Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE0504

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE tat- 28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud COM(2007) 677 finali

    ĠU C 204, 9.8.2008, p. 119–119 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.8.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 204/119


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    COM(2007) 677 finali

    (2008/C 204/24)

    Nhar it-22 ta' Novembru 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    Il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-20 ta' Frar 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Burani.

    Matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Marzu (seduta tat-12 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'123 voti favur, vot kontra u 6 astensjonijiet.

    1.   Introduzzjoni

    1.1

    Id-Direttiva dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, (minn issa 'l quddiem, “id-Direttiva dwar il-VAT”) (1), li daħlet fis-seħħ fl-2007, ġabret flimkien f'test wieħed id-diversi dispożizzjonijiet dwar il-VAT li ġew introdotti u emendati matul is-snin. L-implimentazzjoni ġabet magħha numru ta' diffikultajiet jew aspetti prattiċi, li kemm in-negozji kif ukoll xi Stati Membri ddeċidew li jikkummentaw jew li jressqu proposti dwarhom. Il-Kummissjoni eżaminathom u ddeċidiet li tippreżenta xi suġġerimenti biex temenda l-proposta kkonċernata.

    1.2

    Peress li l-emendi jvarjaw u jikkonċernaw kwistjonijiet differenti, u bil-għan li titnaqqas il-burokrazija u li jiġi aċċellerat il-proċess, il-Kummissjoni għażlet li tiġborhom f'proposta waħda. Il-Kumitat jaqbel ma dan.

    2.   Kontenut tal-proposta

    2.1

    Uħud mill-emendi jikkonċernaw lis-settur ta' l-enerġija li għandu sistema ta' taxxa li oriġinarjament kienet ibbażata fuq direttiva ta' l-2003 (2) u li sussegwentement ġiet trasposta fid-Direttiva dwar il-VAT. Il-lingwaġġ tekniku li ntuża llimita l-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva u ma rriflettiex ir-realtajiet ekonomiċi. Fi ftit kliem, fost il-prodotti ta' l-enerġija soġġetti għad-dazju ġew inklużi l-gass naturali li jiġi konsenjat permezz ta' sistemi ta' pajpijiet fissi u permezz ta' bastimenti li jittrasportaw il-gass naturali, l-elettriku u s-sħana jew il-kesħa konsenjati permezz ta' netwerks tas-sħana u tal-kesħa (“remote supply”). Il-Kummissjoni tipproponi li dawn il-prodotti jiġu eżentati mill-ħlas tad-dazju.

    2.2

    Skond il-proposta, dawn is-sorsi ta' l-enerġija jistgħu jiġu intaxxati fl-Istati Membri fejn is-servizz huwa pprovdut skond il-forniment jew l-aċċess. Barra minn hekk, il-fatt li l-Istati Membri jistgħu japplikaw rata mnaqqsa ta' VAT jissemplifika l-proċedura.

    2.3

    Fejn jidħlu derogi, fil-perijodu ta' l-adeżjoni tagħhom, il-Bulgarija u r-Rumanija ġew awtorizzati jagħtu eżenzjoni mit-taxxa lill-impriżi żgħar u li jibqgħu japplikaw eżenzjoni mill-VAT fuq it-trasport internazzjonali tal-passiġġieri. Ma nbidel xejn f'dan il-qasam: l-inkorporazzjoni ta' dawn id-derogi fit-test tad-Direttiva tal-VAT, kif ġara fl-Istati Membri, kienet ikkunsidrata utli.

    2.4

    Rigward id-dritt tat-tnaqqis, il-proposta tindroduċi jew tiċċara prinċipju prominenti li huwa inerenti fl-idea oriġinali li fuqha kien imsejjes il-VAT: li l-eżerċizzju inizjali tat-tnaqqis ikun ristrett għall-proporzjon ta' l-użu kummerċjali effettiv meta l-proprjetà immobbli għall-użu mħallat tkun inkluża fl-assi u l-passivi tal-kumpanija. Ġie pprovdut ukoll għal sistema ta' rettifika sabiex jitqiesu l-varjazzjonijiet bejn l-użu kummerċjali u dak privat (jew mhux kummerċjali).

    3.   Kummenti u konklużjonijiet

    3.1

    Il-proposti msemmija f'punti 2.3 u 2.4 ma jirrikjedu l-ebda kumment partikolari: l-għan ta' punt 2.3 huwa li jikkoreġi ommissjoni li saret fil-passat u l-għan ta' punt 2.4 huwa li jagħti kjarifika neċessarja għalkemm ovvja ta' prinċipju bażiku, li huwa magħruf bil-bosta u implimentat ukoll.

    3.2

    Fir-rigward tal-punti 2.1 u 2.2, il-KESE japprova l-proposta li għandha l-għan li tassigura li l-leġislazzjoni tikkonforma mar-realtajiet ekonomiċi u li s-sorsi differenti ta' l-enerġija jiġu trattati b'mod ugwali.

    3.3

    Il-KESE għalhekk jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni.

    Brussell, it-12 ta' Marzu 2008.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Sociali Ewropew

    Dimitris DIMITRIADIS


    (1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud.

    (2)  Direttiva tal-Kunsill 2003/92/KE tas-7 ta' Ottubru 2003.


    Top