EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0768

Kawża T-768/17: Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Novembru 2017 – Comprojecto-Projectos e Construções et vs BĊE

ĠU C 52, 12.2.2018, p. 31–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 52/31


Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Novembru 2017 – Comprojecto-Projectos e Construções et vs BĊE

(Kawża T-768/17)

(2018/C 052/45)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Comprojecto-Projetos e Construções, Lda. (Lisbona, il-Portugall), Paulo Eduardo Matos Gomes de Azevedo (Lisbona), Julião Maria Gomes de Azevedo (Lisbona), Isabel Maria Matos Gomes de Azevedo (Lisbona) (rappreżentant: M. A. Ribeiro, avukat)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-atti kkontestati, b’mod partikolari:

(i)

id-deċiżjoni tal-konvenut li ma jiħux azzjoni;

(ii)

id-deċiżjoni tal-konvenut li ma jagħtix bidu għal proċeduri ta’ ksur;

(iii)

id-deċiżjoni tal-Governador do Banco de Portugal (il-Gvernatur tal-Bank tal-Portugall) u ta’ numru ta’ “uffiċjali” li ddeċidew l-ilmenti u t-talbiet magħmula bejn is-26 ta’ Ġunju 2013 u t-22 ta’ April 2015.

għall-istess raġunijiet, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tieħu deċiżjoni:

(i)

sabiex ir-rikorrenti jitqiegħdu f’kundizzjoni li jannullaw il-pożizzjoni tal-imħallfin li ddeċidew fl-azzjoni għal kumpens ta’ danni ċivili ppreżentata kontra BCP et;

(ii)

sabiex ir-rikorrenti jitqiegħdu f’kundizzjoni li jippreżentaw azzjoni ta’ rkupru kontra l-Istat Portugiż;

(iii)

sabiex jiġi evalwat jekk l-Istat Membru / il-Ministério Público (l-Uffiċċju tal-Prosekutur) / PGR [Procuradoria Geral da República (il-Prokuratur Ġenerali tar-Repubblika)] kellhomx raġunijiet sabiex jirrikużaw l-intervent tagħhom fl-azzjoni ċivili;

(iv)

sabiex jiġi evalwat jekk l-Istat Membru / il-Ministério Público / PGR kellux motivi validi sabiex ma jikkomunikax dan il-każ lill-OLAF.

fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tagħti raġun lir-rikorrenti, fis-sens tal-Artikoli 268 u 340 TFUE, tikkundanna lill-BĊE sabiex tħallas l-ammont ta’ EUR 45 828 257,80, flimkien mal-interessi moratorji skont ir-rata legali sal-ħlas effettiv kif ukoll l-ispejjeż, danni u indennizzi li, wara li jitwettqu x-xogħlijiet meħtieġa, jiġu indikati;

madankollu, fid-dawl ta’ dak li ġie stabbilit fl-Artikolu 280 TFUE u kif ukoll li l-atti “tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponu obbligi pekunjarji fuq persuni li mhumiex l-Istati, ikollhom forza eżekuttiva”, skont kif inhu pprovdut fl-Artikolu 299 TFUE, l-istess Qorti Ġenerali għandha timponi li l-konvenut jirrikjedi li dawn l-ammonti jiġu likwidati minn BCP [Banco Comercial Português];

tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-bank ċentrali nazzjonali huwa l-“awtorità amministrattiva li għandha l-kompetenza jew li tiddeċiedi dwar ilmenti jew li tagħti bidu għall-proċedimenti legali adegwati”, konformement ma’ kif inhu stabbilit fl-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2005/29/KE, kif ukoll ma kif inhu previst fl-Artikolu 81(1) u fl-Artikolu 83(1) tad-Direttiva 2007/64/KE u ma kif inhu previst fl-Artikolu 96(1)(b) – Sanzjonijiet aċċessorji – tad-DL [decreto-lei (Digriet Liġi)] 317/2009, l-aġent tal-konvenut għandu jimponi lil BCP sabiex tittrasferixxi “immedjatament” l-ammonti ċċitati iktar ’il fuq fil-kontijiet tar-rikorrenti.

tiddikjara li l-konvenut:

(i)

għandu jitlob lill-aġent tiegħu, il-bank ċentrali nazzjonali, jirrikjedi li BCP tipproduċi l-elementi kollha ċċitati iktar ’il fuq u li, fil-każ li skont l-Artikolu 13(2) tal-Lei Orgânica (Liġi Organika) dawn ma jkunux ġew prodotti mill-istituzzjoni ta’ kreditu, Banco de Portugal għandha timponi li l-istituzzjoni ta’ kreditu tittrasferixxi “immedjatament” l-ammonti inkwistjoni fil-kontijiet tal-imsemmija rikorrenti;

(ii)

peress li, jista’ jirriżulta li l-istituzzjoni ta’ kreditu jkollha tikkumpensa “immedjatament” lill-imsemmija rikorrenti, għandu jiġi ssodisfatt dak li huwa stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a), fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri, kif seħħ b’riferiment għal Banco de Portugal u l-Ministério Público / PGR, fid-dawl ta’ kif inhu stabbilit fl-Artikolu 3 tar-Regolament 2532/98 fir-rigward tas-setgħa tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet, il-BĊE jkollu jiddeċiedi “li tinbeda l-proċedura tal-ksur”, billi jistieden lil BCP tieħu azzjoni, ġaladarba din l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tagħti deċiżjoni, u ma tistax toqgħod lura milli tagħmel dan;

sa fejn, fid-dawl tal-Artikolu 256(1) TFUE, din ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, jekk il-bank ċentrali nazzjonali ma jirrikonoxxix li “naqas milli jwettaq xi obbligazzjoni taħt it-Trattati, dak il-bank ikun mitlub jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti”, konformement mal-Artikolu 271(d) TFUE, il-kwistjoni jkollha titressaq quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema);

sa fejn, barra minn hekk, din ma hijiex ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-intenzjoni li tilqa’ t-talbiet tar-rikorrenti, skont kif inhu stabbilit fl-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti Ġenerali jkollha tipproponi lit-Tribunal Supremo l-annullament tad-deċiżjoni tal-bank ċentrali nazzjonali invokata mill-konvenut u, fid-dawl ta’ dak li ġie stabbilit fl-Artikolu 41(1)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 11(3)(c) tad-Direttiva 2005/29/KE, ikollha tagħti deċiżjoni mmotivata.

tiddikjara li l-konvenut u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jsejħu u jitolbu lill-Istat Portugiż / il-Ministério Público / PGR jieħdu azzjoni sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-atti mwettqa minn BCP;

tiddikjara li l-konvenut għandu jirreferi dan il-każ lill-OLAF;

fid-dawl tal-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tikkwantifika minn issa l-ispejjeż li jirriżultaw minn din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw bħala motivi:

1.

Il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2005/29/KE (1).

2.

Irrispettivament mis-serq bi “sgass” tal-“kaxxaforti”, BCP kienet taf, jew kellha l-obbligu tkun taf, li s-sistema finanzjarja kienet qiegħda tintuża għall-ħasil tal-flus u konsegwentement, l-istituzzjoni ta’ kreditu kienet taf li kien hemm frodi u evażjoni fiskali, b’tali mod li kien qed jittieħed dħul mill-baġit tal-Unjoni. Dawn l-atti, huma “illegali u [jolqtu] l-interessi finanzjarji tal-Unjoni” u, huma “raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali” li, “tikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi”.

3.

Indipendentement minn kif iktar minn EUR 1 000 000 insterqu mill-“kaxxaforti”, jinsabu inkwistjoni “[i]interessi finanzjarji tal-Unjoni”, b’mod speċifiku d-dħul li jsostni l-“baġit tal-Unjoni Ewropea u dawk koperti mill-baġits tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji u l-baġits immexxija u mmonitorjati minnhom” u, konsegwentement, jinsabu wkoll inkwistjoni atti li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “irregolarità” minħabba “ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta' operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta'nefqa mhux ġustifikata”.

4.

Meta, istituzzjoni ta’ kreditu, Stat Membru / bank ċentrali nazzjonali, jew il-Bank Ċentrali Ewropew jew l-Istat Membru / il-Ministério Público / PGR, isiru jafu dwar dan it-tip ta’ ksur u prattiki u, jippermettuhom u ma jikkundannawhomx, huma jkunu qed jinċentivaw ksur ta’ dak li ġie stabbilit fl-Artikoli 310(1), (2) u (3) u 325 TFUE, kif ukoll qed jammettu li l-istituzzjoni ta’ kreditu inkwistjoni tipprattika atti li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “irregolarità” bi ksur ta’ dak li ġie stabbilit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95 (2).

5.

Minbarra li l-konvenut irrifjuta t-talba sabiex jieħu azzjoni, barra minn hekk, huwa:

(i)

ma rrapurtax il-każ lill-OLAF;

(ii)

ma fetaħx proċeduri ta’ “ksur” kontra l-istituzzjoni ta’ kreditu BCP;

(iii)

ma rrinvjax id-deċiżjoni lill-qrati ċivili li quddiemhom sa mill-1 ta’ Frar 2010 hija pendenti kawża għal kumpens ċivili kontra BCP et.

(iv)

ma kkundannax irrimedjabbilment lill-aġent tiegħu, Banco de Portugal, fl-azzjoni amministrattiva komuni extrakuntrattwali li ġiet ippreżentata fis-27 ta’ Ottubru 2015 u li hija attwalment pendenti quddiem it-Tribunal Administrativo e Fiscal de Sintra (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Sintra, il-Portugall) u li, fir-rigward tagħha l-qorti ma esprimiet ebda pożizzjoni.

6.

Ksur tal-obbligu ta’ imparzjalità, użu ħażin ta’ poter u ksur tar-rekwiżiti essenzjali min-naħa tal-aġent tal-konvenut, Banco de Portugal.


(1)  Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).


Top