Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE1930

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fit-transazzjonijiet kummerċjali (tfassil mill-ġdid) li timplimenta l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (Small Business Act)” COM(2009) 126 finali – 2009/0054 (COD)

    ĠU C 255, 22.9.2010, p. 42–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.9.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 255/42


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fit-transazzjonijiet kummerċjali (tfassil mill-ġdid) li timplimenta l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (Small Business Act)”

    COM(2009) 126 finali – 2009/0054 (COD)

    (2010/C 255/07)

    Relatur: is-Sinjura Ana BONTEA

    Nhar l-1 ta’ Lulju 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fit-transazzjonijiet kummerċjali (tfassil mill-ġdid)

    li timplimenta l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (Small Business Act)

    COM(2009) 126 finali - 2009/0054 (COD)

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ Novembru 2009. Ir-relatur kienet is-Sinjura Ana Bontea.

    Matul l- 458 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Diċembru 2009 (seduta tas-17 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’145 vot favur, 3 voti kontra u 2 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-KESE jilqa’ u jappoġġja l-implimentazzjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (Small Business Act, SBA) kif ukoll il-proposta għal Direttiva, peress li t-titjib tal-qafas leġiżlattiv li jippermetti li jitnaqqsu l-iskadenzi għall-ħlas u l-ġlieda kontra l-ħlas tard huma miżuri partikolarment importanti u utli.

    1.2   Minkejja li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi huma meħtieġa u utli, xorta waħda mhumiex biżżejjed biex jingħeleb il-ħlas tard; għalhekk hemm bżonn li jittieħdu għadd ta’ miżuri kumplessi, u li l-kooperazzjoni tikber fil-livelli kollha. L-SMEs infushom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom għandhom rwol importanti x’jaqdu f’dan il-proċess.

    1.3   Il-Kumitat iqis li hemm bżonn li jiġu stabbiliti skadenzi qosra u obbligatorji għall-ħlas, li jkunu jgħoddu għall-awtoritajiet u għall-istituzzjonijiet pubbliċi kollha, fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali. Il-KESE jifraħ lill-Kummissjoni Ewropea għall-miżuri adottati fir-rigward tal-ħlasijiet li jsiru direttament mill-Kummissjoni nnifisha, u jesprimi l-appoġġ tiegħu għat-tkomplija u l-iżvilupp ta’ dawn il-miżuri fil-livelli kollha. Fir-rigward tal-iskadenzi meħtieġa għat-traspożizzjoni tad-Direttiva, il-KESE jappella lill-awtoritajiet japplikaw il-prinċipji immedjatament, sabiex fil-kuntest attwali tal-kriżi, dan ikun ta’ appoġġ effikaċi għan-negozji.

    Il-Kumitat iqis li l-proposta għal Direttiva teħtieġ titjibiet, u dawn huma l-proposti ewlenin:

    Għall-kuntratti tal-akkwist pubbliku:

    li b’mod urġenti jiġi stabbilit regolament li jobbliga li l-ħlasijiet isiru sa mhux aktar tard minn 30 jum kalendarju, u li titneħħa l-eċċezzjoni għal din ir-regola, jew li almenu tiġi limitata għal massimu ta’ 60 jum kalendarju li jibdew mill-kunsinna, peress li d-diffikultajiet biex l-awtoritajiet pubbliċi jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom ma jistgħux ikunu akbar minn dawk tal-SMEs,

    b’mod simili, it-tneħħija – jew almenu l-limitazzjoni – tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni għal mhux aktar minn 30 jum mill-proċedura tal-aċċettazzjoni.

    Għat-transazzjonijiet kummerċjali kollha:

    fir-rigward tal-ħlasijiet tard, li jiġi stabbilit obbligu legali li jitħallsu l-imgħaxijiet, il-kumpensi u minimu ta’ spejjeż interni, ħlief jekk fil-kuntratti jkun hemm klawżoli li jkunu aktar favorevoli għall-kredituri,

    l-iżvilupp ta’ regolamentazzjoni dwar il-klawżoli kuntrattwali li huma inġusti għall-aħħar u d-djun mhux ikkontestati,

    li fl-applikazzjoni tal-libertà ta’ kuntratt, tittieħed konsiderazzjoni tal-prinċipji tal-kompetizzjoni leali u l-etika tan-negozju, biex jiġu limitati l-abbużi tad-drittijiet.

    1.4   Billi jtenni proposti li kien għamel qabel (1), il-Kumitat jenfasizza li, biex l-għan tad-Direttiva jintlaħaq b’mod sħiħ, jeħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri li jippermettu aċċess usa’ lill-SMEs għall-akkwist pubbliku, b’mod li dawn jibbenefikaw aktar mir-regoli stabbiliti.

    1.5   Fit-traspożizzjoni tad-Direttiva u għas-segwitu tal-miżuri adottati, huwa importanti li jiġu favorizzati l-kooperazzjoni u d-djalogu soċjali ta’ kwalità bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-SMEs.

    1.6   Tajjeb li jiġi evitat li jittawlu l-perijodi li fihom jista’ jsir il-ħlas u li jsiru ħlasijiet tard f’każijiet fejn l-akkwisti pubbliċi jiġu sottokuntrattati, kif ukoll fir-relazzjonijiet tal-SMEs mal-intrapriżi l-kbar, inkluż il-bejjiegħa bl-imnut. Fis-setturi fejn hemm riskju qawwi li l-perijodi li fihom irid isir il-ħlas jitwalu b’mod mhux ġustifikat, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu, skont il-każ, jikkontrollaw l-iskadenzi għall-ħlas, jew jistabbilixxuhom, mingħajr ma jiġu imposti obbligi jew spejjeż żejda fuq l-intrapriżi.

    1.7   Il-KESE jirrakkomanda lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni u li jipprevedu miżuri komuni ta’ informazzjoni u ta’ appoġġ immirati għall-SMEs, fir-rigward ta’ ħlasijiet tard fit-transazzjonijiet transkonfinali.

    1.8   Fil-livell Ewropew, jista’ jkun utli li jinħoloq sit tal-internet speċjalizzat, li jkun jipprovdi tagħrif pertinenti pprovdut minn kull Stat Membru, fil-lingwi ta’ ħidma kollha, dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva, il-qafas legali, il-proċeduri applikabbli għall-irkupru ta’ djun, inkluż l-arbitraġġ u l-medjazzjoni, jew tagħrif prattiku ieħor. Fil-livell nazzjonali għandu jkun mgħejjun it-tixrid wiesa’ ta’ dan it-tagħrif, permezz tal-one-stop-shops u tal-organizzazzjonijiet tal-SMEs.

    1.9   Il-miżuri biex il-ħlasijiet mill-awtoritajiet pubbliċi jsiru aktar malajr huma utli wkoll fil-kuntest tal-liġi dwar it-taxxi (ir-rimborż tal-VAT, ir-regolarizzazzjoni tat-taxxi, eċċ.), peress li f’ċerti pajjiżi jseħħu prattiki li jqanqlu dispjaċir, li wasslu għal imblukkar finanzjarju.

    1.10   Il-KESE jtenni l-proposta li kien għamel qabel għall-ħolqien ta’ kumitat konsultattiv miftuħ għall-partijiet interessati, li jkun jista’ jaħdem bl-appoġġ tal-KES (2).

    2.   Daħla

    2.1   Sfond u konsegwenzi tal-ħlasijiet tard

    2.1.1   Fit-transazzjonijiet kummerċjali tal-UE:

    b’regola ġenerali, il-ħlasijiet jiġu differiti;

    ta’ sikwit il-ħlasijiet isiru tard, speċjalment dawk tal-kuntratti tal-akkwisti pubbliċi, fejn il-medja hija ta’ 67 jum (3) meta mqabbla mas-57 jum tas-settur privat;

    f’ċerti Stati Membri żviluppat “kultura ta’ ħlas tard”, biex din issa saret imġiba mifruxa li tħalli effetti ekonomiċi u soċjali partikolarment serji (li jikkawżaw wieħed minn kull erba’ fallimenti u jwasslu għat-telf ta’ 450 000 impjieg kull sena) li jinħassu aktar f’perijodi ta’ kriżi: minħabba dawn il-prattiki mhux adegwati, fl-2009 n-negozji mhux ser ikunu jistgħu jużaw EUR 270 biljun, i.e. 2,4 % tal-PGD tal-UE, meta mqabbel mal-1,5 % tal-pjan ta’ rilanċ ekonomiku (4);

    il-ħlasijiet tard jintużaw bħala sostitut għall-krediti bankarji;

    f’ħafna każijiet, l-iskadenzi għall-ħlasijiet huma twal b’mod mhux ġustifikat, u ta’ spiss huma r-riżultat ta’ pożizzjoni privileġġjata – din is-sitwazzjoni tista’ tħalli effetti serji b’mod partikolari fuq l-intrapriżi żgħar, artiġjanali jew anke dawk ta’ daqs medju.

    2.1.2   L-SMEs għandhom pożizzjoni dgħajfa fin-negozjati minħabba:

    il-livell ta’ kompetittività tagħhom u l-pożizzjoni tagħhom fis-suq,

    il-biża’ li se jikkompromettu r-relazzjoni mal-klijentela tagħhom,

    il-possibbiltà limitata li għandhom biex ikunu kompetittivi permezz tal-iskadenzi għall-ħlas offruti lill-klijenti tagħhom,

    esperjenza u riżorsi umani u materjali limitati meta jiġu biex jibdew proċeduri legali għall-irkupru ta’ djun: dawn id-diffikultajiet jiżdiedu aktar f’każ ta’ transazzjonijiet transkonfinali.

    2.1.3   Il-ħlasijiet tard:

    jiġġeneraw spejjeż addizzjonali sostanzjali għall-kredituri u jikkomplikaw il-ġestjoni finanzjarja tagħhom; il-ħlasijiet tard huma ta’ detriment għall-fluss ta’ flus kontanti, joħolqu spejjeż bankarji supplementari kbar, inaqqsu l-opportunitajiet għall-investiment u jżidu l-inċertezzi għal ħafna kredituri, l-aktar għall-SMEs; dan jaffettwa ħażin il-kompetittività, il-qligħ u l-vijabbiltà tagħhom, speċjalment fil-perijodi fejn l-aċċess għall-finanzjament huwa limitat u għali,

    ta’ sikwit iwassal għal aktar ittardjar fil-ħlas tal-fornituri u tal-impjegati (b’effetti soċjali importanti), taxxi, dazji, kontribuzzjonijiet għall-Istat u għas-sigurtà soċjali (b’effetti ħżiena fuq il-ġbir tad-dħul mill-pubbliku), iżda wkoll billi jixxekkel l-aċċess tal-intrapriżi għall-finanzjament (pereżempju l-ħlas tard tat-taxxi, id-dazji u l-kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali minħabba l-ħlas tard tal-irċevuti jillimita l-aċċess għall-għajnuniet mill-Istat u l-programmi ffinanzjati mill-Fondi Strutturali);

    jista’ jwassal għall-falliment ta’ kumpaniji li normalment ikunu vijabbli, u b’konsegwenza ta’ dan jista’ jkun hemm serje ta’ fallimenti oħra tul il-katina tal-forniment, b’effetti negattivi sinifikanti fil-livell soċjali u ekonomiku;

    iwasslu biex l-operaturi ekonomiċi jaqtgħu qalbhom milli jieħdu sehem fl-akkwisti pubbliċi, u dan joħloq distorsjonijiet fil-kompetizzjoni u jipperikola l-funzjonament tas-suq intern, iżda jnaqqas ukoll l-abbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi li jiżguraw l-użu effiċjenti tal-fondi pubbliċi u li jiksbu ritorn tajjeb mill-flus ta’ dawk li jħallsu t-taxxi;

    jistgħu jħeġġu l-korruzzjoni (biex l-irċevuti għall-ħlas tal-akkwisti pubbliċi jitħallsu aktar malajr) jew l-għoti ta’ kuntratti li jaqbżu l-limiti baġitarji approvati;

    għandhom effetti ħżiena fuq il-kummerċ intrakomunitarju: il-biċċa l-kbira tal-intrapriżi jqisu li r-riskju ta’ ħlasijiet tard huwa għoli ħafna għat-transazzjonijiet kummerċjali intrakomunitarji, iżidu l-ispejjeż u joħolqu l-inċertezzi għal dawn it-transazzjonijiet.

    2.2   Bażi legali

    2.2.1   L-unika leġiżlazzjoni Komunitarja li teżisti għal dan il-qasam hija d-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali (5).

    2.2.2   Fir-rigward tal-proċeduri legali għall-irkupru ta’ djun ikkawżati minn ħlasijiet tard, japplikaw ukoll ir-Regolamenti (CE) 44/2001 (6), 805/2004 (7), 1896/2006 (8), 861/2007 (9).

    2.3   L-għanijiet fil-livell Ewropew

    2.3.1   L-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (10) tefa’ d-dawl fuq l-importanza vitali tal-SMEs għall-kompetittività tal-ekonomija, u enfasizza li huwa importanti li dawn ikollhom aċċess effettiv għall-finanzjament, u li jeħtieġ li l-opportunitajiet offruti mis-suq uniku jintużaw b’mod aħjar.

    2.3.2   Il-Pjan Ewropew ta’ Rilanċ Ekonomiku (11) jenfasizza li l-aċċess tan-negozji għal sorsi ta’ finanzjament li jkunu suffiċjenti u jistgħu jintlaħqu, huwa prerekwiżit għall-iżvilupp tal-investimenti, għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien tal-impjiegi f’kuntest ta’ ekonomija li qed tbatti, u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet pubbliċi iwettqu l-ħlasijiet fi żmien xahar.

    2.3.3   Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-ġlieda kontra ħlasijiet tard fit-transazzjonijiet kummerċjali (tfassil mill-ġdid) timplimenta u timmira li ttejjeb il-kapaċità tal-intrapriżi Ewropej li jiffinanzjaw lilhom infushom, bil-għan li jiġi ffaċilitat it-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi jitneħħew l-ostakli għat-transazzjonijiet kummerċjali transkonfinali.

    3   Kummenti ġenerali

    3.1   Il-Kumitat jilqa’ b’mod pożittiv l-implimentazzjoni tal-SBA u l-proposta għad-Direttiva għax jemmen li t-titjib urġenti tal-qafas leġiżlattiv fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħlasijiet tard jikkostitwixxi miżura partikolarment importanti u utli.

    3.2   Il-Kumitat iddikjara li huwa favorevoli wkoll għall-applikazzjoni malajr tal-SBA, permezz ta’ azzjonijiet proposti fil-livell Komunitarju, u jappoġġja partikolarment “l-abbozz għal direttiva riveduta dwar il-ħlasijiet tard, li għandu jżid l-obbligi u l-penali għall-awtoritajiet pubbliċi f’każ ta’ pagament li jaqbeż it-30 jum” (12).

    3.3   Bl-appoġġ tiegħu għal dawn il-miżuri, il-Kumitat qiegħed jaħseb fil-konsegwenzi negattivi, kumplessi u kbar li jġibu magħhom il-ħlasijiet tard għan-negozji, b’mod partikolari l-SMEs, kif ukoll għall-impjegati u t-transazzjonijiet kummerċjali fi ħdan il-Komunità.

    3.4   Minbarra li jingħelbu l-ħlasijiet tard, huwa importanti ħafna wkoll li jitnaqqsu l-iskadenzi tal-ħlasijiet; għaldaqstant it-titolu tad-Direttiva jista’ jiġi emendat għal dan il-għan, u l-miżuri tagħha jistgħu jingħaqdu f’żewġ gruppi skont dawn iż-żewġ għanijiet.

    3.5   Jekk il-miżuri leġiżlattivi huma meħtieġa u utli, xorta waħda mhumiex biżżejjed biex jingħelbu l-ħlasijiet tard, minħabba d-diversi kawżi kumplessi ta’ din il-problema, l-istat tas-sitwazzjoni tmien snin wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2000/35/CE, u ċ-ċirkostanzi lokali. Il-Kumitat jistieden lill-Istati Membri biex jinvolvu ruħhom b’mod attiv biex jiddefinixxu u japplikaw il-miżuri l-aktar adegwati fil-ġlieda kontra l-ħlasijiet tard, u jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni u tad-djalogu ta’ kwalità bejn l-awtoritajiet, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-SMEs. Dawn l-intrapriżi nfushom għandhom rwol importanti f’dan il-proċess, u jridu jżidu l-isforzi tagħhom biex jinfurmaw, itejbu l-proċeduri interni tagħhom u jieħdu azzjoni fuq id-debituri.

    3.6   Fil-fehma tal-Kumitat dawn huma l-miżuri f’waqthom li għandhom iħallu effett pożittiv:

    it-twaqqif ta’ obbligu ġenerali biex il-kuntratti tal-akkwist pubbliku jitħallsu fi żmien tletin jum, biex b’hekk jiġu stabbiliti proċeduri standard u trasparenti, li jgħaġġlu l-ħlasijiet,

    li jiġi stabbilit id-dritt għall-kreditur li jikseb kumpens ta’ mill-inqas 5 % tal-ammont li jkun fadal jitħallas, bħala dissważjoni lill-amministrazzjonijiet pubbliċi milli jagħmlu ħlasijiet tard,

    l-irkupru tal-ispejjeż amministrattivi interni li jkun ġarrab il-kreditur, li jekk jiżdiedu mal-ħlas tal-imgħaxijiet legali, se jaħdmu ta’ deterrent għad-debituri,

    it-tneħħija tal-possibbiltà li jiġu esklużi t-talbiet għal imgħax ta’ inqas minn EUR 5, peress li huma ammonti żgħar,

    it-titjib tar-regoli dwar il-klawżoli kuntrattwali li huma inġusti għall-aħħar: l-Artikolu 6 tal-proposta għal Direttiva jagħti kontribut importanti f’dan il-qasam,

    trasparenza ikbar fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti mid-Direttiva, u

    il-ħolqien ta’ sistema ta’ evalwazzjoni u ta’ segwitu, li permezz tagħha tkun tista’ tinxtered l-informazzjoni u jikber is-sehem tal-istituzzjonijiet Ewropej u tal-partijiet ikkonċernati kollha.

    3.7   Madanakollu l-Kumitat iqis li l-proposta għal Direttiva teħtieġ titjib konsiderevoli f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontenut, sabiex b’mod konkret, għadd kbir ta’ intrapriżi jkunu jistgħu jgawdu mit-tnaqqis u mir-rispett tal-iskadenzi għall-ħlas, u sabiex ikun hemm titjib tal-effiċjenza tar-rimedji legali fir-rigward tad-debuturi.

    4   Kummenti speċifiċi

    4.1   Il-Kumitat jiddikjara li hemm bżonn li jkunu stabbiliti skadenzi qosra u obbligatorji għall-ħlasijiet li jkunu jgħoddu għall-awtoritajiet pubbliċi kollha, fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali.

    4.1.1   F’termini prattiċi, se jinkiseb impatt pożittiv kbir jekk jiġi stabbilit obbligu ġenerali għall-ħlas fi żmien ta’ mhux aktar minn tletin jum għall-akkwisti pubbliċi, kif ukoll billi titwaqqaf skadenza ta’ tletin jum għall-finalizzazzjoni tal-proċeduri ta’ aċċettazzjoni u ta’ verifika.

    4.1.2   Għandhom jiġu stabbiliti u rrispettati skadenzi qosra u obbligatorji biex isir ħlas mill-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali.

    4.1.3   Il-Kumitat jifraħ lill-Kummissjoni Ewropea talli stabbilixxiet għanijiet ġodda aktar stretti fil-qasam tal-ħlasijiet li tamministra hi stess direttament, naqqset l-iskadenzi għall-ħlas ta’ pre-finanzjamenti u ħlasijiet inizjali, issemplifikat il-proċeduri ġenerali ta’ qabel ma jitnedew il-proġetti, u ħeġġet għas-semplifikazzjoni tal-miżuri ta’ kontroll; huwa jappoġġja t-tkomplija u l-iżvilupp ta’ dawn il-miżuri fil-livelli kollha. Il-Kumitat jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali jadottaw miżuri urġenti sabiex jitnaqqsu u biex jiġu rrispettati l-iskadenzi għall-ħlas, u f’dan ir-rigward jirrakkomanda li jibnu fuq il-prattiki tajbin eżistenti.

    4.1.4   Madanakollu l-Kumitat iqis li l-Artikolu 5 tal-proposta għal Direttiva fir-rigward tal-ħlasijiet tal-kuntratti tal-akkwist pubbliku mhux ser jikseb fil-prattika r-rekwiżiti u l-għanijiet pożittivi tal-Kummissjoni, u jressaq il-proposti li ġejjin:

    Biex ikun hemm loġika u ċarezza għad-destinatarji ta’ din il-proposta għal Direttiva u biex jinkiseb l-għan propost li “il-perjodi ta’ ħlas għall-kuntratti ta’ xiri mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi għandhom, bħala regola ġenerali, ikunu limitati għal massimu ta’ 30 jum” (13), l-Artikolu 5 għandu jistabbilixxi espliċitament l-obbligu li għal akkwist pubbliku jsir ħlas sa mhux aktar tard minn tletin jum kalendarju, u jistabbilixxi tul massimu ta’ żmien għall-proċedura ta’ aċċettazzjoni u jipprevedi miżuri li għandhom jiġu implimentati f’każ li dawn ir-regoli ma jiġux applikati, filwaqt li jistabbilixxi li dawn il-miżuri jistgħu jkunu kumulattivi.

    Il-Kumitat huwa mħasseb li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(4) li tippermetti l-estensjoni tal-perijodi li fihom jista’ jsir il-ħlas f’każijiet ġustifikati, mhux se tiġi applikata b’mod korrett mill-awtoritajiet pubbliċi, peress li ma ġewx stabbiliti kriterji oġġettivi u preċiżi għall-evalwazzjoni tal-ġustifikazzjoni jew tar-raġunijiet li jiġu aċċettati; l-awtoritajiet pubbliċi jservu kemm ta’ mħallef kif ukoll ta’ parti kkonċernata, filwaqt li d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom ma jistgħux ikunu ikbar minn dawk tal-SMEs. Minħabba f’hekk, il-Kumitat jipproponi li titneħħa, jew almenu li tiġi limitata din l-eċċezzjoni, b’mod li l-iskadenzi għall-ħlasijiet fil-każijiet ikkonċernati ma jaqbżux is-60 jum kalendarju li jibdew jgħoddu mill-kunsinna.

    B’mod simili, il-Kumitat jipproponi t-tneħħija, jew almenu ir-restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni mdaħħla mill-Artikolu5(3) dwar it-tul massimu ta’ 30 jum prevista għall-proċedura ta’ aċċettazzjoni.

    4.1.5   L-applikazzjoni tal-prinċipju tal-libertà ta’ kuntratt tinvolvi ċerti aspetti partikolari li jridu jitqiesu:

    Id-Direttiva ma tinkludix dispożizzjonijiet li jillimitaw l-abbuż tad-drittijiet fil-qasam tal-applikazzjoni tal-libertà ta’ kuntratt; il-Kumitat jipproponi li fl-eżerċizzju ta’ din il-libertà, jitqiesu l-prinċipji tal-kompetizzjoni leali u l-etika tan-negozju. Il-KESE diġà stqarr il-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward: fl-interess tal-kompetizzjoni tajba, u fil-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali inġusti, il-KESE jistieden lill-Istati Membri jipprevedu dispożizzjonijiet legali dwar il-kompetizzjoni li jipprojbixxu kull klawżola abbużiva li tippermetti skadenzi għall-ħlasijiet itwal min-normal u li jkunu jaqbżu t-tul taċ-ċiklu medju tal-bejgħ (aktar minn 60 jum) mingħajr raġunijiet leġittimi (14)

    Fil-kuntratti tal-akkwist pubbliku, huma biss l-intraprendituri li huma mistennija jagħtu garanziji dwar il-prestazzjoni, filwaqt li garanziji simili ma jingħatawx mill-awtoritajiet biex il-ħlas isir fil-ħin; jeħtieġ li din is-sitwazzjoni tinbidel.

    Il-prinċipju tal-libertà ta’ kuntratt ma jistax jiġi applikat b’mod sħiħ fir-rigward tal-ħlas tard u tal-aċċettezzjoni f’kuntratti tal-akkwist pubbliku, għax l-intrapriżi m’għandhomx setgħat adegwati biex jinnegozjaw mal-awtoritajiet pubbliċi.

    Il-libertà ta’ kuntratt għandha tiġi eżerċitata bil-ħsieb li jiġu stabbiliti klawżoli aktar favorevoli għall-kreditur, minflok ma jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jmorru kontra r-regoli ġenerali. Għalhekk qed jiġi propost li fil-frażi “sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor” (Artikolu 5(3)), il-kliem “mod ieħor” jinbidel għal “mod aktar favorevoli għall-kreditur”; din il-proposta tapplika wkoll għall-Artikolu 4(1) dwar il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru.

    4.2   Twaqqif ta’ obbligu legali biex id-debituri jħallsu l-imgħax, il-kumpens u r-rimborżi tal-ispejjeż interni minimi

    4.2.1   Fil-Finlandja u fl-Isvezja, l-imgħaxijiet għall-ħlasijiet tard jistgħu jiġu rkuprati b’mod awtomatiku, mingħajr il-bżonn ta’ deċiżjoni legali: din il-prattika għandha tiġi ġeneralizzata. Il-Kumitat jipproponi li jitwaqqaf obbligu legali għall-ħlas ta’ imgħaxijiet, kumpensi u rimborżi oħra għall-ispejjeż interni minimi, bl-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-libertà ta’ kuntratt li tistabbilixxi li l-klawżoli jew is-somom li huma aktar favorevoli għall-kreditur jistgħu jiġu negozjati; b’dan il-mod l-SMEs ikunu jistgħu jeżerċitaw dan id-dritt mingħajr sforzi qawwijin u ma jżommux lura minħabba s-sitwazzjoni prekarja tagħhom.

    4.3   Relazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet professjonali

    4.3.1   L-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u dawk tal-SMEs għandhom jiġu kkonsultati u involuti fil-proċess tat-traspożizzjoni tad-Direttiva u fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-miżuri adottati għat-tnaqqis u r-rispett tal-iskadenzi għall-ħlasijiet. Dawn għandhom jiġu mgħejjuna jiżviluppaw servizzi ta’ informazzjoni, diretti jew fuq l-internet, kif ukoll servizzi ta’ pariri jew ta’ assistenza għall-membri tagħhom għal dak li għandu x’jaqsam mal-ħlasijiet tard u l-klawżoli abbużivi.

    4.3.2   Il-Kumitat jipproponi li jissemmew espressament l-“organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u dawk tal-SMEs” fl-Artikolu 6(3) dwar il-mezzi ta’ azzjoni applikabbli għall-prevenzjoni tal-klawżoli li huma inġusti għall-aħħar, iżda fl-istess ħin jinnota li t-terminu magħżul (“organizzazzjonijiet”) jista’ joħloq problemi fit-traspożizzjoni.

    4.3.3   Peress li l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, u b’mod speċjali dawk tal-SMEs, jistgħu wkoll jagħtu kontribut importanti fit-tfassil tar-rapport previst fl-Artikolu 10 tal-proposta għal Direttiva, għax il-fehma tagħhom għandha tiġi inkluża.

    4.4   Il-Kumitat iqis li hemm il-ħtieġa għal azzjonijiet legali effettivi u effikaċji kontra d-debituri

    4.4.1   Il-Kumitat jenfasizza li huwa importanti ħafna li jiġu implimentati proċeduri sempliċi, rapidi u effettivi għall-irkupru ta’ djun, li jkunu aċċessibbli għal min imexxi n-negozji, speċjalment għall-SMEs, u jsostni li għandu jinkiseb titolu li jista’ jkun infurzat f’każ ta’ djun mhux ikkontestati f’mhux aktar minn 90 jum (Artikolu 9). Hemm bżonn ukoll li jitjiebu l-proċeduri li jiddeterminaw jekk jeżistux klawżoli kuntrattwali inġusti għall-aħħar.

    5   Kummenti u proposti oħra

    5.1   Il-Kumitat iħeġġeġ titjib fir-regolamentazzjoni dwar il-klawżoli kuntrattwali li huma fihom inġustizzji kbar (Artikolu 6) u jipproponi li dan isir billi jiġu definiti l-kriterji li jiddeskrivu dawn il-klawżoli, kif ukoll billi mal-lista tal-klawżoli li huma dejjem meqjusa bħala inġusti għall-aħħar jiżdiedu l-klawżoli li jeskludu l-ħlas ta’ kumpens għall-ispejjeż għall-irkupru, il-klawżola taż-żamma tat-titlu u l-klawżoli għall-garanzija tal-prestazzjoni tajba tal-obbligu tal-ħlas.

    5.2   Il-Kumitat itenni l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ persuni fiżiċi li f’termini strettament ġuridiċi ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva fil-forma attwali tagħha, iżda huma soġġetti għal kundizzjonijiet simili fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ ċerti intrapriżi u mal-amministrazzjoni pubblika. Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni tfassal studji dwar dawn il-kwistjonijiet sabiex tevalwa jekk fid-Direttiva għandhomx jiġu inklużi ċerti aspetti tar-relazzjonijiet mal-konsumaturi, jew jekk għandhomx jitfasslu dispożizzjonijiet speċifiċi (14).

    5.3   Il-Kumitat jipproponi li jiġi definit il-kunċett ta’ “talbiet mhux kontestati” (Artikolu 9). Il-kontestazzjonijiet għandhom jitqiesu bħala inaċċettabbli meta jkunu jeżistu rċevuti ffirmati mill-benefiċjarju jew dokument li jagħti prova li l-merkanzija tkun ġiet riċevuta.

    5.4   Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni wkoll fuq dawn il-punti:

    Id-dispożizzjoni fl-Artikolu 1(2)(b) li teskludi l-kuntratti li saru qabel it-8 ta’ Awwissu 2002 mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva l-ġdida, għandha titneħħa, biex issir konformi mal-Artikolu 11(4) li jistabbilixxi d-data tat-traspożizzjoni;

    Id-definizzjoni li tingħata għal “imgħax” (Artikolu 2(5)), għandha tagħmel ċara l-possibbiltà li l-ammont jiġi negozjat, inkluż mal-awtoritajiet pubbliċi;

    biex jiġu evitati l-problemi ta’ traspożizzjoni, hemm bżonn li dawn it-tliet kategoriji ta’ kuntratti tal-akkwist pubbliku jissemmew b’mod sħiħ (kuntratti għall-forniment, għas-servizzi u għax-xogħlijiet), jew li jiġu ddefiniti b’mod ġenerali taħt il-frażi “kuntratti tal-akkwist pubbliku”; (peress li l-Artikoli 5(1), 5(2) u 5(6) ma jsemmux il-kuntratti għax-xogħlijiet);

    il-bdil tal-frażi “id-data li d-debitur jirċievi l-fattura” b'“id-data li fiha l-fattura tintbagħat lid-debitur” fl-Artikoli 3(2)(b) u 5(2)(b), iwassal biex jiġi ssemplifikat il-proċess biex jinġiebu provi u biex jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ meta l-irċevuti jintbagħtu bil-posta jew il-ħruġ ta’ rċevuti elettroniċi;

    fl-Artikolu 4.1, għandu jiġi speċifikat jekk il-kunċett ta’ “dejn” ikoprix biss il-valur tal-prodott jew jinkludix ukoll il-VAT jew spejjeż oħra, bħal dawk tat-trasport;

    l-Artikolu 5.5 dwar id-dritt għal kumpens ta’ 5 % tal-ammont dovut għandu jispeċifika jekk huwiex possibbli li jsir kumpens ogħla minn 5 %, f’każ fejn ikunu hemm provi rilevanti.

    5.5   Għandu jiġi evitat li jiġu imposti skadenzi għall-ħlas twal b’mod mhux ġustifikat u ħlasijiet tard f’dawn il-każijiet:

    sottokuntrattar tal-akkwisti pubbliċi (għas-sottokuntratturi għandhom jgħoddu l-istess regoli għall-ħlas bħal dawk tal-awtoritajiet pubbliċi),

    provvisti mill-bejjiegħa bl-imnut: il-Kumitat jipproponi li jitwaqqaf kodiċi ta’ prattika volontarju appoġġat minn kuntratti bil-miktub biex jippermetti li “intrapriżi medji, żgħar u artiġjanali fil-produzzjoni jew fis-servizzi […] jkollhom aċċess għall-bejgħ bl-imnut f’volumi kbar b’minimu ta’ garanziji” (15), u biex il-bejjiegħa bl-imnut u/jew il-fornituri l-kbar ma jitħallewx jeżerċitaw pressjonijiet.

    5.6   Ir-rapport previst fl-Artikolu 10 għandu jitħejja u jiġi trasmess kull sena, almenu għall-ewwel tliet snin wara li d-Direttiva tidħol fis-seħħ, sabiex tkun tista’ ssir evalwazzjoni kontinwa tar-riżultati u jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-aħjar prattiki.

    5.7   Il-KESE jappoġġja l-valorizzazzjoni u l-iżvilupp tal-prattiki tajba li jseħħu fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħlasijiet tard u t-tnaqqis tal-iskadenzi għall-ħlas:

    Il-Kummissjoni Ewropea:

    miżuri biex il-perijodu inizjali għall-ħlasijiet tal-prefinanzjament ta’ fondi li mhumiex rimborsabbli u tal-kuntratti tal-UE jitnaqqas minn 30 għal 20 ġurnata (dan jammonta għal EUR 9,5 biljun); għall-ħlasijiet l-oħra ġestiti b’mod ċentralizzat, l-għan huwa li l-iskadenzi għall-ħlas jitnaqqsu minn 45 għal 30 ġurnata (fil-każ ta’ għotjiet);

    jiżdied l-użu ta’ rati fissi u ta’ pagamenti ta’ darba għal fondi mhux rimborsabbli u għall-kuntratti kummerċjali amministrati f’livell ċentrali;

    is-semplifikazzjoni tal-proċeduri ġenerali ta’ qabel ma jitnedew il-proġetti, li tista’ tgħin biex jitħaffu l-ħlasijiet; qed jiġu proposti miżuri biex il-Kummissjoni tkun tista’ tippubblika sejħiet għall-offerti li jkopru sentejn u biex jintużaw sejħiet għall-offerti standard; u

    il-promozzjoni tas-semplifikazzjoni tal-miżuri ta’ monitoraġġ fejn jista’ jkun.

    Fir-Renju Unit: l-awtoritajiet pubbliċi impenjaw lilhom infushom li jħallsu l-irċevuti fi żmien għaxart ijiem.

    Fl-Irlanda, il-Belġju, il-Portugall u r-Repubblika Ċeka: il-gvernijiet wegħdu li jnaqqsu l-ħlasijiet tard, b’mod partikolari mill-awtoritajiet pubbliċi.

    Fil-Belġju: il-gvern federali ħoloq “self li jservi ta’ pont” ġdid speċifiku permezz ta’ fond ta’ investiment federali biex jiġu ffinanzjati l-ħlasijiet tard mill-awtoritajiet pubbliċi kollha u mhux biss dawk fil-livell tal-Istat federali.

    Fi Spanja: għall-2009, l-Instituto de Crédito Oficial (ICO) waqqaf faċilità ta’ likwidità ta’ EUR 10 biljun għal self preferenzjali sabiex l-SMEs u dawk li jaħdmu għal rashom jilħqu r-rekwiżiti tagħhom ta’ likwidità. Dawn il-fondi huma soġġetti għar-regoli ta’ kofinanzjament li jitolbu, pereżempju, li 50 % jkunu koperti mill-ICO u 50 % minn istituti għall-kreditu. Barra minn hekk, “il-faċilità għall-ħlas minn qabel tal-awtoritajiet lokali” tiggarantixxi l-irkupru ta’ rċevuti li jinħarġu min-negozji u minn dawk li jaħdmu għal rashom għal xogħlijiet u servizzi li jkunu taw lill-awtoritajiet lokali.

    Brussell, 17 ta’ Diċembru 2009.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  ĠU C 224, 30.8.2008; ĠU C 182, 4.8.2009.

    (2)  ĠU C 407 tat-28 ta’ Diċembru 1998, p. 50 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (3)  Hemm differenzi kbar bejn Stat Membru u ieħor u lakuna kbira bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar.

    (4)  Intrum Justitia, l-indiċi Ewropew dwar il-ħlasijiet (European Payment Index) 2009.

    (5)  ĠU L 200 tat-8 ta’ Awwissu 2000, Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Chapter 17 Volume 01, p. 226-229.

    (6)  ĠU L 12 tas-16 ta’ Jannar 2001, Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Chapter 19 Volume 04, p. 42-64.

    (7)  ĠU L 143 tat-30 ta’ April 2004, Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Chapter 19 Volume 07, p. 38-62.

    (8)  ĠU L 399 tat-30 ta’ Diċembru 2006.

    (9)  ĠU L 199 tal-31 ta’ Lulju 2007.

    (10)  ĠU C 182 tal-4 ta’ Awwissu 2009, p. 30.

    (11)  COM(2008) 800 finali.

    (12)  COM(2008) 394 finali. ĠU C 27 tat-3 ta’ Frar 2009.

    (13)  Preambolu tal-proposta għal Direttiva, Premessa 16.

    (14)  ĠU C 407 tat-28 ta’ Diċembru 1998, p. 50 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (15)  ĠU C 175/57 tal-28 ta’ Lulju 2009, p. 57.


    Top