EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1167

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020 COM(2010) 553 finali

ĠU C 318, 29.10.2011, p. 82–86 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/82


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020”

COM(2010) 553 finali

2011/C 318/13

Relatur: is-Sur CEDRONE

Nhar it-20 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020

COM(2010) 553 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Ġunju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tal-14 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’114-il vot favur, 6 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jaqbel li l-UE teħtieġ it-tkabbir intelliġenti fl-Istrateġija Ewropa 2020 sabiex tiffaċċja l-isfidi tal-lum u ta’ għada. Parti kbira tal-UE mhux biss għandha problemi ta’ tkabbir bil-mod, nuqqas ta’ riċerka u żvilupp u innovazzjoni, iżda wkoll qed ikollha tindirizza kwistjonijiet oħra bħar-rata għolja ta’ qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ, problemi soċjali, il-faqar u l-integrazzjoni, studenti li qed jitilqu mill-iskola mingħajr il-kwalifiki neċessarji biex isibu xogħol, sfidi demografiċi u restrizzjonijiet baġitarji.

1.2   Il-politika ta’ koeżjoni tinbet mill-għan li niddefendu l-mudell soċjali Ewropew, li jikkombina l-aspetti relatati mal-kompetizzjoni ħielsa u l-ekonomija soċjali tas-suq ma’ objettivi bbażati fuq is-solidarjetà u l-promozzjoni ta’ prijoritajiet speċifiċi ta’ żvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali hekk kif inhu stipulat fl-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

1.3   Il-KESE jaqbel li l-politika reġjonali hija strument ewlieni għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 għaliex is-suċċess biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha ser jiddependi l-iżjed fuq deċiżjonijiet li jridu jittieħdu fil-livell lokali u reġjonali, kif iddikjara l-Kummissarju tal-UE Johannes Hahn. (1)

1.4   Il-KESE jemmen li wieħed mill-għanijiet l-aktar importanti tal-politika ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali – u dan huwa l-punt ta’ referenza “korrett” meta l-Kummissjoni titkellem dwar it-tkabbir intelliġenti fl-Istrateġija Ewropa 2020 (2) – għandu jibqa’ dak li jippromovi l-iżvilupp armonjuż madwar l-Unjoni kollha, b’mod partikolari billi jitnaqqsu d-differenzi bejn il-livell tal-iżvilupp tar-reġjuni differenti sabiex dawn jintegraw bis-sħiħ fl-UE.

1.5   Il-KESE jara b’mod pożittiv u japprezza x-xewqa tal-Kummissjoni li “tippromovi l-innovazzjoni fir-reġjuni kollha” mingħajr ħela ta’ riżorsi, “filwaqt li tiżgura l-komplementarjetà bejn is-sostenn tal-UE, nazzjonali u reġjonali għall-innovazzjoni, [u] ir-riċerka u l-iżvilupp”, iżda jaħseb li jkun utli li r-riċerka tiġi ffinanzjata mill-fondi kollha l-oħra u mhux biss mill-politika ta’ koeżjoni.

1.6   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-politika reġjonali li tikkontribwixxi għat-tkabbir intelliġenti għandha tiġi kkunsidrata bħala suppliment għall-inizjattiva ewlenija “Unjoni ta’ Innovazzjoni” u bħala appell sabiex jinbeda l-proċess biex jitħaffef l-investiment fl-innovazzjoni, u mhux nibqgħu nistennew il-perjodu finanzjarju futur meta l-Istrateġija Ewropa 2020 bla dubju ser tkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni tal-Fondi ta’ Koeżjoni (3).

1.7   Il-KESE huwa mħasseb dwar il-fatt li l-politika ta’ koeżjoni tiġi frammentata u żvijata mill-għanijiet oriġinali tagħha jiġifieri li tipprovdi finanzjament sabiex jiġu indirizzati l-iżbilanċi reġjonali permezz ta’ politiki settorjali, kif jikkonferma wkoll it-Trattat ta’ Lisbona. Għandu jkun żgurat li dan l-approċċ iqis l-isfidi, il-ħtiġijiet u l-potenzjal, jiġifieri l-punti tat-tluq ta’ kull wieħed mir-reġjuni u l-Istati Membri inkwistjoni, u għandu jiġi evitat li dan l-approċċ ikun ta’ dannu għall-koeżjoni, mhux biss mil-lat ekonomiku, soċjali u territorjali, iżda qabel xejn mil-lat politiku u kulturali.

1.8   Minkejja li l-KESE jqis li importanti ħafna l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-politika għall-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni, jemmen ukoll li dawn il-kwistjonijiet iridu jiġu ttrattati b’attenzjoni kbira fir-rigward tal-ispeċifiċitajiet reġjonali. L-innovazzjoni ta’ proċess ta’ produzzjoni tista’ tkun ir-riżultat ta’ riċerka li twettqet f’territorju differenti minn dak fejn hija applikata, u minn persuni differenti. Għalhekk għandha tingħata attenzjoni lill-kwistjonijiet ta’ trasferibbiltà u l-kapaċità ta’ replikazzjoni tal-proċessi innovattivi u għad-disseminazzjoni tagħhom fil-livell reġjonali. Madankollu jilqa’ l-impenn sabiex tinħoloq sinerġija bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-politiki l-oħra tal-UE, u jitjieb l-użu tal-FEŻR.

1.9   Il-KESE jemmen, kif indikat fil-Komunikazzjoni, li l-isforz biex jinkiseb l-objettiv tat-tkabbir intelliġenti għandu jkollu l-istruttura reġjonali tiegħu, sostnuta mill-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur, id-distrett, il-cluster, jew il-makroreġjun li jkun konness mal-istituti tar-riċerka u l-universitajiet li diġà jeżistu u/jew li jridu jissaħħu u ma’ intrapriżi lokali u netwerks ta’ komunikazzjoni li jistgħu jiffaċilitaw it-twaqqif fis-sod u l-iżvilupp fil-post, filwaqt li jiġu promossi l-ispeċjalizzazzjoni u l-governanza reġjonali.

1.10   Il-KESE jemmen ukoll li l-politika ta’ koeżjoni u l-Istrateġija 2020 għandhom ikunu s-suġġett ta’ Kunsill Ewropew speċjali; il-politika ta’ koeżjoni ma tistax minn politika strateġika tal-UE ssir verżjoni fqira ta’ din, u lanqas għandha titqies bħala l-uniku strument ta’ tmexxija potenzjali tal-2020.

1.11   It-tnedija ta’ din il-proposta mill-Kummissjoni m’għandhiex titqies bħala opportunità sabiex il-fondi jitqassmu ftit ftit mar-reġjuni kollha, inklużi r-reġjuni sinjuri, bil-wegħda ta’ objettiv “nobbli”; anzi, għandha tittieħed l-opportunità sabiex tinkiseb konverġenza reġjonali u jiġi affermat kunċett Ewropew, permezz ta’ indikaturi komuni, ta’ koeżjoni ta’ eċċellenza!

1.12   Bl-istess mod huwa kruċjali li jkun żgurat li l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-programmi varji tal-UE u li jiġi promoss il-ħolqien ta’ sinerġiji bejn dawn il-programmi varji tal-UE, permezz tas-semplifikazzjoni tal-proċeduri u t-tneħħija tal-ħitan li jifirdu d-DĠ differenti, jiġifieri bejn il-Kummissjoni nnifisha bħala entità, l-Istati Membri u r-reġjuni, dejjem konxji li l-amministrazzjonijiet qegħdin hemm biex jaqdu lill-pubbliku, lin-negozji u lill-komunitajiet, sabiex tiġi ffaċilitata l-ħajja tagħhom, u mhux bil-maqlub.

1.13   Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha raġun tipproponi approċċ wiesa’ lejn l-innovazzjoni li ma jkunx ristrett għall-kwistjonijiet tekniċi jew ta’ teknoloġija. Madankollu, il-Kumitat jippreferi li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni akbar lill-opportunitajiet prattiċi għall-partijiet interessati differenti li jużaw il-programmi ta’ innovazzjoni. Pereżempju, l-SMEs – li ftit minnhom biss għandhom ir-riċerkaturi – jistgħu jibbenefikaw minn programmi ta’ innovazzjoni. Bosta SMEs huma fil-fatt innovattivi, iżda ma jużawx il-possibbiltajiet offruti lilhom biex jakkwistaw l-appoġġ mill-programmi tal-UE, minkejja li kieku jibbenefikaw mhux ftit minn appoġġ bħal dan. Jeħtieġ li jiżdied l-aċċess għall-kapital ta’ riskju u f’dan ir-rigward għandu jissaħħaħ il-programm JEREMIE, għalkemm l-użu ta’ dan l-istrument m’għandux isir obbligatorju. Għandu jitħalla f’idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar jekk jużawx għotjiet, self jew taħlita tat-tnejn, kif ukoll biex jagħżlu l-kamp tematiku tal-applikazzjoni. Barra minn hekk is-semplifikazzjoni hija neċessarja f’dan il-qasam.

1.14   Forom ġodda ta’ sħubija effettiva – pjattaforma ta’ kunsens – jistgħu jkunu strumentali għal dan il-għan. Dawn jistgħu jakkumpanjaw l-istrateġija tal-innovazzjoni, bil-parteċipazzjoni u l-għajnuna tal-partijiet interessati kollha, pubbliċi u privati, inklużi l-banek, u b’regoli sempliċi, ċari u effikaċi, li jirregolaw il-proġetti tul iż-żmien kollu tagħhom, u jistabbilixxu l-iskadenzi, ir-responsabbiltajiet u s-sanzjonijiet eventwali.

1.15   Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li għandu jinqaleb l-approċċ attwali tal-Kummissjoni, li hija aktar ikkonċernata dwar l-aspetti formali tal-programmi milli dwar il-kontenut u, b’mod aktar speċifiku, dwar ir-riżultati miksuba, li huma l-objettiv ta’ prijorità li għandna nimmiraw għalih.

1.15.1   Jeħtieġ, minflok, appoġġ parallel u konċertat, skont l-analiżi territorjali, għaż-żewġ poli opposti ta’ rkupru u innovazzjoni.

1.16   Il-KESE huwa ddispjaċut bl-inugwaljanzi konsiderevoli li jeżistu mhux biss bejn ir-reġjuni tal-UE iżda wkoll fi ħdan id-diversi Stati Membri. Dawn l-inugwaljanzi joħorġu wkoll fid-dieher fis-setturi tar-Riċerka u l-Iżvilupp u tal-innovazzjoni u juru l-bżonn li tissaħħaħ il-politika ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali sal-2020.

1.17   Fl-istess ħin il-KESE jinnota li l-Istati Membri tal-UE qed iħabbtu wiċċhom ukoll ma’ kompetizzjoni dinjija dejjem ikbar min-naħa ta’ pajjiżi industrijalizzati ġodda li qegħdin jiżviluppaw b’mod konsiderevoli fil-qasam tar-Riċerka u l-Iżvilupp u tal-innovazzjoni u li b’mod partikulari fis-setturi marbutin mat-teknoloġija avvanzata diġà għamlu ċertu progress.

1.18   Għalhekk il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea, bl-inizjattiva tagħha “Unjoni ta’ Innovazzjoni”, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020, u bil-Komunikazzjoni tagħha dwar it-tkabbir intelliġenti, qiegħda tenfasizza ċerti probemi u tinvolvi l-politika reġjonali. Jekk huwa minnu li huma l-miżuri deċentralizzati li jiffavorixxu l-iżjed ir-rinnovazzjoni, din mhijiex possibbli mingħajr għajnuna. Jeħtieġ li dawn il-miżuri, bħall-politiki, jkunu l-istess fl-UE kollha.

1.19   Il-KESE jaqbel mal-idea li wieħed għandu jsib il-vantaġġi fid-differenzi bejn ir-reġjuni u li dan jitlob li jiġu stabbiliti forom totalment ġodda ta’ kooperazzjoni bir-riżorsi kollha disponibbli fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali.

1.20   Il-KESE huwa tal-fehma li enfasi ikbar fuq postijiet tax-xogħol innovattivi hija konformi mal-politika ta’ tkabbir intelliġenti u l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti (4). Il-Kumitat jenfasizza fl-Opinjoni SC/034 “Postijiet tax-xogħol innovattivi bħala sorsi ta’ produttività u ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba” li l-idea ta’ postijiet tax-xogħol innovattivi hija fil-qalba tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni għandha tniedi proġett pilota dwar postijiet tax-xogħol innovattivi bħala parti mill-inizjattiva ewlenija “Unjoni ta’ Innovazzjoni”.

1.21   Il-Kumitat japprova l-fatt li l-Kummissjoni qed tippjana programm ta’ riċerka ikbar għas-sena d-dieħla għas-settur pubbliku u l-innovazzjoni soċjali. Il-KESE jaqbel mal-introduzzjoni ta’ klassifika għall-innovazzjoni fis-settur pubbliku, bi proġetti pilota għall-innovazzjoni soċjali Ewropea sabiex l-innovaturi soċjali jingħataw l-għajnuna u bi proposti għall-innovazzjoni soċjali fi programmi taħt il-Fond Soċjali Ewropew. Jaqbel ukoll li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jridu jkunu involuti. Inizjattivi bħal dawn jistgħu jitqiesu bħala t-triq lejn tkabbir intelliġenti.

1.22   Il-KESE jappoġġja l-idea li jiġu żviluppati strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti li r-reġjuni u ż-żoni lokali jridu jiżviluppaw huma nnifishom, abbażi ta’ rekwiżiti speċifiċi u billi jitqies il-livell tal-iżvilupp tagħhom. It-tkabbir intelliġenti f’xi reġjuni għadu jikkonsisti fl-iżvilupp ta’ infrastruttura essenzjali, bħat-telekomunikazzjonijiet, l-enerġija jew it-trattament tal-ilma.

1.23   Il-politika reġjonali u b’mod partikolari l-fondi reġjonali tal-UE, hija essenzjali sabiex jinkiseb it-tkabbir intelliġenti, u tabilħaqq biex tinkoraġġixxi u tgħin lill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali biex jibnu strateġiji għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti li jgħinu lir-reġjuni jidentifikaw l-aqwa assi tagħhom.

1.24   Il-Kummissjoni targumenta fil-Komunikazzjoni tagħha li l-konċentrazzjoni tar-riżorsi fuq għadd limitat ta’ attivitajiet għandha tiżgura użu iktar effettiv u effiċjenti tal-fondi u tgħin biex jiżdied l-investiment privat, jekk sakemm l-oqsma ta’ prijorità għal attivitajiet u investiment huma determinati mill-awtoritajiet lokali adatti flimkien mal-imsieħba ekonomiċi u tas-soċjetà ċivili.

1.25   Bħala konklużjoni, l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u dawk tal-politika ta’ koeżjoni jaqblu flimkien. Permezz tal-istruttura unika tagħha tal-governanza f’diversi livelli, il-politika tal-koeżjoni qiegħda fil-pożizzjoni li tipprovdi inċentivi u għajnuna konkreti sabiex tiġi żgurata s-sjieda tal-objettivi tal-Ewropa 2020 fil-livell makroreġjonali u fil-livell interreġjonali, reġjonali u lokali. Iżda l-qafas istituzzjonali għall-implimentazzjoni tagħhom ma jinkludix elementi finanzjarji u legali komuni li flimkien jistgħu jinbidlu f’fatturi li jikkontribwixxu għal żieda fl-effiċjenza.

1.25.1   Għaldaqstant ikun tajjeb li tiġi introdotta kooperazzjoni msaħħa mmirata lejn il-kisba tal-objettivi hawn fuq imsemmija.

2.   Proposti

2.1   Definizzjonijiet: l-innovazzjoni għandha ħafna definizzjonijiet. Fil-pjan “Unjoni ta’ Innovazzjoni”, l-innovazzjoni tfisser bidla li tħaffef u ttejjeb il-mod kif nikkonċepixxu, niżviluppaw, nipproduċu u naċċessaw prodotti, proċessi industrijali u servizzi ġodda. Bidliet li joħolqu iktar impjiegi, itejbu ħajjet in-nies u jibnu soċjetajiet iżjed ekoloġiċi u aħjar. Il-KESE jappoġġja d-definizzjoni l-ewwel u qabel kollox għaliex tkopri ħafna mill-oqsma politiċi

2.1.1   Fl-istess waqt id-definizzjoni turi li ħafna direttorati ġenerali tas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea jridu jkunu involuti fl-innovazzjoni u l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali u li l-fondi kollha fl-UE għandhom ikunu parti mill-iżvilupp.

2.2   It-tqegħid flimkien tal-fondi: il-KESE huwa tal-fehma li biex jintlaħaq l-objettiv tal-innovazzjoni reġjonali sabiex “toħroġ il-potenzjal tat-tkabbir tal-UE” jeħtieġ li jintużaw ukoll riżorsi oħra tal-UE, bħal pereżempju l-PAK – għallinqas fejn jidħlu investimenti mmirati lejn l-innovazzjoni u lejn it-tkabbir intelliġenti fis-settur agrikolu – u l-Fond Soċjali Ewropew. Barra minn hekk għandhom jiġu żviluppati u kkoordinati sinerġiji bejn l-istrumenti finanzjarji tal-UE u dawk nazzjonali u reġjonali; l-Istati Membri kollha jridu jkunu jistgħu jaċċessaw bis-sħiħ l-opportunitajiet offruti mill-istrumenti finanzjarji tal-UE, u jeħtieġ li jinbeda proċess ta’ semplifikazzjoni f’dal-qasam.

2.3   L-għażla tal-prijoritajiet: il-KESE huwa tal-fehma li għandhom jiġu speċifikati t-tipi ta’ innovazzjoni, filwaqt li jiġu salvagwardjati dawk reġjonali.,Jeħtieġ li jsiru għażliet dwar il-programmi, is-setturi rilevanti (eż. l-iżvilupp sostenibbli, l-enerġija, l-ambjent, it-trasport, eċċ.) u r-reġjuni li għandhom ikunu involuti, filwaqt li jitqiesu l-isfidi, il-ħtiġijiet u l-potenzjal tagħhom (jiġifieri l-punti tat-tluq tagħhom), kif ukoll il-vokazzjoni imprenditorjali tagħhom, il-kundizzjonijiet tar-riċerka u l-kapaċità tagħhom biex jirrinovaw l-impjanti jew jibdlu l-produzzjoni. Għandhom jiġu promossi r-rabtiet bejn il-makroreġjuni u titneħħa l-politika tal-elf fjura. Il-prijoritajiet iridu jintgħażlu f’kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u privati u s-soċjetà ċivili organizzata f’diversi livelli.

2.4   L-għarfien, il-komunikazzjoni u l-informazzjoni: huwa fundamentali li jitkattru esperjenzi pożittivi u li dawn jinqasmu bejn is-setturi u t-territorji rilevanti; għaldaqstant jeħtieġ li strateġija tal-komunikazzjoni u informazzjoni adegwata tiġi inkorporata direttament fil-programmi tal-Kummissjoni.

2.5   It-taħriġ: dan huwa strument fundamentali ieħor li wieħed għandu juża sabiex jintlaħqu l-objettivi li l-Kummissjoni qed tressaq f’din il-Komunikazzjoni. Ser ikun utli ħafna, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, li titħeġġeġ id-disseminazzjoni tal-kultura tal-innovazzjoni. Barra minn hekk, il-KESE jemmen li dan it-taħriġ ser jippromovi l-użu tal-fondi, inaqqas l-approprijazzjonijiet li ma jintużawx, u jipprevjeni l-ħela, biex b’hekk tinkiseb l-eċċellenza fl-użu tal-fondi, u jgħin il-governanza reġjonali.

2.6   Il-konsolidazzjoni tas-sħubija: skont il-KESE jeħtieġ li tingħata prijorità lill-programmi u lill-proġetti mfassla direttament mill-assoċjazzjonijiet tal-SMEs, jew miċ-ċentri ta’ riċerka eżistenti, flimkien mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u s-soċjetà ċivili u bl-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Jekk is-sħubija tintuża bħala metodu fil-livelli kollha dan iġib miegħu valur miżjud konsiderevoli, u għalhekk għandha tingħata prijorità lill-proġetti li jiġu elaborati b’dan il-mod. Dan ikun utli ħafna wkoll għall-governanza reġjonali.

2.7   Il-valutazzjoni tar-riżultati: din għandha tkun obbligatorja, appoġġjata mingħajr eżitazzjoni mill-Kummissjoni. Jinħtieġu parametri u sistemi komuni għall-valutazzjoni tar-riżultati, kemm tal-innovazzjoni kif ukoll tar-riċerka, objettiv ta’ prijorità tal-Kummissjoni u tal-Unjoni Ewropea. F’reġjuni jew żoni li ma jilħquhomx, jew li ma jonfqux il-fondi, għandhom jiġu provduti forom alternattivi ta’ intervenzjoni min-naħa tal-Istati Membri u/jew mill-Kummissjoni, li għandha tiggwida dan il-proċess.

2.8   Għandha tiġi promossa l-kooperazzjoni pubblika-privata, inkluż permezz ta’ sistema ta’ finanzjament imħallta għall-programmi li huma partikolarment rilevanti jew ta’ interess speċifiku, kemm għar-riċerka kif ukoll għall-innovazzjoni.

2.9   L-Istati Membri għandhom jitħeġġu biex, flimkien mal-Kummissjoni u mal-UE jaġixxu b’aktar determinazzjoni; m’għandhomx jabdikaw ir-rwol tagħhom minħabba r-raġunijiet li ta’ spiss ingħataw; għandha tingħata prijorità lill-proġetti interreġjonali, li għandhom loġika u ambitu Ewropew, filwaqt li l-Kummissjoni għandha terġa’ tibda taqdi rwol ta’ gwida anki fil-fażi ta’ tfassil, ta’ eżekuzzjoni u, b’mod partikolari, fil-valutazzjoni tar-riżultati.

2.10   Jiġu vvantaġġjati l-akkumpanjament u l-konsulenza: il-KESE jaħseb li l-SMEs u b’mod partikolari l-mikrointrapriżi, li ma jkollhomx riċerkaturi u esperti, jeħtieġu, biex jagħmlu tajjeb għal dan in-nuqqas, li jkollhom aċċess faċli għas-servizzi ta’ akkumpanjament u ta’ konsulenza effiċjenti u adattati. Il-Kumitat jitlob biex ikun hemm politika ta’ appoġġ għall-azzjonijiet tal-organizzazzjoni intermedjarji sabiex jiġu sostnuti l-azzjonijiet ta’ akkumpanjament u ta’ konsulenza tagħhom, notevolment permezz ta’ kuntratti reġjonali u l-finanzjament ta’ postijiet ta’ konsulenti dwar l-innovazzjoni fi ħdan dawn l-organizzazzjonijiet intermedjarji.

2.11   Tiġi ċċarata l-Komunikazzjoni. Il-KESE jemmen li l-Komunikazzjoni għandha tiġi ssemplifikata u ċċarata fir-rigward tal-objettivi stipulati. L-approċċ għandu jinqaleb, bil-proposti mistennija minn isfel għal fuq, fuq il-bażi tal-konvinzjoni li l-flus għandhom isegwu l-ideat u mhux bil-maqlub.

2.12   Is-semplifikazzjoni fil-livelli kollha hija objettiv preliminari. Dejjem għandha tiġi segwita strateġija ta’ semplifikazzjoni sabiex jitnaqqsu l-ħin u l-ispejjeż u jinħoloq metodu uniku li jsegwi l-prinċipju ta’ “darba waħda biss”; għandhom jitħaffu wkoll il-pagamenti, u jiġu ffaċilitati l-finanzjamenti antiċipati għall-kumpaniji, b’mod partikolari għall-SMEs; u fl-aħħar nett għandhom jiġu armonizzati r-regoli finanzjarji u titwettaq verifika ta’ kontabbiltà unika valida għad-drabi kollha.

3.   Ir-reviżjoni tal-baġit tal-UE, il-koeżjoni u t-tkabbir intelliġenti

3.1   Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-reviżjoni tal-baġit il-Kummissjoni tiddedika kapitolu twil għall-politika ta’ koeżjoni iżda ħafna inqas minn hekk għal, pereżempju, il-PAK li għadha s’issa tirrappreżenta 43 % tal-infiq Komunitarju. It-taqsima dwar il-koeżjoni għandha t-titolu “tkabbir inklużiv”: titolu li jwiegħed ħafna iżda li għandu jiġi applikat fil-prattika.

3.2   It-titoli minnhom innifishom diġà huma komprensivi sew: a) il-politika tal-koeżjoni u l-Istrateġija Ewropa 2020; b) aktar konċentrazzjoni u koerenza; c) qafas strateġiku komuni; d) kuntratt ta’ Sħubija tal-Iżvilupp u l-Investiment; e) it-titjib tal-kwalità tal-infiq. Dawn l-objettivi kollha, minbarra l-aħħar wieħed li huwa objettiv importanti, diġà jmisshom twettqu.

3.3   Il-KESE jivvaluta b’mod pożittiv l-isforzi u l-proposti tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ħolqien ta’ sinerġiji bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-bqija tal-politiki tal-UE u l-politiki nazzjonali, inklużi wħud mill-prijoritajiet stipulati fl-Istrateġija Ewropa 2020, iżda jaħseb li huwa neċessarju li jintużaw ir-riżorsi kollha sabiex jintlaħqu l-objettivi tat-“tkabbir intelliġenti”.

3.4   Ir-reviżjoni tal-baġit għandha tkun opportunità biex jikkonformaw flimkien il-politika ta’ koeżjoni, il-PAK u l-Istrateġija 2020, filwaqt li nikkunsidraw il-Patt ta’ Stabbiltà li qed jiġi rivedut, bil-għan li nerġgħu nqisu u nġeddu l-baġit Ewropew u dawk tal-Istati Membri taż-żona tal-euro (pereżempju l-edukazzjoni u r-riċerka m’għandhomx jitqiesu bħala nefqa attwali).

3.5   L-għajnuna għall-SMEs hija kwistjoni ta’ prijorità għas-suċċess tal-proposta. Dan għandu jsir billi jiġi ssemplifikat u ffaċilitat il-finanzjament, anke permezz ta’ assigurazzjoni kontra r-riskji fir-rigward tal-għoti tal-kreditu, f’konformità mal-prinċipji affermati fir-reviżjoni tas-Small Business Act (SBA), jew ta’ finanzjament dirett għall-innovazzjoni, b’politika ta’ appoġġ u ta’ akkumpanjament. Dan jista’ jiġi ffaċilitat ukoll permezz tal-konsolidazzjoni u l-użu tal-assoċjazzjonijiet tal-SMEs u l-mikrointrapriżi. Għandu jitħalla f’idejn l-Istati Membri fil-livell adatt biex jiddeċiedu dwar jekk jużawx għotjiet, self jew taħlita tat-tnejn.

4.   Kummenti

4.1   Il-KESE jqis pożittivi l-azzjonijiet li l-Kummissjoni trid twettaq sabiex tgħin jintlaħqu l-objettivi, b’mod partikolari fir-rigward tal-analiżi u l-informazzjoni dwar ir-riżultati miksuba u l-forniment tal-kapital ta’ riskju u l-garanziji għall-SMEs impenjati fl-innovazzjoni, billi jsiru disponibbli finanzjamenti adatti għar-realtà tal-SMEs u tal-mikrointrapriżi.

4.2   Il-ħames oqsma ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti identifikati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni jidhru pjuttost ġenerali, u jappartjenu għal setturi u oqsma ta’ riferiment differenti ħafna minn xulxin; mhumiex maħsuba għall-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni, ma jaħsbux għal sinerġiji possibbli ma’ politiki li jħeġġu l-innovazzjoni f’oqsma oħra tal-intervent Komunitarju (kompetizzjoni, agrikoltura, suq intern, ambjent u enerġija, edukazzjoni, eċċ.) jew fi programmi Komunitarji oħra; pereżempju, imkien m’hija msemmija l-ekonomija soċjali. Bl-istess mod, mhuwiex previst l-involviment tal-imsieħba soċjali jew partijiet interessati oħra mis-soċjetà ċivili organizzata fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki relatati mal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti.

4.3   Iżda ma hemm l-ebda referenza għall-ħtieġa li tiġi kkoordinata l-inizjattiva tal-innovazzjoni tal-UE mal-politiki ta’ innovazzjoni ta’ dawk l-Istati Membri li għandhom aktar riżorsi u li diġà identifikaw u niedu programmi ta’ riċerka u programmi ta’ azzjonijiet fis-setturi fejn jistgħu jissaħħu r-riċerka u l-iżvilupp. Ma tantx saru analiżi tal-fatturi li fixklu jew ma ppermettewx l-użu tal-fondi, minkejja li din il-kwistjoni hija l-aktar waħda gravi minnhom kollha. U meta tqis kemm-il analiżi tipproduċi l-Kummissjoni!

4.4   Madankollu l-Kummissjoni turi interess kbir fir-reġjuni li jibbenefikaw mill-aqwa kundizzjonijiet, bħal meta tikteb li ċerti reġjuni jipparteċipaw fil-kompetizzjoni fil-livell dinji, filwaqt li oħrajn ibatu biex jilħqu dan il-livell. Dan ma jfissirx madankollu li ċerti reġjuni għadhom lura għal kollox. Sabiex din l-inugwaljanza titneħħa, jeħtieġ li tiġi organizzata politika reġjonali b’tali mod li l-objettiv prinċipali tagħha jkun dejjem iktar l-iżvilupp tar-reġjuni l-aktar dgħajfa li fl-aħħar mill-aħħar huwa preċiżament l-għan tal-politika ta’ koeżjoni.

4.5   Minkejja dan, il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-fatt li d-distakk bejn ir-reġjuni l-għonja u dawk foqra fl-UE dejjem qiegħed jikber u li l-pajjiżi tal-UE li huma l-iktar dgħajfa ekonomikament huma wkoll dawk li huma l-inqas żviluppati fil-qasam tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, iżda josserva wkoll li, hekk kif juri l-pjan direzzjonali l-ġdid, huwa l-qasam tar-Riċerka u l-Iżvilupp li joffri l-ikbar possibbiltajiet ta’ tkabbir fil-pajjiżi u r-reġjuni l-inqas avvanzati.

4.6   F’dan ir-rigward ikun xieraq li l-Kummissjoni Ewropea tikkoopera mad-diversi Stati Membri għat-tixrid tal-politika tar-Riċerka u l-Iżvilupp u l-innovazzjoni, b’tali mod li r-reġjuni l-għonja tal-Istati Membri ma jimmonopolizzawx ir-riżorsi kollha, bid-distorsjoni addizzjonali li dan iġib fid-distribuzzjoni nazzjonali.

4.7   Il-Komunikazzjoni twitti t-triq sabiex id-diversi strumenti tekniċi tal-finanzjament ikunu jistgħu jikkontribwixxu b’mod aktar wiesa’ biex jappoġġjaw l-innovazzjoni. Dawn huma s-self b’rati baxxi, il-garanziji ta’ self u l-kapital riskjuż. Il-grupp tal-BEI jagħmel parti wkoll minn waħda mill-awtoritajiet li għandhom jirċievu riżorsi addizzjonali maħsuba l-iżjed għall-benefiċċju tal-SMEs.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Dan qalu meta f’Jannar il-Kummissarju nieda l-Komunikazzjoni dwar “Politika Reġjonali li Tikkontribwixxi għat-Tkabbir Sostenibbli fl-Ewropa 2020” – li għandha tiġi kkunsidrata wkoll bħala “tkabbir intelliġenti”.

(2)  COM(2010) 553 finali.

(3)  Ibid.

(4)  Rapporti ġodda mid-Danimarka juru li l-isptarijiet żiedu l-effiċjenza tagħhom – aktar operazzjonijiet – u fl-istess waqt l-impjegati huma iżjed sodisfatti bix-xogħol tagħhom, għalkemm il-baġits ġew imnaqqsa u l-isptarijiet għandhom inqas impjegati. Inbidlu l-metodi ta’ ħidma, f’xi każijiet it-tobba twaqqfu milli jkollhom impjieg sekondarju, u l-pazjenti ngħataw iżjed kura. Ir-rapporti juru li l-pazjenti wkoll huma sodisfatti iżjed (il-konklużjoni m’hijiex li għandu jitnaqqas il-baġit, iżda li jinbidlu l-metodi ta’ ħidma u l-organizzazzjoni tax-xogħol).


Top