Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0066

    Kawża C-66/22: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Portugall) fit-2 ta’ Frar 2022 – Infraestruturas de Portugal, SA, Futrifer Indústrias Ferroviárias, SA vs Toscca Equipamentos de Madeira Lda

    ĠU C 207, 23.5.2022, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 207, 23.5.2022, p. 11–12 (GA)

    23.5.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 207/12


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Portugall) fit-2 ta’ Frar 2022 – Infraestruturas de Portugal, SA, Futrifer Indústrias Ferroviárias, SA vs Toscca Equipamentos de Madeira Lda

    (Kawża C-66/22)

    (2022/C 207/17)

    Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

    Qorti tar-rinviju

    Supremo Tribunal Administrativo

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Infraestruturas de Portugal, SA, Futrifer Indústrias Ferroviárias, SA

    Konvenut: Toscca Equipamentos de Madeira Lda

    Domandi preliminari

    1)

    Ir-raġuni għal esklużjoni prevista fl-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (1) tikkostitwixxi “riżerva ta’ deċiżjoni” tal-awtorità kontraenti?

    2)

    Il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jissostitwixxi kompletament id-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-awtorità kontraenti skont l-Artikolu 57(4)(d) tad-Diretiva 2014/24/UE b’deċiżjoni (jiġifieri, bl-effetti ta’ deċiżjoni) ġenerika tal-Awtorità għall-Kompetizzjoni li tapplika sanzjoni anċillari ta’ projbizzjoni minn parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi matul perijodu speċifiku, adottata fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ multa minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni?

    3)

    Id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti dwar l-“affidabbiltà” tal-operatur ekonomiku fid-dawl tal-osservanza (jew in-nuqqas ta’ osservanza) tar-regoli tad-dritt dwar il-kompetizzjoni barra mill-proċedura konkreta ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għandha tinftiehem li teħtieġ evalwazzjoni bbażata fuq in-natura xierqa relattiva ta’ dan l-operatur ekonomiku, li tagħmel parti minn espressjoni konkreta tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, previst fl-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

    4)

    Tista’ titqies li hija konformi mad-dritt Ewropew u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva 2014/24/UE s-soluzzjoni adottata mid-dritt Portugiż fl-Artikolu 55(1)(f) tal-CCP (2) li tissuġġetta l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, ibbażata fuq ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li ma għandux x’jaqsam mal-proċedura konkreta ta’ għoti ta’ kuntratt inkwistjoni, għal dak li jiġi deċiż mill-Awtorità għall-Kompetizzjoni meta tapplika s-sanzjoni anċillari ta’ projbizzjoni minn parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, proċedura li fil-kuntest tagħha hija l-Awtorità għall-Kompetizzjoni li tevalwa r-rilevanza tal-miżuri ta’ self-cleaning adottati?

    5)

    Barra minn hekk, tista’ wkoll titqies bħala konformi mad-dritt Ewropew u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva 2014/24/UE s-soluzzjoni adottata mid-dritt Portugiż fl-Artikolu 70(2)(g) tal-CCP li jillimita l-possibbiltà ta’ esklużjoni ta’ offerta minħabba l-eżistenza ta’ indizji serji ta’ atti, ftehim, prattiki jew informazzjoni li tista’ toħloq distorsjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-proċedura konkreta ta’ għoti ta’ kuntratt li fiha jinstabu dawn il-prattiki?


    (1)  ĠU 2014, L 94, p. 65; rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68.

    (2)  Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi.


    Top