Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AP0532

Strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp - miżuri ta' akkumpanjament marbutin mal-esportazzjoni ***III Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal- 1 ta' Diċembru 2011 dwar it-test konġunt, approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (PE-CONS 00059/2011 – C7-0379/2011 – 2010/0059(COD))
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠISLATTIVA

ĠU C 165E, 11.6.2013, pp. 105–107 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 165/105


Il-Ħamis 1 ta’ Diċembru 2011
Strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp - miżuri ta' akkumpanjament marbutin mal-esportazzjoni ***III

P7_TA(2011)0532

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar it-test konġunt, approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (PE-CONS 00059/2011 – C7-0379/2011 – 2010/0059(COD))

2013/C 165 E/21

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tielet qari)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni u d-dikjarazzjonijiet rilevanti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (PE-CONS 00059/2011 – C7-0379/2011),

wara li kkunsidra l-posizzjoni tiegħu fl-ewwel qari (1) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2010)0102),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fit-tieni qari (2) dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (3),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-emendi tal-Parlament għall-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (COM(2011)0179),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fit-tieni qari,

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(13) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 69 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tad-delegazzjoni tiegħu għall-Kumitat ta' Konċiljazzjoni (A7-0403/2011),

1.

Japprova t-test konġunt;

2.

Jiddikjara li fi spirtu ta' kompromess, jinsab lest li jaċċetta l-pakkett ta' kompromess peress illi l-perjodu ta' żmien li fadal għall-istrumenti attwali hu kemxejn qasir; jiddispjaċih li minħabba r-riġidità tal-Kunsill ma kienx possibbli li jittejjeb aktar it-test tal-istrument DCI/BAM, b'mod partikolari fir-rigward tal-allokazzjonijiet finanzjarji f'deċiżjonijiet strateġiċi, fejn hu importanti li l-ko-leġiżlaturi jinżammu fuq l-istess livell; jenfasizza li dan ir-riżultat ma joħloqx preċedent għal negozjati futuri dwar l-istrumenti ta' finazjament esterni wara l-2013; jiddikjara, li skont il-kriterji definiti fl-Artikolu 290(1) fit-Trattat għall-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, sejjer jinsisti fuq l-użu tal-atti delegati kull meta jkunu involuti fuq il-finanzjament u l-ipprogrammar fir-rigward ta' dawn l-istrumenti;

3.

Jikkonferma d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament u tal-Kunsill annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

4.

Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

6.

Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att, flimkien mad-dikjarazzjonijiet relattivi tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

7.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


(1)  Testi adottati tal-21.10.2010, P7_TA(2010)0382.

(2)  Testi adottati tat-3.2.2011, P7_TA(2011)0030.

(3)  ĠU C 7 E, 12.1.2011, p. 17.


Il-Ħamis 1 ta’ Diċembru 2011
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠISLATTIVA

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni għall-programm tal-Miżuri ta' Akkumpanjament tas-settur tal-Banana (BAM) fl-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI)

Fil-każ speċifiku tal-Miżuri ta' Akkumpanjament tas-settur tal-Banana (BAM) u fil-perspettiva tal-loġika u l-objettivi tal-programm kif stabbilit fl-Artikolu 17a tal-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), il-Kummissjoni Ewropea tikkonferma li, fid-determinazzjoni tal-allokazzjonijiet indikattivi skont il-pajjiż, hija ser tapplika metodoloġija b'mod objettiv u uniformi li tieħu kont tal-importanza tas-settur tal-banana u tar-realtajiet ekonomiċi u ta' żvilupp ta' kull pajjiż benefiċjarju eliġibbli.

Il-Kummissjoni tiddikjara li biħsiebha tapplika metodoloġija li tagħti bejn wieħed u ieħor l-istess importanza lill-ewwel żewġ kriterji, filwaqt li t-tielet kriterju għandu jintuża bħala koeffiċjent tal-iżvilupp. L-objettiv ta' din il-metodoloġija huwa li tingħata importanza ekwivalenti fil-pajjiżi benefiċjarji kollha għal-livell tagħhom ta' kummerċ tal-banana mal-Unjoni Ewropea u l-importanza tal-esportazzjonijiet tal-banana lejn l-Unjoni għall-ekonomiji ta' kull pajjiż benefiċjarju. Il-livell ta' żvilupp relattiv għandu jservi ta' bażi għall-allokazzjonijiet favur pajjiżi b'livelli ta' żvilupp aktar baxxi, konformement mal-objettivi ta' żvilupp tal-Unjoni kif stabbiliti fit-Trattati u d-DCI.

Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-użu tal-Atti Delegati fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (MFF) futur għall-2014-2020

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jieħdu nota tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Baġit għall-Ewropa 2020 (COM(2011)0500 (1)), b'mod partikolari fir-rigward tal-użu propost tal-atti delegati fl-istrumenti futuri ta' finanzjament estern u jistennew il-proposti leġislattivi, li għandhom ikunu debitament ikkunsidrati.


(1)  Il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha: Baġit għall-Ewropa 2020, (COM(2011)0500), tiddikjara li:

 

"Barra minn hekk, il-bażijiet legali futuri għall-istrumenti differenti se jipproponu l-użu estensiv ta’ atti delegati biex jippermettu li jkun hemm aktar flessibbiltà fil-ġestjoni tal-politiki matul il-perjodu ta’ finanzjament, filwaqt li jiġu rrispettati l-prerogattivi taż-żewġ fergħat tal-leġislatur."

kif ukoll

 

"Qiegħed jitqies biex jiżdied l-iskrutinju demokratiku tal-għajnuna esterna. Dan jista’ jinkiseb bl-użu ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għal ċerti aspetti tal-programm, mhux biss jitpoġġew il-koleġislaturi fuq livell ekwu iżda tiġi ggarantita wkoll aktar flessibbiltà fl-ipprogrammar. Għall-FEŻ, qiegħed jiġi propost li l-iskrutinju jinġab fuq l-istess livell mad-DCI, filwqat li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ dan l-istrument".


Top