EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1161

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn funzjonament aħjar tas-Suq Uniku għas-servizzi – nibnu fuq ir-riżultati tal-proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi COM(2011) 20 finali

ĠU C 318, 29.10.2011, p. 109–112 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/109


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn funzjonament aħjar tas-Suq Uniku għas-servizzi – nibnu fuq ir-riżultati tal-proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi”

COM(2011) 20 finali

2011/C 318/18

Relatur: is-Sur SIECKER

Nhar is-27 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn funzjonament aħjar tas-Suq Uniku għas-servizzi – nibnu fuq ir-riżultati tal-proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi

COM(2011) 20 finali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Ġunju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tat-13 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'134 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jaqbel max-xewqa tal-Kummissjoni li jittejjeb il-funzjonament tas-Suq Uniku għas-servizzi. Huwa evidenti li għandhom jitneħħew l-ostakli rappreżentati mill-kundizzjonijiet diskriminatorji, bla ġustifikazzjoni u sproporzjonati. Għalhekk, il-Kumitat bi pjaċir jilqa’ l-inizjattiva li jiġu stabbiliti “Punti ta’ Kuntatt Uniku” bil-għan li jiġu mmodernizzati s-servizzi pubbliċi. Il-kooperazzjoni amministrattiva transkonfinali hija fatt li għandna nieħdu pjaċir bih. Madankollu, din il-kooperazzjoni għandha tiġi estiża għall-oqsma ta’ politika li jinvolvu l-rispett tal-obbligi.

1.2

Il-KESE huwa tal-fehma li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-effetti tad-Direttiva fuq is-servizzi u l-funzjonament tas-settur tas-servizzi huma prematuri. Id-Direttiva ilha fis-seħħ ftit snin biss. Il-fatt li l-Istati Membri mhumiex kollha sodisfatti bl-istess mod bid-Direttiva u l-fatt li jkollhom jimplimentawha b'mod differenti fil-leġislazzjoni tagħhom jikkostitwixxu fatturi kumplessi li ma jissemmewx fil-Komunikazzjoni. Is-settur tas-servizzi huwa kbir u kkumplikat, u huwa magħmul minn diversi fergħat. Ir-razzjonalizzazzjoni tas-Suq Intern għas-servizzi permezz tar-regolamentazzjoni Ewropea tirrikjedi ż-żmien.

1.3

Id-Direttiva dwar is-servizzi nibtet mill-kuntest tat-Trattat l-antik li kien għadu jikkunsidra l-interess ekonomiku bħala l-prijorità ewlenija fis-suq intern. Fil-kuntest tat-Trattat ta’ Lisbona, interessi oħra m'għadhomx aktar soġġetti għal-lat ekonomiku, iżda jitqiesu fl-istess livell. Ikun interessanti li tiġi studjata n-natura tar-rabtiet bejn, minn naħa, il-leġislazzjoni adottata u l-ġurisprudenza li żviluppat fl-ambitu tat-Trattat l-antik u, min-naħa l-oħra, it-Trattat il-ġdid. Fl-opinjoni tiegħu dwar Att dwar is-Suq Uniku, il-KESE rrakkomanda li d-Direttiva tiġi eżaminata speċifikament fid-dawl tat-Trattat il-ġdid. Ikun interessanti li wieħed jara jekk jistgħux joħorġu perspettivi ġodda mill-analiżi tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jagħtu l-prijorità lis-suq intern (l-ex Artikolu 49).

2.   Il-kontenut essenzjali tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1

Għalkemm is-servizzi jikkostitwixxu l-mutur ewlieni tal-ekonomija tal-UE, il-Kummissjoni tqis li s-suq tas-servizzi għadu mhux qiegħed irendi l-potenzjal kollu tiegħu. Huwa għalhekk li fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-Istrateġija Ewropa 2020, il-Kummissjoni tenfasizza li jkun tajjeb li jiġi stabbilit (1) suq intern tas-servizzi aktar integrat, abbażi tad-Direttiva tas-Servizzi. Fil-fatt, fil-komunikazzjoni tagħha “Lejn Att dwar is-Suq Uniku”, hija tinsisti li s-Suq Uniku għas-servizzi għandu jissaħħaħ (2). Dawn iż-żewġ approċċi huma meħtieġa biex in-negozji fis-settur tas-servizzi jingħataw l-għajnuna biex jiżviluppaw u jippożizzjonaw ruħhom aħjar fil-livell dinji, u dan jippermetti li jinħolqu aktar u aktar impjiegi.

2.2

L-adozzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi f'Diċembru 2006 (3) u l-implimentazzjoni sussegwenti taw bidu għal funzjonament aħjar tas-Suq Uniku għas-servizzi. Permezz ta’ dan l-istrument, il-Kummissjoni Ewropea rnexxielha tissemplifika l-qafas regolatorju. Wara dan, id-diversi liġijiet ta’ implimentazzjoni li ġew adottati fl-Istati Membri ppermettew li jitneħħew mijiet ta’ obbligi bla ġustifikazzjoni u sproporzjonati madwar l-Ewropa kollha.

2.3

Id-Direttiva dwar is-Servizzi tipprevedi “proċess tal-evalwazzjoni reċiproka”, maħsub bħala għodda ta’ analiżi mill-pari tar-regolamentazzjoni. Fl-2010, l-Istati Membri, kif ukoll il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Islanda vvalutaw kważi 35 000 obbligu legali imposti l-aktar fuq in-negozji tas-settur tas-servizzi. Dawn kienu jinvolvu kemm rekwiżiti fuq l-istabbiliment (bħall-iskemi tal-awtorizzazzjoni, ir-restrizzjonijiet territorjali jew ir-restrizzjonijiet fuq is-sjieda kapitali) kif ukoll rekwiżiti fuq il-forniment transkonfinali ta’ servizzi (bħall-obbligi tar-reġistrazzjoni, in-notifikazzjoni jew l-assigurazzjoni).

2.4

L-aktar konklużjoni ċara f'dan il-proċess hija li f'ċerti setturi tas-servizzi l-unifikazzjoni tas-suq għadha ma twettqitx kompletament. Skont il-Kummissjoni, il-problema ewlenija hija l-fatt li l-miżuri leġislattivi għadhom ma eliminawx l-ostakli diskriminatorji kollha u li l-implimentazzjoni tal-liġijiet li jabolixxu dawn l-ostakli għadha ma ġietx ikkompletata fl-Istati Membri kollha, jew inkella dawn il-liġijiet għadhom ma ġewx applikati korrettament kullimkien. Barra minn hekk, l-Istati Membri għadhom jirriżervaw sistematikament ċerti attivitajiet relatati mas-servizzi għal ċertu operaturi.

2.5

Fl-isforzi tagħha biex is-Suq Uniku għas-servizzi jsir realtà, il-Kummissjoni tipproponi sensiela ta’ azzjonijiet għat-tmintax-il xahar li ġejjin, b'mod partikolari:

“verifika tal-prestazzjoni” tas-Suq Uniku għas-servizzi bl-għan li tiġi vvalutata s-sitwazzjoni mill-perspettiva tal-utenti (in-negozji, il-persuni li jaħdmu għal rashom, il-konsumaturi);

azzjonijiet immirati bil-għan li jiġu indirizzati l-ostakli regolamentari li baqa’ u li qed itellfu l-potenzjal tas-Suq Uniku għas-servizzi;

azzjonijiet immirati biex is-Suq Uniku għas-servizzi jsir realtà aktar konkreta fil-prattika.

Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-effikaċja tal-mezzi ta’ rimedju disponibbli fil-livell nazzjonali għall-fornituri tas-servizzi f'każ ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom minn amministrazzjonijiet nazzjonali fil-kuntest tas-Suq Uniku, u se tiddeċiedi dwar il-passi li jmiss sal-aħħar tal-2012.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-Kummissjoni tiddikjara ġustament li s-Suq Uniku għas-servizzi ma jikkostitwixxix għan fih innifsu iżda għodda li ttejjeb il-benesseri u l-ħajja ta’ kuljum tan-negozi u taċ-ċittadini Ewropej. Huwa importanti li l-kontribut tas-suq uniku jintrabat aktar ma’ dawn l-għanijiet orizzontali. Id-Direttiva dwar is-servizzi nibtet mill-kuntest tat-Trattat l-antik li kien għadu jikkunsidra l-interess ekonomiku bħala l-prijorità ewlenija fis-suq intern. Fil-kuntest tat-Trattat ta’ Lisbona, interessi oħra m'għadhomx aktar soġġetti għal-lat ekonomiku, iżda għall-kuntrarju jitqiesu fl-istess livell. Ikun interessanti li tiġi studjata n-natura tar-rabtiet bejn, minn naħa, il-leġislazzjoni adottata u l-ġurisprudenza li żviluppat fl-ambitu tat-Trattat l-antik u, min-naħa l-oħra, it-Trattat il-ġdid. Fl-opinjoni tiegħu dwar Att dwar is-Suq Uniku, il-KESE rrakkomanda li d-Direttiva tiġi eżaminata speċifikament fid-dawl tat-Trattat il-ġdid. Ikun interessanti li wieħed jara jekk jistgħux joħorġu perspettivi ġodda mill-analiżi tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jagħtu l-prijorità lis-suq intern (l-ex Artikolu 49).

3.2

Il-valutazzjonijiet imwettqa s'issa huma bbażati wisq fuq ir-regolamentazzjoni bħala tali, u għaldaqstant min-natura tagħhom huma “teknokratiċi” wisq. Għaldaqstant, ir-regolamentazzjoni ta’ Stat Membru dwar ċerti professjonijiet tista’ tiġġustifika l-għan tal-kwalità tas-servizz konċernat u għalhekk tista' tiġi adottata fl-interess taċ-ċittadini. Madankollu, il-fatt li din ir-regolamentazzjoni titqies bħala ostaklu għal-libertà tal-moviment tas-servizzi transkonfinali m'għandux ifisser l-eliminazzjoni awtomatika ta’ dan l-“ostaklu”. L-interessi tal-konsumaturi u tal-ħaddiema jistgħu, f'każ bħal dan, jipprevalu fuq il-kunsiderazzjonijiet relatati mal-libertajiet ekonomiċi. Għandhom jinteħħew biss l-ostakli bbażati fuq raġunijiet bla ġustifikazzjoni u li jkunu diskriminatorji.

3.3

Il-KESE huwa tal-fehma li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-effetti tad-Direttiva fuq is-servizzi u l-funzjonament tas-settur tas-servizzi huma prematuri. Id-Direttiva ilha fis-seħħ ftit snin biss. Il-fatt li l-Istati Membri mhumiex kollha sodisfatti bl-istess mod bid-Direttiva u l-fatt li jkollhom jimplimentawha b'mod differenti fil-leġislazzjoni tagħhom huma fatturi kumplessi li ma jissemmewx fil-Komunikazzjoni. Is-settur tas-servizzi huwa kbir u kkumplikat, u huwa magħmul minn diversi fergħat. Ir-razzjonalizzazzjoni tas-Suq Intern għas-servizzi permezz tar-regolamentazzjoni Ewropea tirrikjedi ż-żmien.

3.4

Id-dokument jindirizza kemm il-libertà tal-istabbiliment kif ukoll il-libertà tal-moviment transkonfinali tas-servizzi. Dawn huma żewġ kunċetti differenti. Ir-rekwiżiti għall-istabbiliment huma qabel kollox kompetenza nazzjonali filwaqt li l-forniment transkonfinali tas-servizzi fil-kuntest tal-libertajiet ekonomiċi jaqa' taħt il-leġislazzjoni Ewropea. Huwa f'idejn l-Istati Membri li jsibu bilanċ tajjeb f'dan ir-rigward.

3.5

Huwa rrakkomandat ukoll li tiġi fformulata definizzjoni ċara ta’ xi jkopru s-servizzi transkonfinali u li jiġi ppreċiżat għal xiex jikkorrespondu ċ-ċifri msemmija fil-komunikazzjoni. Il-Kummissjoni tispjega li d-Direttiva dwar is-Servizzi tkopri 40 % tal-PDG tal-UE. Aktar tard fil-Komunikazzjoni tispjega li s-settur tas-servizzi jirrappreżenta madwar 70 % tal-PDG tal-UE. Dan jissuġġerixxi li madwar iktar minn nofs is-suq tas-servizzi huwa magħmul minn servizzi transkonfinali, ħaġa ferm diskutibbli.

3.6

Il-Komunikazzjoni tinkludi xi ipotesijiet li ġew adottati mill-Kummissjoni b'mod pjuttost mgħaġġel, u li fl-aħjar ipotesi mhumiex verifikabbli, jew huma saħansitra diskutibbli. Fil-punt 5.1, il-Kummissjoni tesprimi stennijiet kbar fir-rigward tar-riżultati tal-“verifika tal-prestazzjoni” mwettqa diġà mal-Istati Membri, filwaqt li ċerti Stati Membri jikkontribwixxu proprju biex jostakolaw ir-realizzazzjoni tas-suq uniku tas-servizzi.

3.7

Fit-taqsima 2, il-Kummissjoni tgħid li stimi konservattivi jbassru li l-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi għandha l-potenzjal li toħloq gwadann ekonomiku li jista’ jilħaq EUR 140 biljun, li jirrappreżenta 1,5 % tat-tkabbir tal-PDG tal-UE. Din il-figura toriġina minn studju wieħed, ippubblikat fl-2007 mill-Bureau Ċentrali tal-Ippjanar tal-Olanda, ftit wara li daħlet id-Direttiva tas-Servizzi, meta l-impatt mistenni tad-direttiva ma kienx għadu tfixkel mill-kriżi li seħħet wara. Anke hawnhekk, jidher li din l-istqarrija għandha tiġi kemxejn kwalifikata.

3.8

Il-valutazzjoni tal-proċess tal-evalwazzjoni reċiproka tal-2010 li tissemma fit-taqsimiet 3 u 4 tqajjem xi mistoqsijiet. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tgħid li din “l-evalwazzjoni reċiproka kellha ‘effett fuq is-Suq Uniku’ mingħajr l-ebda preċedent fl-Istati Membri”, iżda ma tippreċiżax fiex jikkonsisti dan l-effett. Jista’ jkun li wasslet għal ħafna attività f'xi partijiet tas-servizzi taċ-ċivil tal-Istati Membri, iżda x'effett u x'impatt prattiku kellha fuq is-suq uniku tas-servizzi?

3.9

Il-Kummissjoni Ewropea ma tesprimix ruħha b’mod ċar dwar il-klassifikazzjoni eventwali tad-diversi għanijiet orizzontali li l-Unjoni Ewropea tixtieq tilħaq. Dan jissarraf fost l-oħrajn f’ċertu nuqqas ta’ ċarezza dwar il-possibbiltà li l-Istati Membri japplikaw regolamentazzjoni li jista' jkollha effetti restrittivi f’isem l-interess ġenerali. Il-kwistjonijiet relatati ma’ din il-possibbiltà jistħoqqilhom dibattitu usa’ fi ħdan is-soċjetà, speċjalment fil-kuntest tan-nuqqas ta’ appoġġ mill-opinjoni pubblika għall-proġett Ewropew, liema nuqqas ġie indikat fir-rapport ta’ Monti.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-Kumitat jappoġġja x-xewqa tal-Kummissjoni li jittejjeb il-funzjonament tas-Suq Uniku għas-servizzi. Huwa evidenti li għandhom jitneħħew l-ostakli rappreżentati mill-kundizzjonijiet diskriminatorji, bla ġustifikazzjoni u sproporzjonati. Għalhekk, il-Kumitat bi pjaċir jilqa’ l-inizjattiva li jiġu stabbiliti “Punti ta’ Kuntatt Uniku” bil-għan li jiġu mmodernizzati s-servizzi pubbliċi. Il-kooperazzjoni amministrattiva transkonfinali hija fatt li għandna nieħdu pjaċir bih. Madankollu, din il-kooperazzjoni għandha tiġi estiża għall-oqsma ta’ politika li jinvolvu l-rispett tal-obbligi (4).

4.2

Id-Direttiva dwar is-Servizzi tipprevedi li l-“Punti ta’ Kuntatt Uniku” elettroniċi biss huma obbligatorji. F'għadd ta’ Stati Membri hemm ukoll Punti ta’ Kuntatt fiżiċi li jiżguraw ukoll forniment ta’ servizzi b'modi differenti, aktar proattivi u aktar mifruxa, lill-intraprendituri li jkunu jixtiequ jiġu stabbiliti fis-swieq ta’ Stati Membri oħra. Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Punti ta’ Kuntatt għandhom ikunu verament aċċessibbli, inkluż b'lingwi barranin, u għandu jkun hemm ukoll l-għażla tar-reġistrazzjoni elettronika. Il-KESE jixtieq ikun jaf aktar dwar l-esperjenza tan-negozjanti fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ approċċi differenti u jitlob lill-Kummissjoni biex tanalizza jekk il-Punti ta’ Kuntatt fiżiċi jagħtux riżultati aħjar u jekk humiex aktar apprezzati mill-Punti ta’ Kuntatt elettroniċi.

4.3

Tajjeb li titpoġġa f’perspettiva d-dikjarazzjoni li skontha s-settur tas-servizzi huwa wieħed mis-setturi l-aktar innovattivi u dinamiċi u li jista' jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal tkabbir ekonomiku ġdid. Naturalment, id-Direttiva dwar is-Servizzi tagħti kontribut pożittiv u konsiderevoli għall-iżvilupp tal-impjiegi fl-Unjoni Ewropea u ppermettiet li jinħoloq għadd kbir ta’ impjiegi ġodda ta’ kwalità. Madankollu, diversi impjiegi “ġodda” f'dan is-settur ma tantx jirrikjedu kwalifiki, u huma impjiegi repetittivi u mhux imħallsa tajjeb. Il-fenomenu tal-ħaddiema fqar, li qed jinfirex sew u li f'diversi studji ġie assoċjat ma’ dawn is-servizzi l-ġodda, ma jikkontribwixxix għat-titjib tal-benesseri taċ-ċittadini Ewropej.

4.4

Il-libertà tal-forniment tas-servizzi u l-libertà tal-moviment tas-servizzi huma żewġ affarijiet differenti. Madankollu, diversi studji jindikaw li l-libertà tal-forniment tas-servizzi sservi regolarment bħala skuża għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema. Is-servizzi transkonfinali li l-unika għan tagħhom huwa li jirreklutaw ħaddiema bi ftit spejjeż għandhom jiġu miġġielda. Fil-każ tar-reklutaġġ transkonfinali ta’ ħaddiema, għandu japplika l-prinċipju tal-pajjiż fejn issir attività, bil-għan li jiġu mħarsa l-interessi kemm tal-ħaddiema kif ukoll ta’ dawk il-persuni li jħaddmuhom bona fide, u bil-għan tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe kompetizzjoni inġusta li tirriżulta minħabba li jitqabbdu persuni li jagħmluha tabirruħhom li jaħdmu għal rashom jew li tirriżulta mill-evitar, b'mezzi oħra, tas-sistemi tal-kundizzjonijiet tax-xogħol li jkunu fis-seħħ f'dak il-pajjiż.

4.5

Il-fatt li jiġi kkontrollat u impost l-issodisfar tal-kundizzjonijiet tax-xogħol applikabbli fil-pajjiż ta’ attività m'għandux jiġi ddefinit mill-Unjoni Ewropea bħala “ostaklu” għall-funzjonament tas-Suq Uniku għas-servizzi, sakemm ma jintużax biex tixxekkel il-kompetizzjoni. Il-kontroll tar-rispett tal-ftehimiet kollettivi mhuwiex biss fl-interess tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema, li għandhom jiġu rrispettati, iżda anke fl-interess tal-persuni li jħaddmuhom bona fide. Dan ma jgħoddx biss għall-kumpaniji multinazzjonali l-kbar iżda anke għall-SMEs. L-obbligu tar-reġistrazzjoni u tal-komunikazzjoni li huwa neċessarju biex jiġi żgurat ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet fundamentali jikkostitwixxi element fundamentali tal-obbligi li huma marbuta mal-libertà tal-forniment tas-servizzi transkonfinali. It-titjib fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f'dan il-qasam huwa fl-interess tal-partijiet kollha interessati, u huwa ta’ benefiċċju wkoll għall-forniment transkonfinali tas-servizzi.

4.6

Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni Ewropea tosserva li l-firxa ta’ servizzi kummerċjali transkonfinali fi ħdan l-UE għadha inqas minn dik tas-setturi tas-servizzi fil-livell nazzjonali. Ħafna servizzi għandhom karattru lokali u speċjalizzat, u huwa aktar diffiċli li jiġu ġestiti mill-bogħod. Il-Kummissjoni ssemmi dan fuq fuq, iżda ma titkellimx dwar kemm dan l-aspett huwa mifrux u kemm huwa importanti. Lanqas l-eżempji pprovduti fil-Komunikazzjoni m'huma ta’ għajnuna biex jiddeskrivu l-istennijiet tal-Kummissjoni. Jidher li dan aktar jikkonċerna inċidenti li seħħew f'numru limitat ta’ Stati Membri, fejn id-Direttiva dwar is-Servizzi ma ġietx implimentata b'mod xieraq, milli jikkonċerna lakuni fundamentali fid-Direttiva nnifisha.

4.7

Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għall-kompetizzjoni, li hija ta’ vantaġġ għall-konsumaturi speċjalment fil-qasam tal-għażla u l-prezz. Madankollu, il-konsumaturi għandhom ukoll stennijiet kruċjali oħra relatati mal-forniment tas-servizzi bħalma huma s-sikurezza, is-sigurtà, il-kwalità, it-trasparenza tal-prezzijiet, kundizzjonijiet kuntrattwali ġusti, informazzjoni ċara u li tinftiehem u l-garanzija ta’ rimbors meta s-servizzi fornuti ma jkunux sodisfaċenti. Ir-regolamentazzjoni settorjali hija indispensabbli wkoll biex jiġi evitat li d-drittijiet tal-konsumaturi jiġu mhedda kif ġara bil-liberalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija u tas-suq tat-telekomunikazzjoni.

4.8

Biex jiġi miġġieled xogħol li ma jilħaqx il-livell professjonali, tiġi żgurata l-kwalità tal-forniment tas-servizzi u tingħata l-possibbiltà ta’ rimedju meta l-fornitur tas-servizz jonqos mill-obbligi tiegħu, jeħtieġ li l-professjonisti rikonoxxuti minn setturi differenti jinkitbu f'reġistru aċċessibbli għall-pubbliku. Il-kwalifiki tal-professjonisti rreġistrati għandhom jissodisfaw kundizzjonijiet stabbiliti u l-kapaċitajiet professjonali tagħhom għandhom jiġu ċċekkjati regolarment. Meta l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħżlu l-fornituri tas-servizzi tagħhom b'dan il-mod, jiġifieri bl-għarfien tal-fatti u b'sikurezza totali, il-fiduċja fis-suq intern kulma jmur tikber.

4.9

Fil-livell legali, il-Komunikazzjoni tħeġġeġ b'mod kontinwu l-ħolqien ta’ mezzi ta’ rimedju għall-fornituri tas-servizzi, speċjalment għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju. Dan l-approċċ huwa wisq unilaterali. Il-mezzi ta’ rimedju stabbiliti f'dan il-qasam għandhom ikunu utli mhux biss għan-negozji iżda anke għall-konsumaturi u l-ħaddiema.

4.10

L-ostakli li nħolqu bir-regolamentazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri u msemmija mill-Kummissjoni fil-punt 5.2 ma jistgħux u m'għandhomx jitqiesu esklużivament mill-perspettiva tal-fornituri tas-servizzi. Ir-riżervazzjonijiet tal-attivitajiet, l-obbligi relatati mal-kapital u dawk li jirrigwardaw l-assigurazzjoni huma wkoll ġustifikati b'rekwiżiti ta’ kwalità definiti mis-soċjetà. Minbarra dan, tali obbligi għandhom l-għan li fl-istess waqt jiżguraw ir-responsabilità legali u l-possibbiltà tal-konsumaturi u tal-ħaddiema li jfittxu rimedju.

4.11

L-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet inkarigati mill-monitoraġġ u l-applikazzjoni jippontaw subgħajhom kontinwament lejn il-fenomenu tal-“korporazzjonijiet vetturi finanzjarji” fil-kummerċ transkonfinali. F'dan il-każ, is-suq intern tas-servizzi jiġi sfruttat biex iduru mal-leġislazzjoni u r-regolamentazzjoni ta’ diversi pajjiżi jew biex jevitawhom. L-istess problema tinqala' fil-każ ta’ numru kbir ta’ persuni mħaddma bħala persuni li jaħdmu għal rashom filwaqt li fir-realtà jkunu ħaddiema li ma jkunu qed jaħdmu għal rashom xejn. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tagħmel investigazzjoni bil-għan li tanalizza iktar din il-forma ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni li tagħmel il-ħsara, speċjalment lill-intrapriżi ġenwini, kbar u żgħar, u li jekk ikun hemm bżonn tieħu l-miżuri adatti.

Brussell, 13 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2010) 2020 finali

(2)  COM(2010) 608 finali

(3)  Direttiva 2006/123/KE.

(4)  COM (2008) 703 finali.


Top