This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014AE2911
Opinion of the European Economic and Social Committee on the Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on cableway installations — COM(2014) 187 final — 2014/0107 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ” — COM(2014) 187 final – 2014/0107 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ” — COM(2014) 187 final – 2014/0107 (COD)
ĠU C 451, 16.12.2014, p. 81–86
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
16.12.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 451/81 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ”
COM(2014) 187 final – 2014/0107 (COD)
(2014/C 451/13)
Relatur: |
is-Sur Simons |
Nhar l-24 u nhar it-2 ta’ April 2014, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-installazzjonijiet tar-rotta b'kablaġġ
COM(2014) 187 final – 2014/0107 (COD).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-23 ta' Ġunju 2014.
Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tad-9 ta' Lulju 2014), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'184 voti favur u 6 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja d-deċiżjoni tal-introduzzjoni ta' regolament ibbażat fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE billi jeżistu interpretazzjonijiet differenti ta' ċerti punti tad-Direttiva eżistenti. |
1.2 |
Il-KESE jilqa' l-fatt li l-Proposta għal Regolament hija konformi mad-Direttiva 2000/9/KE, li għandha tiġi allinjata mal-Pakkett dwar il-Prodotti adottat fl-2008, u b'mod partikolari d-Deċiżjoni NLF (KE) Nru 768/2008 li dwarha l-Kumitat diġà ħareġ opinjoni favorevoli. |
1.3 |
Il-KESE jħeġġeġ li jiġu eżaminati mill-qrib it-terminoloġija, b'mod partikolari tal-verżjoni Ġermaniża tat-test, kif ukoll id-definizzjonijiet u ż-żamma ta' partijiet validi tad-Direttiva eżistenti jew elementi li ġejjin minnha. |
1.4 |
Il-KESE jinnota wisq dgħufijiet biex isemmihom kollha f'din is-sezzjoni tal-Konklużjonijiet; għalhekk jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għal punt 4.2 u l-punti sussegwenti, kif ukoll għas-sezzjoni 5 li tipproponi s-soluzzjonijiet. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
Fl-1994, il-KESE ħareġ Opinjoni (1) dwar Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Direttiva dwar l-installazzjonijiet tal-funikular iddisinjati għat-trasport tal-persuni. Fiha huwa appoġġja lill-Kummissjoni b'mod partikolari fir-rigward "tal-għan tagħha li tiżgura li l-Istati Membri jaġixxu b'mod koordinat u li jiġi organizzat monitoraġġ bażiku fl-Unjoni Ewropea sabiex jinkiseb u jinżamm livell għoli ta' sigurtà u b'hekk jonqsu r-riskju ta' inċidenti futuri''. |
2.2 |
Ir-riżultat kellu jkun "industrija iktar mifruxa u kompetittiva f'pożizzjoni aħjar li tikkompeti fis-swieq globali. Billi ħafna mill-manifatturi tas-swieq globali jinsabu fl-Ewropa, kwalunkwe azzjoni li tittieħed sabiex jiżdiedu l-prospetti tal-bejgħ għandha tkun raġonevoli u prattikabbli.'' |
2.3 |
L-installazzjonijiet tar-rotta b'kablaġġ huma prinċipalment imħaddma b'konnessjoni mat-turiżmu, partikolarment f'żoni tal-muntanji, fejn jaqdu sehem importanti fl-ekonomija tar-reġjuni konċernati u qed isiru fattur importanti dejjem akbar fil-bilanċi tal-kummerċ tal-Istati Membri (2). |
2.4 |
L-Istati Membri huma responsabbli biex jiżguraw is-sigurtà tal-installazzjonijiet tar-rotta b'kablaġġ matul il-manifattura, it-tqegħid fis-servizz u t-tħaddim tagħhom. Barra minn hekk, huma responsabbli flimkien mal-awtoritajiet kompetenti għal dawk il-kwistjonijiet bħad-drittijiet tal-art, il-ġestjoni tat-territorju u l-ħarsien tal-ambjent. Ir-regolamenti nazzjonali jvarjaw ħafna b'riżultat tal-metodipartikolari tal-industrija nazzjonali kif ukoll l-użanzi u l-għarfien reġjonali. Huma jistipulaw daqsijiet u mekkaniżmi speċifiċi u karatteristiċi partikolari. Din is-sitwazzjoni qed tobbliga lill-manifatturi li ma' kull talba jiddefinixxu l-prodotti tagħhom mill-ġdid u tmur kontra s-soluzzjonijiet standard disponibbli. |
2.5 |
Ir-rekwiżiti essenzjali għall-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà għandhom jitħarsu biex jiġi żgurat li l-installazzjonijiet tar-rotta b'kablaġġ ikunu siguri. Dawn ir-rekwiżiti għandhom ikunu applikati b'dixxerniment sabiex jiġu meqjusa l-aħħar avvanzi fit-teknoloġija fil-ħin tat-tqegħid fis-suq, it-tnedija u matul it-tħaddim tagħhom kif ukoll ir-rekwiżiti tekiniċi u ekonomiċi. |
2.6 |
L-installazzjonijiet tar-rotta b'kablaġġ jistgħu jkunu transkonfinali u f'dawn il-każijiet, regoli nazzjonali kontradittorji jisgtħu jfixklu l-kostruzzjoni tagħhom. |
2.7 |
Il-kompetenza tal-leġislazzjoni ilha fis-seħħ biss mill-2000. Id-Direttiva 2000/9/KE dwar l-installazzjonijiet tal-funikular iddisinjati għat-trasport ta’ persuni (3) ġiet adottata fl-20 ta’ Marzu 2000 u saret applikabbli fit-3 ta’ Mejju 2002. It-tipi ewlenin ta’ installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ koperti mid-Direttiva 2000/9/KE huma l-funikulari, il-gondoli, iċ-chairlifts li jinqalgħu, iċ-chairlifts b’maqbad fiss, it-tramms tal-ajru, il-funitels, l-installazzjonijiet ikkombinati (magħmula minn diversi tipi ta’ rotta b’kablaġġ, bħal dawk ta’ gondoli u chairlifts) u drag lifts. |
2.8 |
Illum il-ġurnata, għaxar snin wara u għal diversi raġunijiet, hemm bżonn ta' reviżjoni tal-leġislazzjoni dwar l-installazzjonijiet tar-rotta b'kablaġġ. |
3. Sinteżi tal-Proposta
3.1 |
Permezz ta' din il-Proposta, id-Direttiva 2000/9/KE għandha tiġi sostitwita minn regolament u din id-Direttiva għandha tiġi allinjata mal-“pakkett dwar il-prodotti” adottat fl-2008 u b’mod partikolari mad-Deċiżjoni NLF (KE) Nru 768/2008. |
3.1.1 |
Id-Deċiżjoni NLF tistabbilixxi qafas komuni għal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-armonizzazzjoni tal-prodotti. Dan il-qafas jikkonsisti fid-dispożizzjonijiet li jintużaw spiss fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prodotti (eż. id-definizzjonijiet, l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi, il-korpi notifikati, il-mekkaniżmi ta’ salvagwardja, eċċ.). Dawn id-dispożizzjonijiet komuni ssaħħu biex jiġi żgurat li d-direttivi jistgħu jiġu applikati u infurzati fil-prattika, b’mod aktar effettiv. Ġew introdotti wkoll elementi ġodda, bħall-obbligi għall-importaturi, li huma kruċjali għat-titjib tas-sikurezza tal-prodotti fis-suq. |
3.1.2 |
Il-Proposta għandha wkoll l-intenzjoni li tindirizza xi diffikultajiet li nqalgħu fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/9/KE. B’mod iktar partikolari, l-awtoritajiet, il-korpi notifikati u l-manifatturi kellhom fehmiet differenti dwar jekk ċerti tipi ta’ installazzjonijiet jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/9/KE u b’hekk għandhomx jiġu manifatturati u ċertifikati f’konformità mar-rekwiżiti u l-proċeduri tad-Direttiva. |
3.1.3 |
Kien hemm ukoll fehmiet differenti dwar jekk ċertu tagħmir għandux jitqies bħala sottosistema, infrastruttura jew komponent tas-sikurezza. |
3.1.4 |
Barra minn hekk, id-Direttiva ma tispeċifikax liema tip ta’ proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jiġi applikat għas-sottosistemi. |
3.2 |
Dawn l-approċċi diverġenti wasslu għal distorsjonijiet fis-suq u trattament differenti tal-operaturi ekonomiċi. Il-manifatturi u l-operaturi tal-installazzjonijiet ikkonċernati kellhom jimmodifikaw it-tagħmir jew jgħaddu minn ċertifikazzjoni ulterjuri li wasslu għal spejjeż żejda u għal dewmien fl-awtorizzazzjoni u t-tħaddim ta’ dawk l-installazzjonijiet. |
3.3 |
Għalhekk, il-Proposta għal Regolament għandha l-għan li ssaħħaħ iċ-ċarezza legali dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/9/KE u b’hekk twassal għal implimentazzjoni aħjar tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti. |
3.4 |
Id-Direttiva 2000/9/KE fiha dispożizzjonijiet ukoll dwar il-valutazzjoni tal-konformità għas-sottosistemi. Madankollu, ma tistabbilixxix il-proċedura konkreta li għandha tiġi segwita mill-manifattur u l-korp notifikat. Barra minn hekk, ma toffrix lill-manifatturi l-firxa ta’ proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li huma disponibbli għall-komponenti tas-sikurezza. B’hekk il-Proposta għal-Regolament tallinja l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità disponibbli għas-sottosistemi ma’ dawk li diġà huma użati għall-komponenti tas-sikurezza, fuq il-bażi tal-moduli ta’ valutazzjoni tal-konformità stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE li tistabblixxi qafas legali komuni għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti (Deċiżjoni NLF). F’dan il-kuntest, tipprovdi wkoll għat-twaħħil tat-tikketta CE biex tiġi indikata konformità mad-dispożizzjonijiet tiegħu, skont is-sistema eżistenti għall-komponenti tas-sikurezza. |
3.5 |
Il-Proposta tqis ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea (4). Il-proposta tinkludi:
Esklużi huma dawn:
|
3.6 |
Il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità għall-komponenti tas-sikurezza inżammu fil-Proposta. Madankollu, il-Proposta taġġorna l-moduli korrispondenti b’konformità mad-Deċiżjoni NLF. |
3.7 |
Hija żżomm ukoll ir-rekwiżit għal intervent minn korp notifikat fil-fażi ta' kostruzzjoni u ta' produzzjoni tas-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza kollha. |
3.8 |
Il-Proposta tintroduċi firxa ta’ proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità għas-sottosistemi fuq il-bażi tal-moduli ta’ valutazzjoni tal-konformità tad-Deċiżjoni NLF. Barra minn hekk, hija tintroduċi t-twaħħil tat-tikketta CE għas-sottosistemi billi ma hemmx raġuni għalfejn dawn m'għandhomx jiġu trattati bħall-komponenti tas-sikurezza. |
3.9 |
Il-Proposta ssaħħaħ il-kriterji ta’ notifika għall-korpi notifikati u tintroduċi rekwiżiti speċifiċi għall-awtoritajiet notifikanti. Hemm bżonn l-adattament għal teknoloġiji ġodda biex tkun tista’ ssir notifika online. Għaldaqstant, huwa importanti li jkun previst perjodu li matulu kull dubju jew tħassib dwar il-kompetenza tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jkun jista’ jiġi ċċarat qabel ma jibdew jaħdmu bħala korpi notifikati. |
4. Kummenti ġenerali
4.1 |
Billi ma tistax tiġi garantita dejjem interpretazzjoni konsistenti tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi, il-KESE jirrimarka li fi sforzi favur l-armonizzazzjoni ta' dan it-tip (5), li għandhom l-għan li jiksbu l-moviment ħieles tal-oġġetti fis-suq intern, ir-Regolamenti jiggarantixxu interpretazzjoni uniformi. Il-KESE jappoġġja għalhekk l-għażla ta' regolament kif ukoll tal-Artikolu 114 tat-TFUE bħala bażi legali. |
4.1.1 |
Sakemm l-Istati Membri jingħataw il-kontroll tal-implimentazzjoni tar-Regolament, il-Kummissjoni Ewropea għandha timmonitorja li din issir b'mod uniformi. |
4.2 |
Għaldaqstant, l-elementi validi tad-Direttiva attwali ur-regoli u l-prattiki tajba li jirriżultaw minnhom għandhom jidħlu fir-regolament b'mod preċiż (6) u elementi ġodda oħra fir-Regolament għandhom jingħataw formulazzjoni lingwistika preċiża wkoll. |
4.2.1 |
Mhuwiex ċar għalfejn il-frażi ''għat-trasport tal-persuni'' tħassret mit-titlu tar-regolament meta premessa 8 tgħid li l-kamp ta' applikazzjoni tar-regolament huwa l-istess bħal dak tad-Direttiva. |
4.2.2 |
It-termini tekniċi ħafna drabi jvarjaw wisq mill-istandards tekniċi armonizzati għall-installazzjonijiet tar-rotta b'kablaġġ u għandhom jiġu koordinati. |
4.2.3 |
It-test tal-Proposta għal Regolament (Artikolu 2(2a)) ma jippermettix distinzjoni ċara bejn liftijiet (b'mod partikolari liftijiet inklinati) fis-sens tad-Direttiva 95/16/KE u l-funikulari. L-informazzjoni relatata ta' premessa 11 mhix biżżejjed għal klassifikazzjoni ċara fil-prattika. Huwa importanti li ikunu jistgħu jkomplu jinbnew fil-beraħ u għal diversi skopijiet liftijiet inklinati fis-sens tad-Direttiva dwar il-Lifts (konnessjonijiet bejn parkeġġi f'wied u kastell jew ċentru antik iktar 'il fuq, konnessjonijiet bejn il-korsi għall-ġiri bl-iski eċċ.). |
4.2.4 |
Artikolu 2(2)(f) jeskludi wkoll l-installazzjonijiet fuq l-ilma mir-Regolament. Sabiex jiġu evitati nuqqas ta' ftehim u interpretazzjonijiet differenti, ġiet introdota l-premessa addizzjonali nru 12 li madanakollu ma tiċċarax is-sitwazzjoni. Jeħtieġ li jiġi ċċarat li l-Artikolu 2(2)(f) ser jinqasam bejn ''trasport b'kablaġġ fuq l-ilma'', kif definit fid-Direttiva 2000/9/KE u ''liftijiet għall-ġiri bl-iski fuq l-ilma''. |
4.2.5 |
Għall-kuntrarju ta' Direttivi oħra (pereżempju d-Direttiva dwar il-Makkinarju), l-installazzjonijiet tar-rotta b'kablaġġ iddisinjati għat-trasport tal-persuni huma soġġetti għal proċeduri ta' awtorizzazzjoni definiti mill-Istati Membri. Għalhekk ma hemmx bżonn jiġu indikati l-isem kummerċjali u l-indirizzi postali fuq il-komponenti tas-sikurezza u s-sottosistemi, b'mod partikolari billi d-dikjarazzjonijiet tal-konformità (7) tal-UE, li jinkludu din l-informazzjoni huma meħtieġa kemm waqt l-installazzjoni kif ukoll għand l-awtorità kompetenti. Biex jagħti indikazzjoni tal-finanzi li jimplika dan l-Artikolu, il-Kumitat jinnota pereżempju li chairlift b’maqbad fiss jeħtieġ madwar 500 tikketta. L-Artikolu 11 (Kapitolu II) għandu għalhekk jinbidel billi titħassar din il-parti tal-ewwel sentenza ''is-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza, jew jekk dan ma jkunx possibbli, fuq l-imballaġġ tiegħu u''. |
4.2.6 |
Artikolu 2(2) jeskludi mill-ambitu tar-Regolament dawk l-installazzjonijiet li jintużaw f'parks ta' divertiment għal skopijiet ta' divertiment biss. Mhuwiex ċar x'differenza tagħmel f'termini ta' regoli ta' sikurezza u rekwiżiti bażiċi jekk il-persuna li qed tuża l-installazzjonijiet hiex qed tużahom għal skopijiet ta' divertiment jew trasportazzjoni. Il-KESE jirrakkomanda għalhekk li tinżamm biss ir-referenza għal ''apparat fuq is-sit jew mobbli għall-użu f’fieri''. |
4.2.7 |
Il-premessi 57 u 58 tal-Anness u l-Artikolu 41 jiddefinixxu dispożizzjonijiet tranżitorji. Madanakollu ma hemmx stqarrija ġenerali li tindika li l-abbozz ta' regolament ma japplikax għall-installazzjonijiet li diġà qed jintużaw. Jeħtieġ li f'inċiż 3 ġdid fl-Artikolu 9 jiżdied it-test ''Mhuwiex neċessarju li l-installazzjonijiet tar-rotta b'kablaġġ eżistenti jinġiebu f'konformità mal-installazzjonijiet il-ġodda'', li jinsab fid-Direttiva dwar l-installazzjonijiet tal-funikular (premessa 28, mhux disponibbli bil-Malti). Barra minn hekk, wara l-inċiż 3 attwali tal-Artikolu 9 għandhom jiddaħħlu dispożizzjonijiet għall-possibbiltà ta' bini mill-ġdid tal-installazzjonijiet tar-rotta b'kablaġġ. "Il-bini mill-ġdid ta' installazzjonijiet tar-rotta b'kablaġġ għandu jkun possibbli taħt dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
4.2.8 |
Skont l-Artikolu 36(2), fuq talba, il-korpi notifikati għandhom jipprovdu lil korpi notifikati oħra ir-riżultati pożittivi ta’ valutazzjoni tal-konformità. Il-korpi notifikati huma istituzzjonijiet indipendenti li jridu jaġixxu fuq livell ekonomiku. Sabiex jiġi evitat it-trasferiment tal-għarfien f'dawn il-każijiet għandha titħassar il-frażi ''u, fuq talba, mar-riżultati pożittivi''. |
4.3 |
Il-KESE jilqa' l-fatt li l-Proposta għal Regolament hija konformi mad-Direttiva 2000/9/KE u tirrifletti l-“Pakkett dwar il-Prodotti”, li ġie adottat fl-2008, u b'mod partikolari d-Deċiżjoni NLF (KE) Nru 768/2008 li dwarha diġà ħareġ opinjoni favorevoli (8). |
5. Kummenti speċifiċi
Kummenti dwar premessi u Artikoli oħra tal-Proposta għal Regolament.
5.1 |
Fil-verżjoni Ġermaniża tal-Proposta, il-kliem ''konstruiert'' jew ''Konstruktion'' ħafna drabi jintużaw minflok ''geplant'' jew ''Planung'' (bħal fid-Direttiva 2000/9/KE). Dan jidher fit-test Ġermaniż kollu. Dawn huma xi eżempji: premessa 1, Artikolu 1, Artikolu 2(1), Artikolu 3(1), Artikolu 3(3) u Artikolu 8(1). |
5.2 |
Id-definizzjoni ta' ''komponenti tas-sikurezza'' ta' Artikolu 3(4) għandha tiġi emendata billi jitħassru l-kliem ''jew installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ''. Ir-raġuni għal dan hija li l-infrastruttura li dwar il-proċeduri tagħha jiddeċiedu l-Istati Membri ma tistax tinkludi l-''komponenti tas-sikurezza'' fis-sens tar-Regolament, dawn il-komponenti huma magħrufa minflok bħala ''komponenti ta' sikurezza kritika''. |
5.3 |
Artikolu 11(9) jgħid li l-manifatturi għandhom, fuq talba motivata mill-Istati Membri, jipprovdu l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa għal proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità. Sabiex jiġi żgurat li l-komponenti mibnija skont għadd ta' standards armonizzati (u li għalhekk għalihom tgħodd il-presuppożizzjoni ta' konformità) ma jaqgħux taħt dan l-Artikolu, il-KESE jirrakkomanda li l-paragrafu 9 jiġi ċċarart billi jiżdied dan it-test fil-bidu: ''Fir-rigward tal-komponenti li ma tpoġġewx fis-suq skont għadd ta' standards armonizzati, il-manifatturi għandhom ... ''. |
5.4 |
Il-kelma “Drahtseilbahn” fil-premessa 8 tat-test Ġermaniż mhix rikonoxxuta u ma tikkonformax mal-verżonijiet Olandiżi u Ingliżi tat-test. |
5.5 |
Fl-abbozz ta' Regolament, pereżempju fil-premessa 17 tintuża l-kelma ''Wartung'' (servizzjar). Madanakollu s-servizzjar huwa biss parti waħda mil-manteniment li jkopri l-ispezzjoni, is-servizzjar u t-tiswija. Il-kelma ''Wartung'' għandha għalhekk tinbidel u minflokha tintuża ''Instandhaltung'' fit-test sħiħ. It-terminu “maintained” użat fil-verżjoni Ingliża huwa korrett. |
5.6 |
Minflok it-terminu “grundlegende Anforderungen” użat fil-verżjoni Ġermaniża tad-Direttiva dwar l-installazzjonijiet tal-funikular intuża “wesentliche Anforderungen” (pereżempju Artikolu 6). Il-verżjoni Ingliża tkompli tirreferi għal “Essential requirements” b'konformità mad-Direttiva 2000/9/KE. Il-verżjoni Ġermaniża tal-Proposta għal Regolament għandha tiġi modifikata sabiex jintuża t-terminu “Grundlegende Anforderungen”. |
5.7 |
Il-premessa 19 ma tikkorrispondi mal-ebda test u għandha għalhekk titħassar. |
5.8 |
Il-premessa 23 hija sors ta' konfużjoni billi tpoġġi l-moviment ħieles tal-oġġetti u l-analiżi tas-sikurezza fl-istess kuntest u għalhekk għandha titħassar. |
5.9 |
Artikolu 1 jiddefinixxi s-suġġett tar-regolament. Madanakollu l-oqsma tad-disinn, l-assemblaġġ u t-tqegħid fis-suq tad-Direttiva 2000/9/KE ma ġewx inklużi hawn. Dawn għandhom jiġu inklużi jew għandu jintuża minflok it-test tad-Direttiva. |
5.10 |
Id-definizzjoni ta' ''installazjoni tar-rotta b'kablaġġ'' ta' Artikolu 3(1) mhix ċara. Għandha tintuża minflok id-definizzjoni tad-Direttiva 2000/9/KE. |
5.11 |
Minflok it-terminu “Schleppaufzug” f'Artikolu 3(8) tal-verżjoni Ġermaniża tat-test għandu jintuża t-terminu “Schlepplift”. Din il-korrezzjoni saret ukoll matul ir-reviżjoni tal-istandards armonizzati relatati. |
5.12 |
Billi l-frażi ta' Artikolu 3(12) ''it-tqegħid fis-suq'' mhux dejjem tirreferi għall-installazzjoni sħiħa, pereżempju fil-każ tal-konverżjonijiet, it-test għandu jgħid minflok ''jew il-komponenti tiegħu''. |
5.13 |
Ir-rekwiżiti tal-analiżi tas-sikurezza ta' Artikolu 8(1) ġew emendati b'mod li ma jispeċifikawx ir-responsabbiltajiet. Billi l-analiżi tas-sikurezza hija d-dokument prinċipali tal-kuntrattur, fl-Artikolu għandu jiżdied it-test ''skont it-talba tal-kuntrattur jew l-aġent tal-kuntrattur''. |
5.14 |
Skont Artikolu 8(2), l-analiżi tas-sikurezza għandha tiġi inkluża fir-rapport tas-sikurezza. Madanakollu d-Direttiva 2009/KE tistipula li rapport tas-sikurezza għandu jitfassal abbażi tal-analiżi tas-sikurezza, li hija differenza importanti. Il-KESE jirrakkomanda li jiġi adottat it-test ta' Artikolu 4(2) tad-Direttiva. |
5.15 |
Artikolu 9(4) diffiċli biex jinftiehem u għalhekk għandu jintuża minflok it-test ta' Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/9/KE. |
5.16 |
Artikolu 10(1) jistipula li l-installazzjoni tar-rotta b'kablaġġ tista' tibqa' titħaddem biss jekk tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbilti fir-rapport tas-sikurezza. Il-manwal tas-servizzjar u l-manteniment huwa dokument importanti għas-sikurezza tat-tħaddim ta' installazzjoni. Il-KESE jirrakkomanda għalhekk li t-test jiġi emendat billi minflok il-frażi ''tibqa’ titħaddem'' tintuża biss il-kelma ''titħaddem'' u minflok ''rapport tas-sikurezza'' tintuża ''id-dokumentazzjoni speċifikata f'Artikolu 9(2)''. |
5.17 |
Skont il-moduli definiti fl-Anness, il-manifattur jista' jwettaq il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità biss ma' korp notifikat. It-test ta' Artikolu 11(2) għandu jirrifletti dan billi minnu titħassar il-frażi ''jew iqabbdu lil xi ħadd jagħmilhielhom''. |
5.18 |
It-terminu ''l-informazzjoni dwar is-sikurezza'' li intuża f'Artikolu 11(7) mhux ċar u għandu jiġi speċifikat. |
5.19 |
Artikolu 16 jirreferi għall-''ewwel paragrafu'' minkejja li dan ma jeżistix. |
5.20 |
Id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 768 dwar oġġezzjonijiet formali għal standards armonizzati (Artikolu R9 u R19) għandhom jidħlu wkoll f'Artikolu 17. |
5.21 |
Hemm ir-riskju li Artikolu 18(4) jiġi applikat ukoll għal ferroviji ta' prova. Sabiex dan jiġi evitat għandu jiżdied it-test ''ħlief għall-ferroviji ta' prova''. |
5.22 |
Artikolu 19(2) jista' jinftiehem li qed ifisser li d-dikjarazzjonijiet ta' konformità tal-komponenti tas-sikurezza jew is-sottosistemi li diġà qiegħdin fis-suq għandhom jiġu aġġornati wkoll. Għalhekk l-aħħar parti tal-ewwel sentenza ''għandha tiġi aġġornata kontinwament'' għandha tgħid minflok hekk ''għandha tiġi aġġornata meta sottosistema jew komponent tas-sikurezza jitqiegħdu fis-suq''. |
5.23 |
Skont Artikolu 21(2), anki s-sottosistemi għandhom jirċievu t-tikketta CE. Billi ma hemm l-ebda sottosistema fuq is-suq li ma fihiex mill-inqas komponent wieħed tas-sikurezza li jkollha t-tikketta CE tagħha, dan ir-rekwiżit għandu jiġi eliminat. Il-KESE jirrakkomanda għalhekk li jitħassru l-kliem ''s-sottosistema jew''. |
5.24 |
L-Anness II għandu jiġi rivedut ukoll. Madankollu, dan għandu jsir b'mod komprensiv u ċertament bil-parteċipazzjoni tal-imsieħba kollha involuti. |
Brussell, 9 ta' Lulju 2014
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) ĠU C 388, 31.12.1994, p. 26 (mhux disponibbli bil-Malti).
(2) Dan il-punt u t-tliet paragrafi sussegwenti huma premessi tad-Direttiva 2000/9/KE (mhux disponibbli bil-Malti).
(3) ĠU L 106, 3.5.2000, p. 21 (mhux disponibbli bil-Malti).
(5) Artikolu 114 tat-TFUE.
(6) Ta' min jinnota li diversi kampjuni indikaw nuqqasijiet fl-Annessi jew l-Artikoli meħuda mid-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE (Artikolu R2 ff).
(7) Huwa mistenni li ċ-ċertifikati ta' konformità tal-KE ma jitilfux il-validità tagħhom.
(8) ĠU. C 120, 16.5.2008, p. 1.