EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1604

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar u dwar ikel għal skopijiet mediċi speċjali” COM(2011) 353 finali — 2011/0156 (COD)

ĠU C 24, 28.1.2012, p. 119–121 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/119


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar u dwar ikel għal skopijiet mediċi speċjali”

COM(2011) 353 finali — 2011/0156 (COD)

2012/C 24/26

Relatur: is-Sinjura SHARMA

Nhar il-5 ta’ Lulju 2011, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar u dwar ikel għal skopijiet mediċi speċjali

COM(2011) 353 finali – 2011/0156 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Ottubru 2011.

Matul l-475 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta’ Ottubru 2011 (seduta tas-26 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'141 vot favur u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat ifaħħar lill-Kummissjoni għar-reviżjoni komprensiva li għamlet tal-leġislazzjoni eżistenti dwar l-ikel u jirrikonoxxi li huwa diffiċli li tiġi ċċarata d-distinzjoni bejn l-ikel maħsub għall-pubbliku inġenerali u l-ikel maħsub għal gruppi speċifiċi. Dan in-nuqqas ta’ ċarezza jagħmel l-interpretazzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tal-leġislazzjoni attwali diffiċli, b'mod partikolari għall-Istati Membri u s-soċjetà ċivili.

1.2

Il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni tal-impatt dettaljata u konsultazzjonijiet marbuta magħha sabiex tindirizza l-għanijiet ta’ koerenza, semplifikazzjoni u armonizzazzjoni tas-suq intern. Il-valutazzjoni tal-impatt analizzat kwistjonijiet bħall-piżijiet amministrattivi, ir-riformulazzjoni u t-tikkettar, l-innovazzjoni, il-kompetittività, il-prezzijiet, il-protezzjoni u l-informazzjoni tal-konsumatur, il-konsegwenzi potenzjali għall-impjieg u l-intrapriżi ż-żgħar u l-benesseri soċjali.

1.3

Huwa importanti ħafna li tinżamm id-definizzjoni attwali ta’ “ikel għal skopijiet mediċi speċjali” sabiex ikun possibbli li ssir distinzjoni bejn dan l-ikel u l-ikel għall-konsum ġenerali u sabiex jiġi żgurat li l-formulazzjoni tiegħu tinkludi ingredjenti vitali bħall-aċidi amminiċi u l-oligopeptidi.

1.4

Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-ħalib tat-trab għal trabi prematuri, li huma grupp estremament vulnerabbli, għandu jiġi inkluż fil-kategorija tal-ikel nutrizzjonalment komplet b'formulazzjoni ta’ nutrijenti standard.

1.5

L-applikazzjoni attwali tal-leġislazzjoni qafas, kif rikonoxxuta mill-Kummissjoni, qed twassal għad-distorsjoni tal-kummerċ fis-suq intern minħabba l-fatt li l-interpretazzjoni u l-infurzar tagħha jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Nittamaw li r-Regolament il-ġdid propost jikkoreġi din id-distorsjoni, mingħajr ma jkun hemm konsegwenzi koroh għall-impjieg jew għall-SMEs fi ħdan is-settur u jiżgura t-tkomplija tal-innovazzjoni.

1.6

Il-prodotti kollha maħsuba għall-konsum mill-bniedem huma attwalment protetti permezz tal-leġislazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel, it-tikkettar u l-indikazzjonijiet, bl-appoġġ tal-EFSA (European Food Safety Authority – l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel). Il-proposta l-ġdida ser tappoġġja l-armonizzazzjoni tar-regoli tal-UE fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel u l-protezzjoni tal-konsumatur, billi tneħħi kwalunkwe duplikazzjoni u ambigwità. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà ser jiġi rispettat billi l-Istati Membri jitħallew japplikaw regoli nazzjonali meta dan ikun iġġustifikat fl-interess tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

1.7

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid il-preparazzjonijiet ta’ ikel maħsuba għall-iżvilupp tat-tfal żgħar bejn it-12 u s-36 xahar, wara li ssir valutazzjoni xjentifika bir-reqqa. Attwalment, il-konklużjonijiet xjentifiċi huma konfliġġenti, u l-pubbliku jeħtieġ linji gwida u informazzjoni ċari.

1.8

Fil-fehma tal-KESE, il-leġislazzjoni l-ġdida għandha żżomm id-dispożizzjoni legali attwali (Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-oġġetti tal-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari) li tippermetti li l-informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel speċjali u dwar l-użu adegwat tagħhom tiġi kkomunikata lill-professjonisti tas-saħħa, bil-għan li jkunu jistgħu jinfurmaw lill-konsumaturi u lill-pazjenti b'mod adegwat u jagħtuhom rakkomandazzjonijiet korretti.

1.9

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li ma jkun hemm l-ebda distorsjoni fil-qasam tal-ikel maħsub għall-persuni sportivi, li s-suq Ewropew tal-konsumaturi tiegħu jirrappreżenta madwar EUR 2 357, b'rata ta’ tkabbir annwali ta’ 7 %. Rigward il-kuntest usa' tas-sikurezza u t-tikkettar tal-ikel, il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tikkunsidra li, f'leġislazzjoni futura, tintroduċi twissijiet bil-miktub fuq il-prodotti tal-ikel li l-profili nutrittivi tagħhom (b'mod partikolari fil-każ ta’ prodotti maħsuba għall-persuni sportivi u dawk maħsuba għat-tnaqqis fil-piż/il-kontroll tad-dieta) jista' jkollhom effett ħażin, jekk jiġu kkunsmati għal perjodu twil jew fi kwantitajiet imprudenti.

1.10

Il-KESE jirrikonoxxi li, minħabba d-diversità ekonomika, soċjali u kulturali attwali fl-Ewropa, jista' ma jkunx possibbli li l-gruppi kollha fi ħdan il-popolazzjoni jirċievu n-nutrijenti kollha meħtieġa biex jgħixu stil ta’ ħajja li jagħmel tajjeb għas-saħħa, u dan wassal għall-iżvilupp ta’ ikel imsaħħaħ bin-nutrijenti, u flimkien ma’ dan il-Kummissjoni żviluppat ukoll regoli dwar ir-reklamar u t-tikkettar. F'dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-miżuri leġislattivi u ta’ implimentazzjoni attwali tal-UE, li jiżguraw li l-indikazzjonijiet volontarji kollha li jsiru b'rabta ma’ prodotti tal-ikel ikunu ċari, ġusti u ssostanzjati. Dawn l-affermazzjonijiet ma jistgħux ikunu qarrieqa sabiex il-konsumaturi finali jkunu jistgħu jagħmlu għażla tajba u, fil-każ tal-ikel għal skopijiet mediċi speċjali, sabiex il-persunal ikkwalifikat fil-qasam tal-mediċina, in-nutrizzjoni u l-farmaċija jkollu informazzjoni adegwata dwar il-kontenut nutrittiv u l-użu korrett tiegħu.

1.11

Fl-aħħar nett, il-KESE jappoġġja r-rekwiżit kontinwu, kif stipulat fil-premessa tal-proposta tal-Kummissjoni, għal Sistema ta’ Twissija Bikrija għall-Ikel u l-Għalf (RASFF – Rapid Alert System for Food and Feed) li għandha tiġi implimentata f'każ li jfaqqgħu kriżijiet tal-ikel li jistgħu jolqtu lill-konsumaturi fl-inħawi kollha tal-Ewropa.

2.   Kuntest

2.1

Il-moviment liberu ta’ ikel sigur u bnin huwa aspett importanti tas-suq intern u jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini. F'dan il-kuntest, il-leġislazzjoni tal-UE dwar l-ikel ġiet żviluppata sabiex tiżgura li “L-ikel m'għandux jitqiegħed fuq is-suq jekk ma jkunx tajjeb”. Dan ir-rekwiżit jikkonċerna kemm il-kontenut fiżiku tiegħu kif ukoll ir-regoli dwar it-tikkettar.

2.2

Id-Direttiva Qafas dwar l-Ikel Djetetiku (Direttiva 2009/39/KE) ġiet adottata fl-1977 biex tindirizza l-fatt li “d-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali dwar l-oġġetti ta’ ikel għal użu ta’ nutriment partikolari jfixklu l-moviment liberu tagħhom, [u] jistgħu jkawżaw kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux ugwali”. It-termini mid-definizzjoni ta’ “ikel għal skopijiet mediċi speċjali” nżammu fil-proposta, bil-għan li jiġi żgurat li ssir distinzjoni bejn dan l-ikel u l-ikel normali, u bil-għan ukoll li jiġu inklużi ingredjenti essenzjali fil-formulazzjoni tiegħu. Id-“definizzjoni komuni ta’ ikel djetetiku” żviluppata skont “id-dispożizzjonijiet ġenerali u r-regoli komuni tat-tikkettar” tgħid li l-ikel djetetiku għandu tliet karatteristiċi prinċipali:

huwa speċjali u distint minn ikel normali (il-kompożizzjoni jew il-proċess tal-manifattura);

huwa maħsub għal gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni u mhux għall-pubbliku inġenerali;

jissodisfa l-ħtiġijiet speċifiċi b'rabta man-nutriment tal-persuni li għalihom huwa maħsub.

2.3

Fost l-ikel djetetiku, kif definit fid-Direttiva Qafas dwar l-Ikel Djetetiku, insibu ikel maħsub għat-trabi jew it-tfal iż-żgħar, għall-persuni li jbatu minn intolleranza għall-glutina jew għal skopijiet mediċi speċjali, u f'dawn il-każi trid tiġi indikata “stqarrija ta’ adegwatezza għall-użu nutrittiv partikolari” fuq l-imballaġġ. Għal xi wħud minn dawn il-gruppi (ħalib tat-trabi, ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel għat-trabi, ikel maħsub sabiex jintuża f'dieti ta’ restrizzjoni ta’ enerġija, ikel għal skopijiet mediċi u ikel għal persuni li ma taqbilx magħhom il-glutina), diġà ġiet stabbilita leġislazzjoni speċifika dwar ir-regoli marbuta mal-kompożizzjoni u t-tikkettar. Iżda, fil-każ tal-ikel għall-persuni sportivi, l-ikel għall-persuni bid-dijabete u l-persuni li ma jaqbilx magħhom il-lattosju, ma ġewx stabbiliti regoli speċifiċi.

2.4

Fl-2007, il-Kummissjoni bdiet proċess ta’ konsultazzjoni mal-Istati Membri dwar id-Direttiva Qafas dwar l-ikel djetetiku. Minn dak iż-żmien 'l hawn, saru iżjed konsultazzjonijiet mal-Istati Membri, il-gruppi ta’ tmexxija fi ħdan id-dipartimenti tal-Kummissjoni (SANCO, AGRI, ENTR, RTD, TRADE u s-segretarjat ġenerali) u gruppi tal-industrija u tal-konsumatur u tħejja wkoll rapport ta’ konsulenza esterna.

2.5

Fuq il-bażi ta’ dawn il-konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni ressqet din il-Proposta għal Regolament dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar u dwar ikel għal skopijiet mediċi speċjali. Il-Proposta għal Regolament ser tirrevoka d-Direttivi li ġejjin:

Direttiva 2009/39/KE dwar l-oġġetti tal-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari (Direttiva Qafas Riformulata, 1989);

Direttiva 92/52/KEE dwar il-formulae tat-trabi u l-formulae tal-prosegwiment maħsuba għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi;

Direttiva 96/8/KE dwar ikel maħsub sabiex jintuża f'dieti ta’ restrizzjoni ta’ enerġija għat-tnaqqis fil-piż;

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 li jikkonċerna l-kompożizzjoni u l-ittikkettar ta’ oġġetti tal-ikel għal dawk li ma taqbilx magħhom il-glutina.

2.6

L-azzjoni li qed tipproponi l-Kummissjoni hija li tissemplifika u tiċċara r-rekwiżiti legali li japplikaw biss għal numru limitat ta’ kategoriji ta’ ikel u tistabbilixxi lista unika ta’ sustanzi li jistgħu jiġu miżjuda mal-ikel (“lista tal-Unjoni”) kopert minn din il-proposta. B'mod partikolari, din:

tabolixxi l-kunċett ta’ ikel djetetiku;

tipprovdi liġi qafas ġenerali ġdida b'kamp ċar u definit ta’ applikazzjoni, li tapplika biss għal numru żgħir ta’ kategoriji definiti kif suppost ta’ ikel li ġew identifikati bħala essenzjali għal ċerti gruppi stabbiliti ta’ konsumaturi bi bżonnijiet nutrittivi speċifiċi;

iżżomm miżuri speċifiċi għal dawn il-kategoriji essenzjali tal-ikel;

tistabbilixxi regoli ġenerali b'rabta mal-kompożizzjoni u t-tikkettar li japplikaw għal dawn il-kategoriji tal-ikel;

tneħħi d-differenzi fl-interpretazzjoni u d-diffikultajiet tal-Istati Membri u l-operaturi meta jiġu applikati punti differenti tal-leġislazzjoni dwar l-ikel permezz tas-semplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju;

tneħħi l-piżijiet assoċjati mal-proċedura ta’ notifika;

tiggarantixxi li prodotti simili huma ttrattati bl-istess mod fl-Unjoni;

tneħħi r-regoli li ma għadhomx meħtieġa, li huma inkonsistenti u potenzjalment konfliġġenti;

twaqqaf miżura legali unika għas-sustanzi li jistgħu jiġu miżjuda mal-ikel kopert minn din il-proposta;

2.7

Kif imniżżel fl-Artikolu 6 tal-Proposta għal Regolament tal-Kummissjoni, huma maħsuba proċeduri ta’ emerġenza f'sitwazzjonijiet li fihom l-ikel kopert minn din il-proposta jinvolvi riskju serju għal ħajjet il-bniedem.

Brussell, 26 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


Top