), b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Ġunju 2003 dwar “Programm t’Azzjoni Ewropea għas-Sigurtà fit-Toroq — Tnaqqis ta’ ħamsin fil-mija tan-numru ta’ vittmi tat-toroq fl-Unjoni Ewropea minn issa sa l-2010: responsabbiltà komuni” (2) tistabbilixxi metodu koerenti għas-sikurezza fit-toroq fl-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Settembru 2003, intitolata “It-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni għal Vetturi Sikuri u Intelliġenti” (3), il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li ttejjeb is-sikurezza fit-toroq fl-Ewropa, magħrufa bħala l-inizjattiva eSafety, billi tuża teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni ġodda kif ukoll sistemi ta’ sikurezza fit-toroq intelliġenti, bħalma huwa t-tagħmir bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi. Fil-5 ta’ Diċembru 2003 fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar is-sikurezza fit-toroq (4) il-Kunsill talab ukoll għat-titjib fis-sikurezza tal-vetturi bil-promozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda bħalma hija s-sikurezza elettronika.

    (2)

    L-iżvilupp mgħaġġel u kkoordinat kif ukoll l-użu ta’ sistemi bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi fil-Komunità jeħtieġu faxxa ta’ frekwenza tar-radju armonizzata li tkun disponibbli għal din l-applikazzjoni fil-Komunità mingħajr dewmien u fuq bażi stabbli, sabiex tforni l-fiduċja meħtieġa għall-industrija ħalli din tagħmel l-investimenti meħtieġa.

    (3)

    Fil-5 ta’ Awwissu 2003, minħabba din l-armonizzazzjoni, il-Kummissjoni ħarġet mandat, skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 676/2002/KE, lill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (CEPT), biex din tarmonizza l-ispettru tar-radju u tiffaċilita l-introduzzjoni kkoordinata ta’ sistemi bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi.

    (4)

    Bħala riżultat ta’ dak il-mandat, il-faxxa ta’ frekwenza ta’ 79 GHz tal-ispettru tar-radju ġiet identifikata mis-CEPT bħala l-aktar frekwenza tar-radju adattata għall-iżvilupp u l-użu fit-tul ta’ sistemi bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi, bl-introduzzjoni ta’ din il-miżura tkun sa mhux aktar tard minn Jannar 2005. Għalhekk, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2004/545/KE tat-8 ta’ Lulju 2004 dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju fil-faxxa ta’ frekwenza ta’ 79 GHz għall-użu ta’ sistemi ta’ radar ta’ medda qasira għall-vetturi fil-Komunità (5).

    (5)

    Madankollu, it-teknoloġija tar-radar ta’ medda qasira għall-vetturi fil-frekwenza tar-radju ta’ 79 GHz għadha qiegħda tiġi żviluppata u mhijiex disponibbli minnufih fuq bażi ta’ nfiq effettiv, għalkemm huwa mifhum li l-industrija sejra tippromwovi l-iżvilupp ta’ din it-teknoloġija sabiex din tkun disponibbli kemm jista’ jkun malajr.

    (6)

    Fir-rapport tagħha tad-9 ta’ Lulju 2004 lill-Kummissjoni Ewropea, taħt il-mandat tal-5 ta’ Awwissu 2003, is-CEPT identifikat il-frekwenza tar-radju ta’ 24 GHz bħala soluzzjoni temporanja li tippermetti l-introduzzjoni bikrija ta’ sistemi bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi fil-Komunità sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-inizjattiva e-Safety, minħabba li f’dik il-frekwenza, it-teknoloġija hija meqjusa bħala matura biżżejjed sabiex tkun tista’ titħaddem fiha. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa bbażati fuq is-sitwazzjoni nazzjonali partikolari tagħhom fir-rigward tal-ispettru tar-radju, sabiex fuq bażi armonizzata dawn jagħmlu l-ispettru tar-radju disponibbli biżżejjed fil-frekwenza tar-radju ta’ 24 GHz (21,625-26,625 GHz), filwaqt li jipproteġu s-servizzi eżistenti li jiffunzjonaw f’dik il-frekwenza minn interferenza dannuża.

    (7)

    Skont in-nota f’qiegħ il-paġna 5.340 tar-Regolamenti tar-Radju tal-ITU, l-emissjonijiet kollha huma pprojbiti fil-frekwenza ta’ 23,6-24 GHz, sabiex jiġi protett l-użu fuq bażi primarja ta’ din il-frekwenza mis-servizzi tal-astronomija tar-radju, tal-esplorazzjoni tad-dinja bis-satellita u tar-riċerka spazjali (passivi). Din il-projbizzjoni hija ġustifikata bil-fatt li interferenza dannuża għal dawn is-servizzi minħabba emissjonijiet f’dik il-frekwenza tar-radju ma tistax tiġi tollerata.

    (8)

    In-Nota f’qiegħ il-paġna 5.340 hija soġġetta għall-implimentazzjoni nazzjonali u tista’ tiġi applikata flimkien mal-Artikolu 4.4. tar-Regolamenti tar-Radju, skont liema l-ebda frekwenza m’għandha tingħata lil stazzjon b’deroga għar-Regolamenti tar-Radju, ħlief bil-kundizzjoni espressa li dan l-istazzjon, meta jagħmel użu minn din l-assenzjazzjoni ta’ frekwenza, ma jikkawża l-ebda interferenza dannuża lil stazzjon li jkun qiegħed jaħdem skont id-dispożizzjoni tar-regoli tal-ITU. Għalhekk, fir-rapport tiegħu lill-Kummissjoni, is-CEPT saħaq li n-Nota f’qiegħ il-paġna 5.340 ma timpedixxix strettament lill-amministrazzjonijiet milli jużaw frekwenzi tar-radju li jaqgħu taħt in-Nota f’qiegħ il-paġna, sakemm dawn la jkunu servizzi li jħallu impatt fuq amministrazzjonijiet oħra u lanqas jippruvaw ikollhom għarfien internazzjonali skont l-ITU għal dan l-użu.

    (9)

    Il-faxxa ta’ frekwenza ta’ 23,6-24 GHz hija ta’ interess primarju għall-komunitajiet xjentifiċi u meteoroloġiċi sabiex ikejlu l-kontenut ta’ fwar li huwa essenzjali sabiex titkejjel it-temperatura għas-servizz tal-esplorazzjoni tad-dinja bis-satellita. B’mod partikolari, din il-frekwenza għandha rwol importanti fl-inizjattiva Il-Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sikurezza (GMES) li timmira għal sistema ta’ twissija operattiva Ewropea. Il-faxxa ta’ frekwenza ta’ 22,21-24 GHz hija meħtieġa wkoll sabiex tkejjel il-linji spettrali ta’ ammonja u ilma kif ukoll id-diversi osservazzjonijiet li jsiru għas-servizz tal-astronomija bir-radju.

    (10)

    Il-faxex ta’ 21,2-23,6 GHz u 24,5-26.5 GHz huma allokati għas-servizz fiss fuq bażi primarja fir-Regolamenti tar-Radju tal-ITU u jintużaw b’mod estensiv minn konnessjonijiet fissi sabiex jintlaħaq ir-rekwiżit tal-infrastruttura għal netwerks mobbli 2G u 3G eżistenti u sabiex jiġu żviluppati netwerks bla fili fissi f’faxxa wiesgħa.

    (11)

    Abbażi ta’ dawn l-istudji dwar il-kompatibbiltà tas-sistemi bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi ma’ servizzi fissi, mas-servizzi tal-esplorazzjoni tad-dinja bis-satellita u mas-servizzi tar-radjuastronomija, is-CEPT ikkonkluda li l-użu illimitat ta’ sistemi bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi fil-frekwenza tar-radju ta’ 24 GHz joħloq interferenza dannuża mhux aċċettabbli għall-applikazzjonijiet tar-radju eżistenti li bħalissa qed joperaw f’din il-frekwenza. Meta wieħed jikkunsidra r-Regolamenti tar-Radju tal-ITU kif ukoll l-importanza ta’ dawn is-servizzi, kwalunkwe introduzzjoni ta’ sistemi bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi fil-frekwenza ta’ 24 GHz tista’ ssir biss fuq kundizzjoni li dawn is-servizzi f’din il-frekwenza jkunu protetti b’mod suffiċjenti. F’dan ir-rigward, waqt li s-sinjal li joħroġ minn tagħmir bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi ikun baxx ħafna fil-parti l-kbira tal-faxxa ta’ frekwenza ta’ 24 GHz, huwa importanti li jitqies l-effett kumulattiv tal-użu ta’ dan it-tagħmir, li fuq bażi individwali jista’ ma jikkawżax interferenza dannuża.

    (12)

    Skont is-CEPT, li kieku kellu jiżdied ċertu livell ta’ peneterazzjoni ta’ vetturi li jużaw il-frekwenza ta’ 24 GHz għal sistemi bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi, l-applikazzjonijiet eżistenti li joperaw fi jew madwar il-faxxa ta’ 24 GHz se jkomplu jsofru minn livelli sinjifikanti ta’ interferenza dannuża. Is-CEPT ikkonkluda b’mod partikolari li kodiviżjoni bejn is-servizzi tal-esplorazzjoni tad-dinja bis-satellita u s-sistemi bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi tista’ tkun possibbli biss fuq bażi temporanja jekk il-perċentwal ta’ vetturi mgħammra b’sistemi bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi li jużaw il-frekwenza tar-radju ta’ 24 GHz ikun limitat għal 7,0 % f’kull suq nazzjonali. Waqt li dan il-perċentwal ġie kkalkulat fuq il-bażi ta’ EESS pixels, is-swieq nazzjonali jintużaw bħala r-referenza li fuqha jiġi kkalkulat il-limitu, peress li dan jirrappreżenta l-aktar mezz effettiv ta’ kif isir dan il-monitoraġġ.

    (13)

    Barra minn hekk, ir-rapport tas-CEPT ikkonkluda li sabiex jinżammu r-rekwiżiti ta’ protezzjoni tas-servizz fiss, il-kodiviżjoni ma’ sistemi bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi huwa possibbli biss fuq bażi temporanja jekk il-perċentwal ta’ vetturi mgħammra b’sistemi bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi li jkunu fil-viċinanzi ta’ riċevitur ta’ servizz fiss ikun limitat għal inqas minn 10 %.

    (14)

    Għalhekk huwa preżunt, fuq il-bażi tax-xogħol imwettaq mis-CEPT, li m’għandha tiġi kkawżata l-ebda interferenza dannuża lil utenti oħrajn tal-frekwenza jekk in-numru totali ta’ vetturi reġistrati, impoġġija fis-suq jew fis-servizz, u li jkunu mgħammra b’sistemi bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi li jużaw il-frekwenza tar-radju ta’ 24 GHz, ma jaqbiżx il-livell ta’ 7 % tan-numru totali ta’ vetturi fiċ-ċirkolazzjoni f’kull Stat Membru.

    (15)

    Bħalissa mhuwiex mistenni li dan il-limitu se jintlaħaq qabel id-Data ta’ Referenza tat-30 ta’ Ġunju 2013.

    (16)

    Diversi Stati Membri jużaw ukoll il-frekwenza ta’ 24 GHz għal sistemi ta’ kontroll tal-veloċità bir-radar li jikkontribwixxu għas-sikurezza fit-traffiku. L-istudji tal-kumpatibbiltà li saru fid-data tal-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni fuq sistemi bir-radar ta’ medda qasira li jużaw il-frekwenza ta’ 24 GHz u li jiffunzjonaw skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi xierqa kif ukoll fuq sistemi ta’ kontroll tal-veloċità bir-radar li jiffunzjonaw fil-frekwenza tar-radju ta’ 24 GHz ma urew l-ebda evidenza ta’ interferenza problematika. Għalhekk l-amministrazzjonijiet nazzjonali kkonkludew li l-affidabbiltà ta’ dawn is-sistemi ta’ kontroll tal-veloċità bir-radar ma tiġi affettwata bl-ebda mod mis-sistemi bir-radar ta’ medda qasira li jużaw il-frekwenza tar-radju ta’ 24 GHz. Diversi amministrazzjonijiet nazzjonali rrakkomandaw li jistudjaw aktar din il-kwistjoni qabel id-data tal-għeluq għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

    (17)

    Ċerti Stati Membri fil-ġejjieni se jużaw il-frekwenza ta’ 21,4-22 GHz għal Servizz ta’ Xandir bis-Satellita fid-direzzjoni mill-ispazju għad-dinja. Wara studji tal-kumpatibbilità, l-amministrazzjonijiet nazzjonali rilevanti kkonkludew li ma jkun hemm l-ebda problema ta’ kumpatibbilità jekk l-emissjonijiet mis-sistemi bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi jkunu limitati għal mhux aktar minn –61,3 dBm/MHz għall-frekwenzi taħt it-22 GHz.

    (18)

    Il-Kummissjoni, megħjuna mill-Istati Membri, teħtieġ li żżomm dawn il-preżunzjonijiet u l-prekawzjonijiet li saret referenza għalihom aktar ’il fuq taħt reviżjoni oġġettiva u proporzjonata kontinwa sabiex, fuq il-bażi ta’ evidenza konkreta, tevalwa jekk il-limitu ta’ 7 % jinkisirx fi kwanlunkwe suq nazzjonali qabel id-Data ta’ Referenza, jekk ġietx ikkawżata jew jekk huwiex probabbli li tiġi ikkawżata interferenza dannuża f’perjodu ta’ żmien qasir lil utenti oħra tal-frekwenza minħabba l-ksur tal-limitu ta’ 7 % fi kwalunkwe suq nazzjonali, jew jekk ġietx ikkawżata interferenza dannuża lil utenti oħra tal-frekwenza anke taħt dak il-limitu.

    (19)

    Għalhekk, bħala riżultat tal-informazzjoni li ssir disponibbli bħala parti mill-proċess ta’ reviżjoni, il-modifikazzjonijiet għad-Deċiżjoni preżenti jistgħu jirriżultaw li jkunu meħtieġa, b’mod partikolari sabiex jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda interferenza dannuża li tiġi kkawżata lil utenti oħrajn tal-frekwenza.

    (20)

    Għalhekk, ma jista’ jkun hemm l-ebda eċċezzjoni biex il-frekwenza ta’ 24 GHz tkompli tkun disponibbli għal sistemi bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi sad-Data ta’ Referenza, jekk kwalunkwe waħda mill-preżunzjonijiet imsemmija fuq turi li ma kinitx valida fi kwalunkwe żmien.

    (21)

    Sabiex jiffaċilitaw u jagħmlu aktar effettiv il-monitoraġġ tal-użu tal-frekwenza ta’ 24 GHz kif ukoll il-proċess ta’ reviżjoni, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jibbażaw aktar direttament fuq il-fabbrikanti u l-importaturi għall-informazzjoni meħtieġa li tirrigwarda l-proċess ta’ reviżjoni.

    (22)

    Kif rappuratat mis-CEPT, il-kodiviżjoni bejn is-sistemi bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi u s-servizz tar-radjuastronomija fil-faxxa ta’ frekwenza ta’ 22.21-24 GHz tista’ twassal għal interferenza dannuża għal dan tal-aħħar kieku l-vetturi mgħammra b’radar ta’ medda qasira kellhom jitħallew joperaw mingħajr xkiel f’ċerta distanza minn kull stazzjoni tar-radjuastronomija. Għalhekk, u meta wieħed iqis li d-Direttiva 1999/5/KE teħtieġ li għandu jinbena tagħmir tar-radju sabiex jiġu evitati interferenzi dannużi, is-sistemi bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi li joperaw fil-frekwenza ta’ 23,6-24 GHz u li jintużaw mis-servizzi tar-radjuastronomija għandhom jintfew meta jkunu għaddejjin minn dawn iż-żoni. L-istazzjonijiet tar-radjuastronomija rilevanti u ż-żoni ta’ esklużjoni assoċjati tagħhom għandhom jiġu definiti u ġustifikati mill-amministrazzjonijiet nazzjonali.

    (23)

    Sabiex tkun effettiva u affidabbli, din l-inattivazzjoni l-aħjar li ssir b’mod awtomatiku. Madankollu, sabiex ikun hemm implimentazzjoni bikrija ta’ tagħmir bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi fil-frekwenza ta’ 24 GHz, jista’ jitħalla numru limitat ta’ trażmettituri b’inattivazzjoni manwali peress li, b’dan l-użu limitat, il-probabbiltà li jikkawża interferenza dannuża lis-servizz tar-radjuastronomija x’aktarx tibqa’ baxxa.

    (24)

    L-introduzzjoni temporanja ta’ radar ta’ medda qasira għall-vetturi fil-frekwenza ta’ 24 GHz għandha karattru eċċezzjonali u m’għandhiex tiġi kkunsidrata bħala preċedent għall-introduzzjoni possibbli ta’ applikazzjonijiet oħra fil-faxex ta’ frekwenza fejn tapplika n-Nota f’qiegħ il-paġna 5.340 tar-Regolamenti tar-Radju tal-ITU, kemm jekk tkun għal użu temporanju kif ukoll għal użu permanenti. Barra minn hekk, ir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi m’għandux jiġi kkunsidrat bħala servizz ta’ sikurezza għall-ħajja skont ir-Regolamenti tar-Radju tal-ITU, u dan m’għandux jopera fuq il-kundizzjoni bla interferenza u bla protezzjoni. Barra minn hekk, ir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi m’għandux jikkostrinġi l-iżvilupp futur, fl-użu tal-faxxa ta’ frekwenza ta’ 24 GHz, ta’ applikazzjonijiet li huma protetti bin-Nota f’qiegħ il-paġna 5.340.

    (25)

    It-tpoġġija fis-suq u l-funzjonament ta’ tagħmir bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi fil-frekwenza ta’ 24 GHz taħt forma ta’ tagħmir indipendenti jew mgħammar mod ieħor f’vetturi li huma diġà fis-suq, jista’ ma jkunx kumpatibbli mal-għan li tiġi evitata interferenza dannuża għall-applikazzjonijiet tar-radju eżistenti li joperaw f’din il-faxxa ta’ frekwenza, peress li dan jista’ jwassal għall-proliferazzjoni mhux ikkontrollata ta’ dan it-tagħmir. Bil-kontra, ikun eħfef li jiġi kkontrollat l-użu ta’ dawn is-sistemi fil-faxxa ta’ frekwenza ta’ 24 GHz jekk dawn ikunu elementi minn integrazzjoni kumplessa ta’ kejbils tal-elettriku, tad-diżinn tal-vettura u tal-pakkett tas-softwer tal-vettura u jiġu installati oriġinarjament f’vettura ġdida, jew bħala sostituzzjoni ta’ tagħmir bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi li oriġinarjament ikun ġie diġà installat fihom.

    (26)

    Din id-Deċiżjoni tapplika filwaqt li tikkunsidra, u mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta’ Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi bil-mutur u t-trejler tagħhom (6) u d-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali tat- telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom (7).

    (27)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma b’mod konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ispettru tar-Radju,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Din id-Deċiżjoni għandha l-għan li tarmonizza l-kundizzjonijiet għad-disponibbilità u l-użu effiċjenti tal-faxxa ta’ frekwenza ta’ 24 GHz tal-ispettru tar-radju għal tagħmir bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi.

    Artikolu 2

    Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “il-faxxa ta’ frekwenza ta’ 24 GHz tal-ispettru tar-radju” tfisser il-faxxa ta’ frekwenza bejn 21.625 u 26.625 GHz;

    (2)

    “tagħmir bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi” tfisser tagħmir bir-radar installat fil-vetturi tat-toroq li jintużaw għal applikazzjonijiet ta’ mitigazzjoni ta’ ħabtiet u ta’ sikurezza tat-traffiku;

    (3)

    “tagħmir bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi li jitqiegħed fis-servizz fil-Komunità” tfisser tagħmir bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi li kien diġà installat oriġinarjament jew li jissostitwixxi tagħmir li kien diġà installat oriġinarjament fil-vettura li se tiġi jew li ġiet irreġistrata, impoġġija fis-suq jew fis-servizz fil-Komunità;

    (4)

    “fuq bażi bla interferenza u bla protezzjoni” tfisser li ma jistgħux jiġu kkawżati interferenzi dannużi lil utenti oħra tal-faxxa ta’ frekwenza u ma tista’ ssir l-ebda talba għall-protezzjoni minn interferenza dannuża li tkun ġejja minn sistemi jew servizzi oħra li joperaw f’dik il-faxxa ta’ frekwenza;

    (5)

    “Data ta’ Referenza” tfisser it-30 ta’ Ġunju 2013;

    (6)

    “Data ta’ Tranżizzjoni” tfisser il-31 ta’ Diċembru 2007;

    (7)

    “vettura” tfisser kwalunkwe vettura kif definita bl-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/37/KE;

    (8)

    “impoġġi fis-suq” tfisser preżenti fiżikament u lest għall-bejgħ fil-Komunità;

    (9)

    “inattivazzjoni” tfisser it-tmiem ta’ emissjonijiet minn tagħmir bir-radar b’medda qasira għall-vetturi.

    (10)

    “żona esklussiva” tfisser iż-żona ċirkulari madwar stazzjon tar-radjuastronomija definit b’raġġ ekwivalenti għal distanza speċifika mill-istazzjon, kif speċifikat fl-Anness 2.

    Artikolu 3

    Il-faxxa ta’ frekwenza ta’ 24 GHz tal-ispettru tar-radju għandha tintgħażel u tkun disponibbli kemm jista’ jkun malajr u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2005, fuq kundizzjoni bla interferenza u bla protezzjoni, għal tagħmir bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi li jitqiegħed fis-servizz fil-Komunità u jkun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 u l-Artikolu 6.

    Il-faxxa ta’ frekwenza ta’ 24 GHz tal-ispettru tar-radju għandha tibqa’ disponibbli sad-Data ta’ Referenza.

    Wara dik id-data, il-faxxa ta’ frekwenza ta’ 24 GHz m’għandhiex tibqa’ disponibbli għal tagħmir bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi installat fuq kwalunkwe vettura, ħlief fejn dak it-tagħmir ikun ġie installat oriġinarjament, jew ikun jissostitwixxi tagħmir diġà installat f’vettura reġistrata fil-Komunità li tkun tpoġġiet fis-servizz jew fis-suq qabel dik id-data.

    Artikolu 4

    Il-faxxa ta’ frekwenza ta’ 24 GHz tal-ispettru tar-radju għandha tkun disponibbli għall-parti tal-medda ultra-wiesgħa tat-tagħmir bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi b’densità ta’ qawwa medja massima ta’ –41,3 dBm/MHz qawwa iżotropika radjata effettiva (e.i.r.p.) u bl-ogħla densità ta’ qawwa ta’ 0 dBm/50MHz e.i.r.p.

    Il-faxxa ta’ frekwenza ta’ 24.05-24.25 GHz tal-ispettru tar-radju ntgħażlet għall-modalità/komponent ta’ emissjoni fi frekwenza dejqa, li jista’ jikkonsisti minn trasportatur mhux modulat, b’qawwa ta’ intensità massima ta’ 20 dBm e.i.r.p.

    L-emissjonijiet fil-limiti tal-faxxa ta’ frekwenza ta’ 23.6-24 GHz li jidhru fi 30° jew iktar ’il fuq mill-pjan orizzontali għandhom jitnaqqsu b’mill-inqas 25 dB għal tagħmir bir-radar ta’ medda qasira li jitqiegħed fis-suq qabel l-2010, u b’mill-inqas 30 dB wara dik id-data.

    Artikolu 5

    1.   Il-kontinwazzjoni tad-disponibbiltà tal-faxxa ta’ frekwenza ta’ 24 GHz għal applikazzjonijiet bir-radar ta’ medda qasira għandha tkun is-suġġett ta’ skrutinju dettaljat sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda interferenza dannuża lill-utenti l-oħrajn tal-medda, b’mod partikolari bil-verifika f’waqtha ta’:

    (a)

    in-numru totali ta’ vetturi reġistrati, impoġġija fis-suq jew fis-servizz mgħammra b’radar ta’ medda qasira għall-vetturi li juża l-faxxa ta’ frekwenza ta’ 24 GHz f’kull Stat Membru, sabiex jiġi verifikat li dan in-numru ma jaqbiżx il-livell ta’ 7 % tan-numru totali ta’ vetturi fiċ-ċirkulazzjoni f’kull Stat Membru;

    (b)

    jekk l-Istati Membri, jew il-fabbrikanti u l-importaturi, fornewx informazzjoni adegwata rigward in-numru ta’ vetturi mgħammra b’radar ta’ medda fil-frekwenza ta’ 24 GHz sabiex jiġi sorveljat b’mod effettiv l-użu tal-faxxa ta’ frekwenza ta’ 24 GHz minn tagħmir bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi;

    (c)

    jekk l-użu individwali jew kumulattiv tar-radar ta’ medda qasira għall-vetturi fil-frekwenza ta’ 24 GHz ikunx qed jikkawża, jew jistax jikkawża f’perjodu qasir, interferenza dannuża lil utenti oħrajn fil-faxxa ta’ frekwenza ta’ 24 GHz jew fil-faxex li jmissu magħha f’mill-inqas Stat Membru wieħed, minkejja jekk il-limitu msemmi f’(a) intlaħaqx jew le;

    (d)

    jekk id-Data ta’ Referenza għadhiex adegwata.

    2.   Flimkien mal-proċess ta’ reviżjoni msemmi fil-paragrafu 1, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009 għandha ssir Reviżjoni Fundamentali sabiex jiġi vverifikat jekk l-ipoteżijiet inizjali dwar il-funzjonament tar-radar ta’ medda qasira għall-vetturi fil-frekwenza 24 GHz għadhomx validi, kif ukoll sabiex jiġi vverifikat jekk l-iżvilupp tat-teknoloġija tar-radar ta’ medda qasira għall-vetturi fil-faxxa ta’ frekwenza ta’ 79 GHz huwiex miexi ’l quddiem b’tali mod li jiżgura li l-applikazzjonijiet bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi li jiffunzjonaw f’din il-frekwenza tal-ispettru tar-radju jkunu disponibbli mill-1 ta’ Lulju 2013.

    3.   Ir-Reviżjoni Fundamentali tista’ tinbeda permezz ta’ talba motivata minn Membru tal-Kumitat dwar l-Ispettru tar-Radju, jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess.

    4.   L-Istati Membri għandhom jgħinu lill-Kummissjoni sabiex twettaq ir-reviżjonijiet msemmija fil-paragrafi 1 u 2, billi jiżguraw li l-informazzjoni meħtieġa tinġabar u tiġi fornuta lill-Kummissjoni f’waqtha, b’mod partikolari l-informazzjoni stabbilita fl-Anness 1.

    Artikolu 6

    1.   It-tagħmir bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi li jkunu installati fil-vetturi għandhom jaħdmu biss meta l-vettura tkun fi stat ta’ attività.

    2.   It-tagħmir bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi li jitqiegħed fis-servizz fil-Komunità għandu jiżgura l-protezzjoni tal-istazzjonijiet tar-radjuastronomija li joperaw fil-faxxa ta’ frekwenza 23.6-24 GHz tal-ispettru tar-radju, u li huma elenkati fl-Anness 2 [definiti fl-Artikolu 7], permezz ta’ inattivazzjoni awtomatika fiż-żona ta’ esklużjoni definita jew permezz ta’ teknoloġija oħra li tforni protezzjoni ekwivalenti lil dawk l-istazzjonijiet mingħajr l-intervent tas-sewwieq.

    3.   B’deroga mill-paragrafu 2, l-inattivazzjoni manwali tiġi aċċetata għal tagħmir bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi li jitqiegħed fis-servizz fil-Komunità u li jaħdem fil-faxxa ta’ frekwenza ta’ 24 GHz tal-ispettru tar-radju qabel id-Data ta’ Tranżizzjoni.

    Artikolu 7

    Kull Stat Membru għandu jiddetermina l-istazzjonijiet tar-radjuastronomija nazzjonali rilevanti li joperaw fil-faxxa ta’ frekwenza ta’ 23.6-24 GHz tal-ispettru tar-radju li jridu jiġu protetti skont l-Artikolu 6(2) fit-territorju tiegħu kif ukoll il-karatteristiċi taż-żoni ta’ esklużjoni ta’ kull stazzjon. Din l-informazzjoni, appoġġjata b’ġustifikazzjoni xierqa, għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.]

    Artikolu 8

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 17 ta' Jannar 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Viviane REDING

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

    (2)  COM (2003)311.

    (3)  COM (2003)542.

    (4)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar is-sikurezza fit-toroq, 15058/03 TRANS 307.

    (5)  ĠU L 241, 13.7.2004, p. 66.

    (6)  ĠU L 42, 23.2.1970, p. 1.

    (7)  ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10.


    ANNESS

    Informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi sorveljat l-użu tal-faxxa ta’ frekwenza ta’ 24 GHz minn tagħmir bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi

    Dan l-Anness jistabbilixxi d-data meħtieġa sabiex tiġi vverifikata r-rata ta’ penetrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur mgħammra b’tagħmir bir-radar ta’ medda qasira f’kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 5. Din id-data għandha tintuża għall-kalkolu tal-proporzjon ta’ vetturi mgħammra b’tagħmir bir-radar ta’ medda qasira li juża l-frekwenza ta’ 24 GHz meta mqabbel man-numru totali ta’ vetturi li hemm fiċ-ċirkulazzjoni f’kull Stat Membru.

    Id-data li ġejja trid tinġabar fuq bażi annwali:

    (1)

    In-numru ta’ vetturi mgħammra b’tagħmir bir-radar ta’ medda qasira li juża l-faxxa ta’ frekwenza ta’ 24 GHz, li jiġu manifatturati u/jew impoġġija fis-suq u/jew irreġistrati għall-ewwel darba matul is-sena ta’ referenza fil-Komunità;

    (2)

    In-numru ta’ vetturi mgħammra b’tagħmir bir-radar ta’ medda qasira li juża l-faxxa ta’ frekwenza ta’ 24 GHz li jiġu impurtati minn barra l-Komunità matul is-sena ta’ referenza;

    (3)

    In-numru totali ta’ vetturi fiċ-ċirkolazzjoni matul is-sena ta’ referenza.

    Id-data kollha trid tkun akkumpanjata b’evalwazzjoni dwar l-inċertezza relatata mal-informazzjoni.

    Barra d-data msemmija hawn fuq, kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li tista’ tgħin lill-Kummissjoni sabiex din iżżomm ħarsa ġenerali xierqa dwar l-użu kontinwat tal-faxxa ta’ frekwenza ta’ 24 GHz bit-tagħmir bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi għandha tkun disponibbli f’waqtha, inkluża informazzjoni dwar:

    ix-xejriet kurrenti u futuri tas-suq, kemm fi u barra l-Komunità;

    il-bejgħ u t-twaħħil tat-tagħmir wara li tkun inxtrat il-vettura;

    l-istat tal-progress ta’ teknoloġiji u applikazzjonijiet alternattivi, b’mod partikolari tagħmir bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi li jaħdem fil-faxxa ta’ frekwenza ta’ 79 GHz skont id-Deċiżjoni 2004/545/KE.


    Top