EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0795

Kawża T-795/19: Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Novembru 2019 – HB vs Il-Kummissjoni

ĠU C 10, 13.1.2020, p. 53–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 10/53


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Novembru 2019 – HB vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-795/19)

(2020/C 10/64)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: HB (rappreżentanti: M. Vandenbussche u L. Levi, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;

konsegwentement:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Ottubru 2019 li tordna t-tnaqqis tal-ammont tal-kuntratt CARDS/2008/166-429 minn EUR 1 199 125 għal EUR 0 (żero) u l-irkupru tal-ħlasijiet kollha, ta’ ammont ta’ EUR 1 197 055,86, imwettqa abbażi tal-imsemmi kuntratt;

tordna r-rimbors tal-ammonti kollha rkuprati mill-Kummissjoni abbażi ta’ din id-deċiżjoni, miżjuda b’interessi moratorji bir-rati applikati mill-Bank Ċentrali Ewropew, miżjuda b’seba’ punti;

tordna l-ħlas tal-aħħar fattura maħruġa mir-rikorrenti, ta’ ammont ta EUR 437 649.39, miżjud b’interessi moratorji bir-rati applikati mill-Bank Ċentrali Ewropew miżjuda b’seba’ punti, kif ukoll ir-rilaxx tal-garanzija bankarja ta’ ammont ta’ u l-kumpens għad-dannu materjali mġarrab minħabba dan ir-rilaxx tardiv;

tordna l-ħlas ta’ Ewro simboliku bħala danni, suġġett għal konferma;

tikkundanna lill-Kummissjoni għad-danni kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka disa’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, l-assenza ta’ bażi legali għal din tal-aħħar u l-ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi. Ir-rikorrenti ssostni, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv għall-finijiet tal-irkupru tad-dejn li hija tallega li għandha fil-konfront tagħha, fl-assenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Unjoni għat-tilwimiet bejniethom f’materji kuntrattwali.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-preskrizzjoni tad-dejn allegat u, fi kwalunkwe każ, fuq il-ksur tat-terminu raġjonevoli tal-Artikolu 73(a)(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju tal-2002”), tad-dritt għal amministrazzjoni tajba kif stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Skont ir-rikorrenti, id-dejn li l-Kummissjoni tgħid li għandha fil-konfront tagħha huwa preskritt peress li t-terminu ta’ ħames snin, previst fl-Artikolu 73(a) tar-Regolament Finanzjarju tal-2002 skada. L-Artikolu 85(b)(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu, Kapitolu 1, Vol. 45, p. 145) (iktar il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-2002”), dwar il-kawżi ta’ interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni, huwa barra minn hekk ineffettiv. Fil-każijiet kollha, u anki jekk l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni kienet regolari, iż-żmien meħud għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u n-nota ta’ debitu mehmuża magħha huwa manifestament irraġonevoli u jikser l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 6(1) tal-KEDB (sa fejn jistabbilixxi dritt fundamentali li jikkostitwixxi wkoll prinċipju ġenerali ta’ dritt).

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tas-sentenza tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell (il-Belġju) tal-5 ta’ Ottubru 2017 u tal-massima li “l-pendenza ta’ proċeduri kriminali twassal għas-sospensjoni ta’ proċedimenti amministrattivi”. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni hija marbuta mis-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2017 mogħtija mill-Qorti Kriminali Belġjana li ddikjarat li l-prosekuzzjonijiet huma inammissibbli fin-nuqqas ta’ elementi li huma ta’ natura li jipprovaw il-fatti lmentati. Peress li l-Kummissjoni, li kkostitwixxiet ruħha barra minn hekk parti ċivili quddiem il-Qorti Kriminali, iddeċidiet li tistenna t-tmiem tal-proċedura Belġjana qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru, din hija marbuta mill-imsemmi eżitu u l-konstatazzjonijiet tal-qorti nazzjonali u dan, minkejja li s-sentenza tal-qorti Belġjana ma kinitx res judicata fil-konfront tal-Kummissjoni.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li hija vvizzjata bihom id-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti tqis f’dan ir-rigward li l-fatti kkritikati ma humiex stabbiliti b’mod ċar u li ma jeżistu l-ebda irregolaritajiet manifesti, a fortiori serji. Id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq żewġ rapporti tal-OLAF. Issa, l-ilmenti fformulati mill-konvenuta ma humiex stabbiliti.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-istruzzjonijiet lill-offerenti u tal-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal-2002. Ir-rikorrenti tikkunsidra li, fost l-ilmenti invokati mill-konvenuta fil-konfront tar-rikorrenti, l-ebda wieħed ma jirrigwarda l-fatt li din tal-aħħar kisbet informazzjoni kunfidenzjali, daħlet fi ftehim illegali ma kompetitur, influwenzat il-Kumitat ta’ Evalwazzjoni jew l-Awtorità kontraenti fl-eżami, fil-kjarifika, fl-evalwazzjoni jew fit-tqabbil tal-offerti. Għaldaqstant, la l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal-2002 u lanqas dawk tal-Artikolu 13(a) tal-istruzzjonijiet lill-offerenti ma huma ssodisfatti.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, minħabba li nkiser id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti.

7.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tal-prinċipju ta’ eżekuzzjoni bona fide tal-kuntratti u tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ “abbuż ta’ dritt”. Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni ma aġixxiet la b’reqqa u lanqas b’imparzjalità.

8.

It-tmien motiv ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal-2002, sa fejn dan l-artikolu jikser il-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ arrikkiment indebitu. Fil-fatt, l-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal-2002 jagħti l-possibbiltà lill-istituzzjoni, li tirkupra l-ammonti kollha mħallsa matul it-tul kollu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt anki jekk dan tal-aħħar ġie eżegwit kompletament mill-kontraenti. L-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal-2002 ifisser li l-istituzzjoni tista’ għalhekk tibbenefika mis-servizzi kollha pprovduti mill-kontraenti mingħajr ma ebda pagament ma huwa dovut lilu. L-Artikolu 103 għandu jiġi ddikjarat illegali sa fejn jawtorizza lill-istituzzjoni tikseb benefiċċju mhux iġġustifikat favur il-patrimonju tagħha, għad-detriment ta’ dak tal-kontraenti.

9.

Id-disa’ motiv, sussidjarjament, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal-2002 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Skont ir-rikorrenti, l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjoni għandu jitwettaq skont l-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal-2002. Dan ifisser li l-Kummissjoni ma tistax tapplika diversi sanzjonijiet, peress li l-Artikolu 103 jipprovdi lista mhux kumulattiva ta’ sanzjonijiet. Barra minn hekk, dan l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni għandu jitwettaq fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-istituzzjoni għandha tiżgura li d-deċiżjoni tagħha hija proporzjonata għall-gravità tal-irregolarità inkwistjoni. Dan l-obbligu ta’ proporzjonalità jikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju ta’ bona fide fit-twettiq tal-kuntratti. Madankollu, dan ma kienx il-każ hawnhekk.


Top