EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0040

Kawża C-40/17: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) fis-26 ta’ Jannar 2017 – Fashion ID GmbH & Co.KG vs Verbraucherzentrale NRW eV

ĠU C 112, 10.4.2017, p. 22–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 112/22


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) fis-26 ta’ Jannar 2017 – Fashion ID GmbH & Co.KG vs Verbraucherzentrale NRW eV

(Kawża C-40/17)

(2017/C 112/32)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberlandesgericht Düsseldorf

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellanti: Fashion ID GmbH & Co.KG

Appellata: Verbraucherzentrale NRW eV

Partijiet oħra: Facebook Ireland Limited, Landesbeauftragte für Datenschutz und Informationsfreiheit Nordrhein-Westfalen

Domandi preliminari

1.

Ir-regoli tal-Artikoli 22, 23 u 24 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (1), jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, flimkien mas-setgħat ta’ intervent tal-awtoritajiet ta’ protezzjoni tad-data u mal-azzjonijiet legali tas-suġġett tad-data, tawtorizza lill-assoċjazzjonijiet bi skop ta’ servizz pubbliku li jiddefendu l-interessi tal-konsumatur sabiex, fil-każ ta’ ksur, jaġixxu kontra l-awtur ta’ tali ksur?

Fil-każ li għall-ewwel domanda tingħata risposta negattiva:

2.

F’każ bħalma huwa dan inkwistjoni, fejn xi ħadd jinkludi fis-sit tiegħu kodiċi ta’ programmazzjoni li jippermetti lill-browser tal-utent jitlob kontenut mingħand terz u, għal dan l-għan, jittrażmetti lit-terz data personali, il-persuna li tagħmel din l-inklużjoni hija “kontrollur” fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, meta tali persuna ma jistax ikollha, hija stess, effett fuq dan il-mod ta’ pproċessar ta’ data?

3.

Fil-każ li għat-tieni domanda tingħata risposta negattiva: l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data għandu jiġi interpretat fis-sens li jirregola b’mod eżawrjenti r-responsabbiltà fis-sens li jipprekludi azzjonijiet ċivili kontra terz li ċertament ma huwiex “kontrollur” iżda kien l-oriġini ta’ dan il-mod ta’ pproċessar ta’ data mingħajr ma għandu effett fuqu?

4.

F’kuntest bħalma huwa dak tal-każ ineżami, liema huwa l-“interess leġittimu” li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-ibbilanċjar tal-interessi li għandu jsir skont l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46/KE? L-interess li jiġi inkluż kontenut ta’ terz jew l-interess tat-terz?

5.

F’kuntest bħalma huwa dak tal-każ ineżami, lil min għandu jingħata l-kunsens previst fl-Artikolu 7(a) u fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46/KE?

6.

L-obbligu li s-suġġett tad-data jiġi informat skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46/KE f’sitwazzjoni bħalma hija dik tal-każ ineżami jaqa’ wkoll fuq il-ġestjonarju tas-sit li inkluda l-kontenut ta’ terz u li b’hekk kien l-oriġini tal-ipproċessar ta’ data personali li sar minn terz?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355.


Top