Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE1941

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Azzjoni kkonċertata sabiex jittejbu l-karrieri u l-mobbiltà tar-riċerkaturi fl-UE”

    ĠU C 255, 22.9.2010, p. 19–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.9.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 255/19


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Azzjoni kkonċertata sabiex jittejbu l-karrieri u l-mobbiltà tar-riċerkaturi fl-UE”

    (2010/C 255/03)

    Relatur li ħadem mingħajr grupp ta’ studju: is-Sur ALMEIDA FREIRE

    Nhar is-16 ta’ Lulju 2009, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    Azzjoni kkonċertata sabiex jittejbu l-karrieri u l-mobbiltà tar-riċerkaturi fl-UE.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Novembru 2009. Ir-relatur kien is-Sur Almeida Freire.

    Matul l-458 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Diċembru 2009 (seduta tas-16 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’174 vot favur u 8 astensjonijiet.

    1.   Rakkomandazzjonijiet

    It-tisħiħ tar-riżorsi umani fix-xjenza u t-teknoloġija fl-Ewropa u l-promozzjoni tal-mobbiltà huma fatturi ewlenin fl-implimentazzjoni taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u taż-żamma tal-kompettività tal-UE fil-livell dinji u tal-kapaċità tal-UE li tiffaċċja l-isfidi prinċipali fil-ġejjieni.

    Hemm bżonn ta’ miżuri urġenti mmirati lejn it-titjib tal-koordinazzjoni bejn il-politiki tal-edukazzjoni, tar-riċerka, tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti tal-politika edukattiva, xjentifika u soċjali jkunu żviluppati b’mod ikkoordinat, sabiex l-Ewropa tkun tista’ tilħaq l-għanijiet tagħha f’dan il-qasam.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jipproponi li l-programmi eżistenti fil-qasam tar-riżorsi umani jissaħħu u jiġu kkordinati aħjar u li l-mobbiltà tiġi promossa u, b’mod aktar speċifiku, jipproponi li l-opportunità li qed joffri d-dibattitu dwar it-Tmien Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku tintuża, flimkien ma’ miżuri oħrajn, biex tagħti spinta ’l quddiem lill-kapital uman u tippromovi l-ħolqien ta’ pjattaforma għal taħriġ avvanzat fl-attivitajiet ta’ riċerka.

    Il-KESE jipproponi wkoll il-ħolqien ta’ ċentru għall-monitoraġġ tar-riżorsi umani fix-xjenza u t-teknoloġija fl-Ewropa li jkun kapaċi jiġbor, janalizza u jipprovdi tagħrif konsistenti u komparabbli dwar l-iżviluppi li jsiru f’dan il-qasam u dwar il-politiki nazzjonali dwar ir-riżorsi umani kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak dinji.

    Il-KESE jappella għal azzjoni kkoordinata għat-titjib tal-karrieri u l-mobbiltà tar-riċerkaturi fl-UE, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-iżvilupp tal-karrieri personali, speċjalment fir-reklutaġġ, il-progress fil-karriera u d-drittijiet soċjali.

    Fl-aħħar, il-KESE jitlob li l-Patt Ewropew il-ġdid għall-Innovazzjoni li l-UE waslet biex tfassal, kif ukoll ir-reviżjoni futura tal-Istrateġija ta’ Lisbona, għandhom jikkunsidraw b’mod adatt il-bżonn ta’ żieda fir-riżorsi umani fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija u jiżguraw li dawn huma kkwalifikati kif suppost.

    2.   Introduzzjoni

    2.1   Il-politiki tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni qed jaqdu rwol dejjem aktar importanti fil-kuntest tal-Istrateġija ta’ Lisbona, kemm fil-livell Komunitarju kif ukoll fil-livell nazzjonali.

    2.2   L-ispinta l-ġdida mogħtija liż-Żona Ewropea tar-Riċerka u, f’dan ir-rigward, lill-iżvilupp tal-kapital uman taħt l-istrateġija Ewropea għall-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi turi biċ-ċar li ż-żieda fir-riżorsi umani fix-xjenza u t-teknoloġija fl-Ewropa u l-mobbiltà jaqdu rwol ċentrali fis-suċċess ta’ din l-istrateġija.

    2.3   L-Unjoni Ewropea waslet biex tħejji strateġija ġdida għall-innovazzjoni, strateġija aktar integrata u aktar orjentata soċjalment, li fiha t-triangolu tal-għarfien għandu jaqdi rwol ċentrali. Għaldaqstant, il-persuni huma kruċjali biex jiġi żgurat li l-UE tibqa’ kompetittiva fil-livell dinji u tkun kapaċi tiffaċċja l-isfidi prinċipali fis-snin li ġejjin.

    2.4   Il-moviment ħieles tal-għarfien u l-mobbiltà bil-mod il-mod qed jiġu rikonoxxuti mill-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern bħala fatturi ewlenin fil-politiki tal-edukazzjoni u r-riċerka tal-UE u fil-kooperazzjoni Ewropea. Għadd ta’ programmi differenti Ewropej qed jagħmlu ħilithom, fl-isfera tal-attività tagħhom, biex iwieġbu għal dawn l-isfidi, b’mod partikolari: – il-programm Erasmus li jikkonċerna l-mobbiltà taż-żgħażagħ involuti fl-edukazzjoni għolja; – il-programm Erasmus Mundus għat-titjib fil-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi permezz ta’ Masters u dottorati konġunti u sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja; – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku, li fih il-programm speċifiku msejjaħ Persuni, immirat lejn il-promozzjoni tal-mobbiltà tar-riċerkaturi u magħruf l-aktar għall-attivitajiet Marie Curie li jorganizza, jaqdi rwol ċentrali. Il-Proċess ta’ Bolonja fil-qasam tal-edukazzjoni għolja huwa maħsub biex jippromovi d-dimensjoni Ewropea tal-edukazzjoni għolja, il-mobbiltà u l-kooperazzjoni. Madankollu, minkejja l-programmi eżistenti u l-isforzi li saru, kulħadd huwa tal-fehma li baqa’ ħafna xi jsir.

    2.5   B’segwitu tal-opinjoni dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Karrieri aħjar u aktar mobbiltà: Sħubija Ewropea għal riċerkaturi  (1), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ddeċieda li jfassal din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja sabiex b’hekk jikkontribwixxi mill-ġdid għal strateġija li għandha l-għan li ssaħħaħ il-kapital uman fl-Unjoni Ewropea u biex jagħti appoġġ lil politika ġdida dwar ir-riċerka u lil strateġija ġdida għall-innovazzjoni li jikkunsidraw ir-riżorsi umani fil-kuntest tal-politiki tal-integrazzjoni li l-Kumitat dejjem iddefenda u fil-kuntest ta’ aġenda dwar il-politika soċjali.

    2.6   Fl-2010, ser tiġġedded l-Istrateġija ta’ Lisbona, ser jitnieda l-Pjan Ewropew il-ġdid għall-innovazzjoni u ser tiġġedded ukoll il-Viżjoni għall-2020 taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

    2.7   Fil-kuntest tal-kriżi ekonomika, l-impenn biex jiġi żgurat investiment ogħla, kemm pubbliku kif ukoll privat, fir-riċerka u l-iżvilupp u ż-żieda fir-riżorsi umani fix-xjenza u t-teknoloġija għandhom jibqgħu prijoritajiet fuq l-aġendi ta’ politika nazzjonali u tal-UE.

    2.8   Għalhekk, hemm bżonn urġenti li jiġu stabbiliti għanijiet komuni fil-livell tal-UE u li jitħeġġu miżuri maħsuba biex jiżguraw il-livell ta’ riżorsi umani fix-xjenza u t-teknoloġija li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambizzjużi li l-UE tat lilha nnifisha.

    2.9   Dawn l-għanijiet jinkludu: li jiġu żgurati tkabbir kontinwu tal-fluss ta’ żgħażagħ li jistudjaw ix-xjenzi u t-teknoloġiji (mill-matematika sax-xjenzi naturali u mill-inġinerija sax-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi) u żieda fid-dottorati f’dawn l-oqsma, li titħeġġeġ żieda fil-proporzjon ta’ xjenzati nisa u li jiġi ggarantit li l-Ewropa tibqa’ attraenti u li jkollha r-riżorsi umani kkwalifikati li teħtieġ fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija, sabiex jonqos l-iżbilanċ attwali fir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi u jiġu żgurati flussi pożittivi bejn l-Ewropa u l-bqija tad-dinja. Dawn huma għanijiet ġodda li għandhom jaġġornaw lill-Istrateġija ta’ Lisbona f’dan il-qasam.

    2.10   Sabiex tilħaq dawn l-għanijiet, l-Ewropa ser ikollha tiżviluppa ċentri u netwerks ta’ għarfien ta’ livell eċċezzjonali, li jkunu kapaċi jattiraw l-aħjar talent fil-livell dinji u jestendu l-bażi soċjali tal-edukazzjoni u l-kultura xjentifika u teknoloġika, ħaġa li hemm ħtieġa kbira għaliha.

    3.   Bżonn ta’ politiki Ewropej u nazzjonali b’saħħithom dwar ir-riżorsi umani fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija

    3.1   Il-KESE jirrikonoxxi l-opportunità li joffru, minn naħa, il-Green Paper dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (2), li ssemmi li waħda mill-prijoritajiet ewlenin ta’ din iż-Żona hija sħubija Ewropea tar-riċerkaturi li, permezz tagħha, għandhom jitjiebu l-karrieri u tiżdied il-mobbiltà, u, min-naħa l-oħra, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni hawn fuq imsemmija, li l-Kumitat ħejja opinjoni dwarha. Permezz ta’ din l-opinjoni, il-KESE qed jipprova jinżel aktar fil-fond fis-suġġett u jappoġġja l-proposti tad-dokument intitolat Sħubija Ewropea sabiex il-karrieri fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku jsiru aktar attraenti u sabiex jitjiebu il-kundizzjonijiet għall-mobbiltà tar-riċerkaturi fl-Ewropa – Proposta għal azzjonijiet prijoritarji, imħejji mill-ministri Portugiż u Lussemburgiż, is-Sinjuri José Mariano Gago u François Biltgen rispettivament, flimkien ma’ sħabhom il-ministri, fit-30 ta’April 2009 (3). Dan id-dokument għandu l-għan li jgħin sabiex jinkiseb progress fil-politika tal-UE fil-qasam tar-riżorsi umani fix-xjenza u t-teknoloġija permezz ta’ miżuri prattiċi.

    3.2   Il-KESE jirrikonoxxi x-xogħol konsiderevoli li sar f’dan il-qasam fil-livell tal-UE. Il-KESE nnifsu ħejja għadd ta’ opinjonijiet fuq inizjattiva proprja f’oqsma relatati ma’ dan is-suġġett.

    3.3   Ir-riżorsi umani fix-xjenza u t-teknoloġija ffurmaw parti integrali mill-istrateġija tal-UE għal dan il-qasam sa minn Marzu 2000. Fl-2002, is-Summit ta’ Barċellona stabbilixxa l-mira Ewropea li l-perċentwali tal-PDG ddedikat għar-riċerka u l-iżvilupp (R & Ż) jiżdied għal 3 % sal-2010. Kien stmat li din il-mira kienet tinvolvi żieda ta’ madwar nofs miljun riċerkatur ieħor (4).

    3.4   Dawn il-figuri jappoġġjaw il-bżonn li jkun hemm politika Ewropea komuni f’dan il-qasam, li tmur ħafna lil hinn minn dak li huwa magħruf bħala l-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni għall-politiki nazzjonali u li saħansitra tinvolvi l-introduzzjoni ta’ bidliet fil-kundizzjonijiet tal-impjieg u fl-iżvilupp tal-karrieri tar-riċerkaturi nnifishom, inklużi r-riċerkaturi l-ġodda, fl-oqsma tar-reklutaġġ, il-progress fil-karriera u d-drittijiet soċjali.

    3.5   Minkejja li l-mira għall-investiment fir-R & Ż tfisser li 2 mit-3 % tal-PDG ser jiġu mis-settur privat, l-industrija ma tistax tkun mistennija ġġorr dan il-piż waħedha u l-gvernijiet għandhom responsabbiltà konsiderevoli f’dan il-qasam. Billi l-biċċa l-kbira tal-opportunitajiet ta’ impjiegi għar-riċerkaturi huma maħluqa mill-industrija, jeħtieġ li kundizzjonijiet aħjar għat-twettiq tar-riċerka, fis-settur privat, inklużi n-negozji ż-żgħar u ta’ daqs medju, u bis-saħħa ta’ dan l-istess settur, ikunu ġġenerati fl-Ewropa sabiex jintlaħqu l-miri li ġew stabbiliti, pereżempju permezz ta’ inċentivi għat-twaqqif ta’ netwerks għan-negozji u l-clusters f’setturi ċentrali tal-ekonomija Ewropea.

    3.6   Il-livell ta’ finanzjament pubbliku għal kull riċerkatur fl-Ewropa għadu, b’mod sinifikanti, aktar baxx mill-Istati Uniti u mill-Ġappun. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet u l-prospettivi tax-xogħol fis-settur pubbliku għandhom jiffurmaw parti integrali mill-għanijiet tal-gvernijiet Ewropej fir-rigward tal-politika xjentifika. Hemm ukoll diskrepanza qawwija fl-ammont ta’ riċerkaturi fil-popolazzjoni totali meta mqabbel mal-Istati Uniti u l-Ġappun: madwar 6 riċerkaturi għal kull 1 000 abitant fl-UE, filwaqt li, fil-Ġappun u fl-Istati Uniti, ir-rata hija ta’ bejn 9 u 10 riċerkaturi għal kull 1 000 abitant.

    3.7   Bħala l-korpi li għandhom ir-responsabbiltà ewlenija għat-taħriġ tar-riċerkaturi, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom isibu mezzi ġodda biex jinkorporaw l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-kurrikuli tagħhom u biex jikkooperaw b’aktar suċċess mal-industrija, bil-għan li jittejjeb it-tagħlim tul il-ħajja. Fil-fatt, jeħtieġ li dawn l-istituzzjonijiet jibdlu l-fehma u l-attitudni tagħhom dwar din il-kwistjoni fil-kuntest tal-missjoni tagħhom li jħarrġu r-riżorsi umani għal soċjetà bbażata fuq l-għarfien, billi jistrutturaw mill-ġdid il-kurrikuli tagħhom, billi jimpenjaw ruħhom f’taħriġ b’mod konġunt mar-R & Ż fl-industrija, billi joffru opportunitajiet ġodda, inkluż lil persuni li jibdew karriera ta’ riċerka tard, billi jtejbu l-aċċess għan-nisa, għall-minoranzi etniċi u għall-gruppi żvantaġġati, inkluż għall-persuni bi bżonnijiet speċjali, li għandhom mnejn iħarsu lejn ir-riċerka u l-għarfien bħala qasam li joffri avvanz soċjali u żvilupp personali fis-soċjetà tal-lum.

    3.8   L-involviment tal-istudenti, mhux biss dawk li jkunu ġa ggradwaw iżda wkoll dawk li jkunu għadhom ma ggradwawx, fl-attivitajiet ta’ riċerka bħala parti regolari tal-kurrikulum tagħhom għadu mhuwiex adegwat, saħansitra fis-settur privat, u għandu jinfirex aktar.

    3.9   Jeħtieġ ukoll miżuri biex il-karrieri fix-xjenza, l-inġinerija u t-teknoloġija jsiru aktar attraenti għaż-żgħażagħ, mingħajr ma nittraskuraw ix-xjenzi soċjali u umani. Teżisti differenza enormi bejn il-karrieri fl-industrija u dawk fl-universitajiet jew fis-settur pubbliku iżda l-gvernijiet nazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jaqdu rwol importanti ħafna u koordinat f’dan il-qasam. Dan huwa fattur ewlieni fl-iżvilupp taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u tal-prosperità u l-kompettività tal-UE fil-futur.

    3.10   L-edukazzjoni xjentifika hija wkoll fattur importanti, billi tista’ tistimola l-kurżità u l-interess tat-tfal u taż-żgħażagħ fil-karrieri xjentifiċi. Sabiex iż-Żona Ewropea tar-Riċerka tkun suċċess, hemm bżonn li jintwera impenn lejn il-kwalifiki u l-kwalità tal-edukazzjoni, sa mill-iskejjel primarji u sekondarji, permezz ta’ xogħol esperimentali u kuntatti mad-dinja xjentifika u l-industrija, minbarra l-isforzi biex jiġi żgurat li l-għalliema nnifishom ikollhom il-kwalifiki meħtieġa (5).

    3.11   L-istrateġiji maħsuba biex jagħmlu x-xjenza aktar popolari u biex jippromovuha diġà ġew rikonoxxuti bħala fatturi essenzjali biex il-pubbliku jifhem ix-xjenza u biex iressqu x-xjenza aktar qrib is-soċjetà inġenerali u speċjalment iż-żgħażagħ. Madankollu, jeħtieġ li jkun hemm inċentivi akbar, ukoll fil-livell Ewropew, permezz tal-appoġġ għal inizjattivi konġunti, minħabba l-importanza tagħhom speċjalment f’dinja globalizzata fejn hemm bżonn kruċjali li kwistjonijiet kontroversjali jinfiehmu u wkoll li s-suċċessi xjentifiċi jiġu kkomunikati.

    3.12   Il-kwistjoni tan-nisa involuti fil-qasam tax-xjenza huwa fattur ieħor tassew importanti. Filwaqt li l-figuri attwali huma differenti ħafna minn dawk ta’ għoxrin sena ilu, in-nisa xorta għadhom mhumiex irrappreżentati biżżejjed f’ħafna oqsma ta’ riċerka xjentifika f’ħafna pajjiżi u fuq kollox għandhom tendenza li ma jokkupawx il-livelli amministrattivi għolja. Il-Kummissjoni Ewropea u wħud mill-Istati Membri għamlu sforzi konsiderevoli f’dan il-qasam iżda għad fadal ħafna xi jsir. In-nisa għadhom jirrappreżentaw is-sors l-aktar ovvju għal żieda fir-riżorsi umani fix-xjenza u t-teknoloġija fl-Ewropa, minkejja l-fatt li l-miżuri attwali ta’ inċentiva mhux jirnexxilhom jorbtu b’suċċess il-politiki tax-xjenza u l-politiki ta’ appoġġ soċjali u ekonomiku għan-nisa.

    3.13   Jeħtieġ li kwalunkwe dibattitu dwar ir-riżorsi umani fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija jieħu inkunsiderazzjoni d-dimensjoni internazzjonali taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (6). L-UE għandha tikkompeti fil-livell internazzjonali sabiex tattira r-riżorsi umani l-aktar ikkwalifikati u tiżgura li dawn ikunu jistgħu jibqgħu fl-Ewropa, permezz ta’ koordinazzjoni aħjar bejn il-politiki nazzjonali u Komunitarji. Madankollu, kwalunkwe inizjattiva għandha tkun imsejsa fuq il-kooperazzjoni sabiex tħeġġeġ il-moviment u t-trasferiment tal-għarfien, kif ukoll il-mobbiltà, sabiex tiżgura li jkun hemm reċiproċità u, b’mod speċjali għar-riċerkaturi minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, għandha wkoll tgħin biex ittejjeb il-kwalifiki fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom.

    4.   Bżonn ta’ miżuri prattiċi ta’ politika mmirati lejn il-ksib ta’ progress immedjat fl-aġenda Ewropea għar-riżorsi umani fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija

    4.1   Il-Kumitat jixtieq jenfasizza l-importanza ta’ approċċ Ewropew komuni, mogħni b’miżuri prattiċi ta’ politika mmirati lejn il-ksib ta’ progress immedjat fl-aġenda Ewropea għar-riżorsi umani fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija.

    Huwa u jtenni l-kontenut tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar is-Sħubija għar-Riċerka Ewropea, speċjalment fir-rigward tar-reklutaġġ tar-riċerkaturi u l-kundizzjonijiet tal-impjieg rilevanti, il-KESE jikkunsidra bħala opportun u realistiku żvilupp sostenibbli u kontinwu fl-UE, ekwivalenti għal tkabbir ta’ madwar 5 % fis-sena għall-għaxar snin li ġejjin. Dan għandu jgħin sabiex il-livelli attwali ta’ riżorsi umani fix-xjenza u t-teknoloġija jiżdiedu b’aktar minn 50 % fuq perijodu ta’ għaxar snin. Il-Kumitat jipproponi li dawn il-miżuri jiġu applikati speċifikament fl-oqsma li ġejjin:

    4.2.1   żieda fin-numru u l-proporzjon ta’ żgħażagħ li jagħżlu li jistudjaw suġġetti relatati max-xjenza u t-teknoloġija;

    4.2.2   żieda fin-numru u l-proporzjon ta’ studenti ggradwati li jinkitbu f’korsijiet tad-dottorat, diversifikazzjoni tal-profili tad-dottorati u tisħiħ tal-mekkaniżmi tal-kontroll tal-kwalità;

    4.2.3   l-attrattività tal-istituzzjonijiet Ewropej, iż-żamma ta’ perċentwali għoli ta’ studenti fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija mill-Ewropa u mill-bqija tad-dinja u l-irduppjar tan-numru ta’ dottorati li jsiru barra mill-pajjiż tal-oriġini tal-istudenti;

    4.2.4   it-tennija tal-importanza li jiġi pprovdut qafas legali, amministrattiv u finanzjarju biex titħeġġeġ l-implimentazzjoni tal-miżuri hawn fuq imsemmija fil-qasam tal-koordinazzjoni tal-politiki tar-riċerka u l-politiki tal-impjiegi u dawk soċjali.

    4.3   In-numru ta’ żgħażagħ li jagħzlu li jistudjaw suġġetti relatati max-xjenza u t-teknoloġija fil-fatt żdied fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej, għalkemm il-proporzjon b’relazzjoni man-numru totali ta’ studenti ma żdiedx. Jistgħu jittieħdu għadd ta’ miżuri biex iż-żgħażagħ jiġu attirati lejn ix-xjenza u t-teknoloġija, fosthom: – it-titjib tat-tagħlim tax-xjenza u t-teknoloġija u l-iżvilupp ta’ netwerks xjentifiċi li jinvolvu l-iskejjel, l-għalliema tax-xjenza u r-riċerkaturi, fil-livell nazzjonali u internazzjonali; – l-appoġġ ta’ miżuri li jippromovu x-xjenza u t-twessigħ tal-bażi soċjali tal-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku, speċifikament fil-forma ta’ ċentri għax-xjenza u mużewijiet tax-xjenza; – l-għoti ta’ servizzi ta’ tagħrif u servizzi ta’ orjentament għat-tagħlim u għall-karriera li jkunu kapaċi jissodisfaw il-bżonnijiet soċjali relatati mal-korsijiet tax-xjenza u t-teknoloġija.

    4.4   Mingħajr ma tiġi ttraskurata l-garanzija tal-kwalità, mira oħra fl-immedjat għandha tkun li jitnedew inċentivi sabiex jiżdied in-numru ta’ dottorati u tikber il-firxa tad-dottorati disponibbli, permezz tal-involviment tal-industrija fejn xieraq. Għal dan il-għan, jistgħu jiġu promossi miżuri sabiex: – jiżdied il-proporzjon ta’ għotjiet ta’ studju għad-dottorati fuq il-bażi ta’ kompetizzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali; – persuni ggradwati minn pajjiżi terzi jiġu jagħmlu dottorati fl-Ewropa; – tkompli tiżdied l-importanza li kisbu d-dottorati dan l-aħħar sabiex jintlaħqu livelli għolja ta’ kompetenza professjonali f’oqsma differenti, u mhux biss fil-karrieri ta’ riċerka.

    4.5   Mira oħra għandha tkun li jiġu attirati studenti internazzjonali u dan jinvolvi: – it-titjib u t-tħeġġiġ tal-mobbiltà tal-istudenti, ir-riċerkaturi u l-għalliema bejn l-istituzzjonijiet u s-setturi u minn fruntiera għall-oħra, speċjalment bejn id-dinja akkademika u l-industrija; – il-promozzjoni ta’ reklutaġġ miftuħ, kompetittiv u trasparenti tar-riċerkaturi; – it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja għall-familji tar-riċerkaturi u t-titjib tal-aċċess għas-suq tax-xogħol għall-partners tar-riċerkaturi; – tnaqqis sinifikanti tal-burokrazija involuta fil-finanzjament pubbliku tar-riċerka.

    4.6   It-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg tar-riċerkaturi huwa fattur kritiku fiż-żieda tal-mobbiltà u tal-interess fil-karrieri xjentifiċi u fiż-żieda tal-proporzjon tan-nisa fil-qasam tar-riċerka permezz tal-iżgurar ta’ protezzjoni soċjali adegwata. L-iffaċilitar tal-ksib ta’ kuntratti tax-xogħol, bil-għan li l-karrieri jsiru kompetittivi u attraenti, kif ukoll l-offerta ta’ kundizzjonijiet tal-impjieg adatti għan-nisa u l-irġiel, inklużi l-leave ta’ maternità u paternità u miżuri oħra ta’ sigurtà soċjali biex titħeġġeġ il-mobbiltà tar-riċerkaturi, huma fatturi ewlenin fis-suċċess ta’ kwalunkwe politika tar-riċerka u l-innovazzjoni.

    4.7   Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri biex iqisu l-possibbiltà li jadottaw miżuri maħsuba biex iħaffu t-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni supplementari għar-riċerkaturi, permezz tal-użu tal-qafas legali eżistenti u permezz ta’ ftehimiet bilaterali u multilaterali. Il-Kumitat jinsab ħerqan biex jara r-riżultati tal-istudju ta’ fattibbiltà dwar il-possibbiltà ta’ fond ta’ pensjonijiet pan-Ewropew għar-riċerkaturi tal-UE, studju li qiegħed isir permezz ta’ finanzjament Komunitarju, u jappoġġja wkoll il-miżuri kollha li jqis bħala urġenti sabiex jitħaffef it-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni supplementari għar-riċerkaturi.

    4.8   Il-KESE jappoġġja u jiddefendi wkoll miżuri urġenti maħsuba biex jiffaċilitaw il-koordinazzjoni bejn il-politiki tal-edukazzjoni, tar-riċerka, tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ikkoordinat ta’ strumenti għall-politika edukattiva, xjentifika u soċjali, sabiex l-Ewropa tkun tista’ tilħaq l-għanijiet tagħha fir-rigward tar-riżorsi umani fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija.

    Bħala miżuri prattiċi fil-livell tal-UE biex jintlaħqu l-miri u l-għanijiet hawn fuq imsemmija, il-KESE jixtieq:

    4.9.1   jiżgura li, fil-kuntest tad-diskussjonijiet li dalwaqt ser jibdew dwar il-futur Tmien Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku, l-attivitajiet ta’ riċerka appoġġjati minn dan il-Programm Qafas jiffurmaw b’mod awtomatiku pjattaforma għall-edukazzjoni avvanzata, speċjalment għad-dottorati, fuq il-bażi ta’ kompetizzjonijiet miftuħa għall-istudenti mill-pajjiżi kollha;

    4.9.2   jipproponi l-ħolqien ta’ ċentru għall-monitoraġġ tar-riżorsi umani fix-xjenza u t-teknoloġija fl-Ewropa sabiex jipprovdi tagħrif konsistenti u komparabbli dwar l-iżviluppi li jsiru f’dan il-qasam u dwar il-politiki nazzjonali dwar ir-riżorsi umani kemm fl-Ewropa kif ukoll madwar id-dinja (7);

    4.9.3   ukoll fil-kuntest tat-Tmien Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku, jestendi l-miżuri Marie Curie maħsuba biex jappoġġjaw il-mobbiltà tar-riċerkaturi u miżuri relatati kif ukoll jagħti spinta lill-kooperazzjoni internazzjonali dwar ir-riżorsi umani; ikompli jiżviluppa l-programm Erasmus Mundus, bħala mezz biex titħeġġeġ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi fil-qasam tal-istudji avvanzati;

    4.10   fl-aħħar, il-KESE jitlob li r-reviżjoni futura tal-Istrateġija ta’ Lisbona tikkunsidra b’mod adatt l-importanza tar-riżorsi umani fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija, tiżgura li r-riċerkaturi huma kkwalifikati kif suppost u tiggarantixxi l-iżvilupp fuq perijodu fit-tul ta’ politika komuni f’dan il-qasam f’livell Ewropew.

    Brussell, 16 ta’ Diċembru 2009.

    Il-President tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  . ĠU C 175, 28.7.2009, p. 81.

    (2)  . Green Paper dwar Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Perspettivi Ġodda, COM(2007) 161 finali, 4 ta’ April 2007.

    (3)  . Dokument tal-Kunsill 10003/09, 18 ta’ Mejju 2009.

    (4)  . Ara r-“Report by the High Level Group on Increasing Human Resources for Science and Technology in Europe 2004” (Rapport mill-grupp ta’ livell għoli dwar iż-żieda fir-riżorsi umani fix-xjenza u t-teknoloġija fl-Ewropa 2004), Komunitajiet Ewropej, 2004.

    (5)  . Ara l-pubblikazzjonijiet li ġejjin: “Encouraging Student Interest in Science and Technology Studies”, Global Science Forum, OECD 2008; “Mathematics, Science and Technology Education Report, The Case for a European Coordinating Body”, European Roundtable of Industrialists (ERT), Awwissu 2009.

    (6)  . Opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Qafas strateġiku Ewropew għall-kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija, Relatur: is-Sur Gerd Wolf (ĠU C 306, 16.12.2009, p. 13).

    (7)  . Din il-proposta diġà tressqet fl-2004 mill-“High Level Group on Human Resources for Science and Technology in Europe” (grupp ta’ livell għoli dwar ir-riżorsi umani fix-xjenza u t-teknoloġija fl-Ewropa) (ara nota 4 f’qiegħ il-paġna).


    Top