Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0272

    Kawża C-272/15: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) fit-8 ta’ Ġunju 2015 – Swiss International Air Lines AG vs The Secretary of State for Energy and Climate Change, Environment Agency

    ĠU C 279, 24.8.2015, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.8.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 279/20


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) fit-8 ta’ Ġunju 2015 – Swiss International Air Lines AG vs The Secretary of State for Energy and Climate Change, Environment Agency

    (Kawża C-272/15)

    (2015/C 279/25)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Qorti tar-rinviju

    Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division)

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Swiss International Air Lines AG

    Konvenuti: The Secretary of State for Energy and Climate Change, Environment Agency

    Domandi preliminari

    1)

    Id-Deċiżjoni 377/2013/UE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2013 (iktar 'il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 377/2013”) tikser il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fid-dritt tal-Unjoni, sa fejn tistabilixxi moratorju fuq ir-rekwiżiti ta’ sabiex jiġu ċeduti l-kwoti ta’ emissjonijiet imposti mid-Direttiva 2003/87/KE (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 (kif emendata minn diversi atti, b’mod partikolari d-Direttiva 2008/101/KE (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008) fir-rigward ta’ titjiriet bejn L-istati taż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iż-“ŻEE”) u kważi l-Istati kollha mhux fiż-ŻEE, iżda ma testendix dan il-moratorju għal titjiriet bejn l-Istati taż-ŻEE u l-Isvizzera?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, liema rimedju għandu jingħata lil applikant fil-pożizzjoni ta’ Swiss International Airlines AG, li jkun ċeda l-kwoti ta’ emissjonijiet fir-rigward ta’ titjiriet li jkunu seħħew matul l-2012 bejn l-Istati taż-ŻEE u l-Isvizzera, sabiex tqiegħed lil dan l-applikant fil-pożizzjoni li kien ikun fiha, kieku ma kienx hemm l-esklużjoni mill-moratorju ta’ titjiriet bejn l-Istati taż-ŻEE u l-Isvizzera? B’mod partikolari:-

    a)

    Ir-reġistru għandu jiġi rrettifikat sabiex jirrifletti numru iżgħar ta’ kwoti li tali applikant kien ikollu jċedi kieku t-titjiriet lejn jew mill-Isvizzera kienu ġew inklużi fil-moratorju?

    b)

    Fil-każ ta’ risposta pożittiva għad-domanda preċedenti, liema azzjoni (jekk ikun il-każ) għandha tittieħed mill-awtorità nazzjonali kompetenti u/jew mil-qorti nazzjonali sabiex il-kwoti addizzjonali ċeduti jiġu rritornati lil dan l-applikant?

    c)

    Dan l-applikant għandu d-dritt li jitlob danni skont l-Artikolu 340 TFEU fil-konfront tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal kwalunkwe dannu li seta’ sofra minħabba li jkun ċeda l-kwoti addizzjonali b’riżultat tad-Deċiżjoni 377/2013?

    d)

    L-applikant għandu jingħata xi forma oħra ta’ kumpens, u jekk ikun il-każ, x’kumpens?


    (1)  Deċiżjoni Nru 377/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2013 għal deroga temporanja mid-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU L 113, p. 1)

    (2)  Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631)

    (3)  Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 8, p. 3)


    Top