Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007IE1699

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-impjiegi fis-settur agrikolu

    ĠU C 120, 16.5.2008, p. 25–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.5.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 120/25


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-impjiegi fis-settur agrikolu

    (2008/C 120/06)

    Nhar it-13 ta' Marzu 2007, il-Bureau ddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 29 A tad-Dispożizzjonijiet ta' Implimentazzjoni tar-Regoli ta' Proċedura, li jfassal opinjoni addizzjonali dwar:

    L-impjiegi fis-settur agrikolu.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta' Ottubru 2007. Ir-Rapporteur kien is-Sur Wilms.

    Matul l-440 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Diċembru 2007 (seduta tat-13 ta' Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'96 vot favur, vot wieħed kontra u 3 astensjonijiet:

    1.   Sommarju

    1.1

    Bil-komunikazzjoni tagħha “Il-postijiet tax-xogħol fiż-żoni rurali: Inneħħu d-differenzi fl-impjiegi” (1), il-Kummissjoni fetħet diskussjoni importanti dwar l-impjiegi fis-settur agrikolu bħala element importanti għall-ħolqien u s-sigurtà tal-postijiet tax-xogħol fiż-żoni rurali.

    1.2

    Il-bidla strutturali agrikola qiegħda tkompli. B'hekk ser jiġu milquta mijiet ta' eluf ta' impjegati fl-agrikoltura li ser jitilfu xogħolhom u/jew li ser tinbidlilhom ħajjithom. Madanakollu, parti sostanzjali mill-impjiegi fis-settur agrikolu, jiġifieri l-impjegati u l-aktar il-ħaddiema staġjonali u l-ħaddiema migranti, baqgħet ma ġietx meqjusa fil-komunikazzjoni.

    1.3

    Din hija ħasra wara l-isforzi kollha li saru mill-Kummissjoni fl-okkażjoni tas-Sena Ewropea tal-Mobilità tal-Ħaddiema (2006). Madwar 4 miljun ħaddiem staġjonali u part-time fis-sena, li minnhom madwar 2 miljuni huma ħaddiema migranti, huma x-xiehda tal-mobilità u l-flessibilità qawwija fis-settur ta' l-agrikolura.

    1.4

    Il-ħaddiema staġjonali huma element essenzjali għall-agrikoltura, b'mod partikolari għat-tkabbir tal-frott u l-ħaxix, u mingħajrhom ma jistax ikun hemm biedja effettiva u sostenibbli. Peress li ta' sikwit il-ħaddiema tal-post ma jlaħħqux mal-ħtieġa ta' ħaddiema staġjonali, il-ħaddiema migranti jagħtu sehemhom ukoll għall-iżvilupp ta' l-agrikoltura fl-Ewropa.

    1.5

    Il-produzzjoni ta' ikel bnin hija vitali għal ħajjitna.Għandu jkun hemm ukoll paga ġusta.

    1.6

    Minkejja li r-rata tal-qgħad f'ħafna reġjuni Ewropej hija għolja, jibqgħu jintalbu aktar ħaddiema staġjonali mill-Belarus, mill-Ukraina u minn pajjiżi oħra. Is-suq tax-xogħol fl-UE għandu jiżviluppa b'mod sostenibbli għas-soċjetà. Dan ifisser li kulħadd għandu jkollu ċ-ċans li jaqla' l-għajxa ta' kuljum permezz ta' xogħlu. Dawn l-opportunitajiet qegħdin jiġu limitati minn ħaddiema oħra minn pajjżi terzi li jitħallsu bi ftit flus.

    1.7

    Il-miri fir-rigward tat-tkabbir li stabbiliet l-Unjoni Ewropea jistgħu jintlaħqu biss permezz ta' kompetizzjoni ġusta. Irrispettivament mill-oriġini tagħhom, l-impjegati tas-settur agrikolu għandhom jirċievu trattament ugwali.

    1.8

    Is-suq tax-xogħol agrikolu huwa kkaratterizzat minn mobilità qawwija. Dan jikkorrispondi mal-miri tal-Kummissjoni. Iżda l-iżvantaġġi m'għandhomx jiżdiedu għall-ħaddiema mobbli. Għaldaqstant, l-integrazzjoni soċjali għandha tkun dritt li jiġi wara dak ta' l-integrazzjoni politika u ekonomika. Għall-futur qrib il-KESE qiegħed jara dawn il-bżonnijiet:

    Għandu jkun hemm standards minimi li jirregolaw il-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-akkomodazzjoni tal-ħaddiema migranti kollha.

    Permezz ta' xogħolhom, il-ħaddiema migranti għandu jkollhom protezzjoni soċjali komprensiva. Dan jgħodd ukoll għat-talba għall-pensjoni.

    Il-ħaddiema staġjonali għandhom jiġu inklużi wkoll fi skemi sabiex itejbu l-kompetenzi tagħhom.

    Il-ħaddiema migranti għandhom jiġu informati dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol u dwar id-drittijiet tagħhom.

    1.9

    Fl-agrikoltura Ewropea jeżisti nuqqas ta' trasparenza fil-livell ta' l-impjiegi u fl-istandards soċjali. Dan iwassal għal distorsjonijiet fil-kompetizzjoni. Iċ-ċertifikazzjoni ta' l-irziezet fuq il-bażi ta' kriterji soċjali huwa wieħed mill-mezzi sabiex tkun tista' terġa' tiġi stabbilita l-kompetizzjoni ġusta.

    2.   Introduzzjoni

    Ix-xogħol fl-agrikoltura Ewropea ser ikompli jinbidel. Ħafna mill-impjegati mħallsa għandhom xogħol part-time jew staġjonali. Die Teilzeit- und Saisonbeschäftigung nimmt unter den abhängig Beschäftigten einen großen Teil ein. Il-ħaddiema migranti li jitilqu minn art twelidhom sabiex jaħdmu f'post ieħor huma soġġetti għal kondizzjonijiet partikolari. Fil-futur qrib mhux ser ikun hemm tibdil sinifikattiv f'dan il-qasam.

    2.1   Niżviluppaw l-impjiegi staġjonali fis-settur agrikolu

    2.1.1

    Is-sitwazzjoni ta' l-impjiegi fl-agrikoltura kemm-il darba kienet is-suġġett ta' opinjoni tal-KESE. L-importanza tad-diskussjoni dwar il-ħaddiema migranti u staġjonali qiegħda tikber kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'numru kbir ta' Stati Membri. Sadattant it-tliet partijiet prinċipali, li huma r-rappreżentanti ta' min iħaddem, it-trade unions u r-rappreżentanti politiċi jew amministrattivi, qegħdin jinvolvu ruħhom f'ħafna oqsma u azzjonijiet marbutin ma' din il-kwistjoni. Xi eżempji:

    Ħafna trade unions agrikoli jipprovdu informazzjoni b'diversi lingwi dwar is-sitwazzjoni legali fil-pajjiżi ta' destinazzjoni.

    L-imsieħba soċjali ta' xi pajjiżi jikkonkludu ftehimiet kollettivi adattati għall-ħaddiema migranti u staġjonali.

    Ħafna drabi l-ħaddiema migranti jingħataw konsulenza legali, b'mod speċjali meta jiġu sabiex jiffirmaw xi kuntratt tax-xogħol.

    Xi gvernijiet jorganizzaw diskussjonijiet ma' l-imsieħba soċjali sabiex itejbu s-sitwazzjoni tal-ħaddiema staġjonali u migranti.

    Wara l-intervenzjonijiet ta' l-imsieħba soċjali, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tidħol fil-kwistjoni wkoll billi tappoġġja dejjem iktar il-proġetti ta' l-imsieħba soċjali rigward il-ħaddiema migranti, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll mill-fondi tagħha, per eżempju fil-kuntest tat-titjib tas-sitwazzjoni ta' l-akkomodazzjoni u l-ippustjar tal-ħaddiema migranti.

    2.1.2

    Kemm-il darba tressqu talbiet sabiex jitwaqqaf osservatorju tal-ħaddiema migranti u staġjonali iżda dan l-osservatorju baqa' ma twaqqafx. Il-ġbir u l-preżentazzjoni ta' data ċara dwar l-impjiegi fis-settur agrikolu u l-valutazzjoni tagħha huma element essenzjali għat-titjib tas-sitwazzjoni tal-ħaddiema.

    2.2   Definizzjonijiet

    2.2.1

    In-nuqqas ta' ċertezza fid-diskussjoni dwar ix-xogħol staġjonali fl-agrikoltura qiegħed ixekkel it-trasparenza u l-preżentazzjoni tas-sitwazzjoni reali. Għad m'hemmx ċifri ċari u dettaljati dwar il-livell ta' l-impjiegi staġjonali fl-agrikoltura.

    2.2.2

    Madwar 2 miljun ħaddiem hu impjegat full-time fis-settur agrikolu Ewropew. Ix-xogħol ta' madwar erba' miljun persuna huwa instabbli. Parti minnhom huma impjegati part-time u parti oħra huma impjegati fuq bażi staġjonali għal perijodu ta' bejn ftit jiem sa tmien xhur fis-sena. Il-parti l-kbira tal-ħaddiema staġjonali huma ħaddiema migranti li ma jaħdmux f'art twelidhom u ħafna drabi jridu jemigraw lil hinn mill-fruntieri.

    2.2.3

    Fl-analiżi taċ-ċifri dwar il-ħaddiema tinħtieġ spjegazzjoni ċara tal-kriterji, per eżempju d-daqs ta' l-irziezet, il-klassifikazzjoni fl-oqsma u s-setturi differenti, b'mod partikolari l-klassifikazzjoni ta' l-ortikultura u tas-servizzi marbuta ma' l-agrikoltura.

    3.   L-urġenza ta' l-opinjoni

    3.1

    L-opinjoni hija urġenti għal diversi raġunijiet:

    a.

    Fl-opinjoni tagħha dwar l-impjiegi fiż-żoni rurali, il-Kummissjoni, fost affarijiet oħra, tanalizza fid-detall ix-xejriet kwantitattivi tax-xogħol. Tenfasizza l-punt li minkejja li l-proporzjon tax-xogħol agrikolu fiż-żoni rurali huwa żgħir, dan is-settur huwa importanti ħafna. Il-Kummissjoni qiegħda tbassar li sa l-2014 l-10 miljun impjieg (impjiegi full-time) li hemm bħalissa fil-qasam agrikolu ser jonqsu b'madwar 4 u 6 miljuni (żewġ miljuni fl-UE-15, bejn miljun u żewġ miljuni fl-UE-15-25 u bejn miljun u żewġ miljuni fir-Rumanija u l-Bulgarija).

    b.

    In-numru ta' ħaddiema full-time fl-UE-15 għandu jistabbilizza ruħu jew saħansitra jiżdied bi ftit bħal fil-Ġermanja tal-punent. Huwa mistenni li fil-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni ser ikun hemm tnaqqis addizzjonali fin-numru ta' ħaddiema full-time. Għaldaqstant huwa evidenti li jekk din it-tendenza tkompli, in-negozji ser ikollhom bżonn ta' aktar ħaddiema staġjonali fir-reġjuni fejn jitkabbru l-frott u l-ħaxix.

    c.

    Sadattant, f'ħafna pajjiżi qiegħed ikun imbassar nuqqas ta' ħaddiema kwalifikati li per eżempju jkunu jafu jmexxu negozju jew li jkunu jafu jħaddmu makkinarju kkumplikat fl-irziezet.

    d.

    In-negozji diġà qegħdin jilmentaw li ma jistgħux isibu ħaddiema li jistgħu jimpjegaw fuq bażi staġjonali. Huma qegħdin iħeġġu lill-awtoritajiet sabiex mhux biss jippermettu l-mobilità tal-ħaddiema fi ħdan l-UE (moviment ħieles tal-ħaddiema), iżda wkoll sabiex jiżdiedu l-impjiegi staġjonali ta' ħaddiema minn pajjiżi barra l-UE. Il-Polonja diġà fetħet il-bibien tagħha u qiegħda ddaħħal il-ħaddiema mill-Belarus u l-Ukraina.

    e.

    Mill-banda l-oħra, f'ħafna reġjuni rurali għad hemm ħafna qgħad. Il-Kummissjoni fasslet strateġija għal titjib fil-mobilità tal-ħaddiema. Però magħha jrid ikun hemm possibilitajiet ta' xogħol attraenti.

    f.

    Huwa fatt li x-xogħol ta' natura migranti jiġġenera l-konflitti u l-problemi.

    g.

    Huwa fatt ukoll li fis-settur agrikolu t-talba għax-xogħol tkun għolja ħafna f'ċerti żmenijiet tas-sena, matul il-perijodi ta' “veġetazzjoni”, u għaldaqstant ikun hemm il-possibilitajiet ta' xogħol. Skond id-deċiżjonijiet ta' l-istrateġija ta' Lisbona għandhom jinħolqu possibilitajiet ta' xogħol — imma xogħol ta' kwalità tajba.

    h.

    Fl-istrateġija ta' Gothenburg l-Istati Membri qablu dwar il-miri ta' l-iżvilupp sostenibbli. Huma qablu li d-dimensjoni soċjali għandha tingħata l-istess importanza bħall-miri ekonomiċi u ekoloġiċi. Għalhekk is-sitwazzjoni tal-ħaddiema migranti għandha tkun konformi ma' l-istandards soċjali. F'dan ir-rigward in-negozji għandhom jerfgħu r-reponsabilità soċjali tagħhom. Il-ħaddiema migranti għandhom id-dritt għal trattament ugwali kif ukoll għal akkomodazzjoni u kondizzjonijiet ta' għajxien xierqa. Barra min hekk, għandhom ikunu integrati b'mod sħiħ fis-sistemi tas-sigurtà soċjali.

    i.

    Fi ħdan l-inizjattiva kontra d-diskriminazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ġie ppjanat ukoll dibattitu kontra d-diskriminazzjoni fejn jidħlu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u ta' l-għajxien tal-ħaddiema barranin.

    j.

    Bil-libertà sħiħa tal-mobilità tal-ħaddiema fl-UE ser tinbidel ukoll il-kapaċità ta' azzjoni tal-gvernijiet. B'hekk ser tikber il-kompetizzjoni kemm bejn il-ħaddiema kif ukoll bejn min iħaddem.

    k.

    Fid-dawl tat-tbassir mill-Kummissjoni tat-tluq ta' bejn 4 u 6 miljun ħaddiem mis-settur, it-tema tal-kwalità tax-xogħol ma tistax titħalla barra mid-diskussjoni dwar il-politika agrikola komuni. Is-sitwazzjoni tal-ħaddiema permanenti ser tinbidel. In-nuqqas ta' ħaddiema tas-sengħa huwa mbassar, u fuq medda twila ta' żmien in-numru ta' ħaddiema ser jistabbilizza ruħu.

    4.   Problemi attwali

    4.1

    Il-ħaddiema jemigraw l-aktar minħabba d-differenza fil-livell ta' għajxien fir-reġjuni Ewropej. L-immigrazzjoni tal-ħaddiema twassal, fuq perijodu fit-tul, għal nuqqas b'mod partikolari ta' ħaddiema kwalifikati, fil-pajjiżi li jitilqu minnhom. Dawn ir-reġjuni qegħdin jipprovaw isolvu l-problema tan-nuqqas ta' ħaddiema mhux billi jgħollu l-pagi jew billi jtejbu l-edukazzjoni, iżda bl-ingaġġ ta' ħaddiema minn pajjiżi ifqar, u għalhekk kulma jmur qegħdin jiżdiedu dejjem iktar il-ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea.

    4.2

    Iżda l-kondizzjonijiet tax-xogħol, li xi drabi jkunu diffiċli u mhux normali, fl-oqsma in kwistjoni qegħdin iwasslu għal nuqqas ta' ħaddiema. Il-ħaddiema migranti qegħdin jimxu mar-regoli tas-suq. Huma qegħdin jerħulha lejn fejn isibu l-aħjar kondizzjonijiet għalihom fi ħdan is-suq ħieles tax-xogħol.

    4.3

    Il-problemi relatati max-xogħol tal-ħaddiema migranti dejjem jitfaċċaw:

    Is-sitwazzjoni tal-migranti nisa fl-agrikoltura għandha tingħata attenzjoni ikbar. F'ħafna pajjiżi l-aktar li qegħdin jiġu reklutati huma n-nisa. Dan iwassal għal xi problemi kulturali u soċjali kemm fil-pajjiżi ta' destinazzjoni kif ukoll fil-pajjiżi ta' oriġini.

    L-implimentazzjoni ta' miżuri transitorji għall-moviment ħieles tal-ħaddiema wara t-tkabbir ta' l-2004 u ta' l-2007 wasslet għal ksur tal-liġi tax-xogħol minħabba l-ippustjar fil-qafas tal-provvista tas-servizz. Għalhekk il-paga xi kultant tkun inqas mill-paga minima stabbilita bil-liġi u f'ħafna każi tkun inqas mill-paga miftiehma b'mod kollettiv u mill-paga tal-ħaddiema lokali.

    Minkejja l-isforzi u l-inizjattivi min-naħa tat-trade unions, il-ħaddiema migranti għadhom mingħajr informazzjoni ċara dwar id-drittijiet tagħhom. F'ħafna każi l-liġijiet u r-regoli tal-pajjiż ospitanti ma jiġux applikati. Il-fatt li l-ħaddiema migranti jiġu sfruttati minħabba l-oriġini tagħhom huwa kontradizzjoni kbira ta' l-isforzi ta' l-Unjoni Ewropea kontra d-diskriminazzjoni.

    Minħabba li l-ħaddiema staġjonali ma jħallsux il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali b'mod kontinwu, għadhom iħabbtu wiċċhom ma' żvantaġġi finanzjarji rigward is-sigurtà soċjali tagħhom.

    Normalment l-ispejjeż tal-ftehimiet kollettivi tal-ħaddiema tas-settur agrikolu ma japplikawx għall-ħaddiema staġjonali.

    Kważi f'kull pajjiż għad hemm lok għal titjib fl-akkomodazzjoni għall-ħaddiema staġjonali.

    Tendenza oħra hija l-ingaġġ ta' ħaddiema fis-settur agrikolu permezz ta' aġenziji tax-xogħol temporanju. Għalkemm jeżistu eżempji ta' aġenziji tax-xogħol temporanju ħżiena, ix-xogħol temporanju ħafna drabi joffri vantaġġi kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal min iħaddem.

    F'oqsma fejn ikunu impjegati bosta ħaddiema għal perijodu qasir ta' żmien huwa faċli li jkun hemm attività illegali. Ħafna ħaddiema jużaw impjieg staġjonali legali sabiex wara li jiskadilhom il-kuntratt ta' dan jaħdmu f'oqsma oħra mingħajr dokumenti validi.

    5.   Konklużjonijiet u qafas ta' azzjoni

    5.1   Qafas politiku ġenerali

    5.1.1

    Il-KESE jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni għal aktar impjiegi fiż-żoni rurali inkluża l-promozzjoni tat-trasparenza fil-qasam agrikolu. Dawn l-isforzi jinkludu wkoll il-ġbir ta' statistika dwar l-impjieg tal-ħaddiema u l-provvista ta' informazzjoni wiesgħa lill-ħaddiema dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol u ta' l-għajxien fil-pajjiżi kkonċernati.

    5.1.2

    Sa issa, l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-prodotti kienu l-qofol tal-politika agrikola. L-istatus u l-għamla tax-xogħol tal-ħaddiema baqa' prattikament ma tqiesx.

    5.1.3

    Il-miri ta' l-istrateġija ta' Lisbona u ta' l-istrateġija ta' Gothenburg għad iridu jiġu konkretizzati aktar. Id-dimensjoni soċjali flimkien mad-dimensjoni ekonomika u ekoloġika għandhom jiġu kkunsidrati fl-iżvilupp avvanzat ta' l-agrikoltura sostenibbli.

    5.1.4

    It-tneħħija tad-differenzi fis-suq tax-xogħol Ewropew għandha tkun il-mira ewlenija tal-partijiet kollha. Din il-mira ma tistax tintlaħaq billi jinġiebu ħaddiema li jitħallsu b'inqas minn reġjuni dejjem aktar 'il bogħod mill-Ewropa. Il-mudell Ewropew jinkludi wkoll l-iżvilupp ta' ħajja soċjali komuni fl-Ewropa. F'dan il-mudell m'hemmx post għal getti ta' ħaddiema migranti b'kondizzjonijiet ħżiena ta' għajxien u ta' akkomodazzjoni, u mingħajr rabtiet kulturali u soċjali mal-ħajja lokali.

    5.1.5

    Il-konsiderazzjoni tal-ġeneru għandha taqdi rwol akbar fl-istudji li jsiru f'dan il-qasam u fis-soluzzjonijiet potenzjali li joħorġu minnhom.

    5.1.6

    Il-kondizzjonijiet għadhom mhux stabbiliti. Il-partijiet kollha huma mitluba li jagħtu sehemhom.

    5.1.7

    Il-ħaddiema migranti għandhom jirċievu l-istess trattament bħall-ħaddiema tal-post. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dak kollu li tista' għal dan il-għan. L-ewwel pass f'din id-direzzjoni huwa t-tfassil ta' standards minimi. Dawn l-istandards minimi għandhom jibnu bażi tajba għal diskussjoni wiesgħa dwar il-kwalità tax-xogħol.

    5.2   Ħidma u inizjattivi ta' l-imsieħba soċjali

    5.2.1

    Il-KESE jilqa' l-isforzi ta' l-imsieħba soċjali sabiex jippromovu, fil-kuntest tad-djalogu soċjali, l-iżvilupp u t-taħriġ vokazzjonali fis-settur agrikolu u b'mod partikolari l-validazzjoni tal-kwalifiki professjonali minn korpi kompetenti fl-Istati Membri. Il-passaport Ewropew “Agripass” qiegħed jinħalaq bil-għan li jiffaċilita l-mobilità ta' l-impjegati agrikoli fiż-żona Ewropea. L-agri-pass m'għandhiex twassal għal sitwazzjoni fejn il-ħaddiema li m'għandhomx dan id-dokument jkunu żvantaġġati, iżda għandha sservi ta' inċentiv sabiex il-ħaddiema japplikaw għal dan iċ-ċertifikat ta' kwalifika.

    5.2.2

    Barra minn hekk, it-trasparenza fil-kwalifiki professjonali tista' ttejjeb ukoll il-mobilità u l-possibilità li l-ħaddiema jaħdmu u jistabbilixxu ruħhom f'pajjiżi oħra. Il-KESE jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni għall-appoġġ ta' l-imsieħba soċjali permezz ta' l-introduzzjoni ta' “agri-pass”.

    5.2.3

    L-imsieħba soċjali, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u l-gvernijiet ta' l-Istati Membri kkonċernati, għandhom ifasslu u jimplimentaw strateġiji kontra l-impjegar illegali.

    5.3   Inizjattivi konġunti għas-sigurtà soċjali

    5.3.1

    Is-sigurtà soċjali tal-ħaddiema staġjonali hija kwistjoni ta' tħassib partikolari. Il-ħaddiema li jagħmlu xogħol temporanju għal numru ta' snin m'għandux ikollhom inqas sigurtà soċjali minn ħaddiema oħra. B'mod partikolari, dan ifisser:

    li huma jiġu integrati fis-sistema tal-pensjoni fil-pajjiż fejn jaħdmu u li jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet tal-pensjoni tagħhom kollha;

    li s-sitwazzjoni fuq il-post tax-xogħol tkun konformi mad-dispożizzjonijiet relatati max-xogħol u s-saħħa, u li l-ħaddiema migranti jirċievu t-tagħrif dwar ir-riskji u l-perikli bil-lingwa nattiva tagħhom;

    li jkollhom assigurazzjoni tas-saħħa komprensiva.

    5.3.2

    Il-ħaddiema għandhom jiġu infurmati bil-lingwa nattiva tagħhom dwar il-leġislazzjoni, il-ftehimiet kollettivi u l-prattiki rigward il-pagi, l-organizzazzjoni, is-sigurtà soċjali, is-sistema fiskali, il-leġislazzjoni dwar il-kondizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol fil-pajjiż ospitanti, eċċ. Min-naħa tagħha l-UE għandha tirrispetta r-rwol tal-partijiet firmatarji u ma tagħmilx liġijiet f'oqsma koperti mill-ftehimiet kollettivi.

    5.4   Intejbu l-kondizzjonijiet ta' l-għajxien u l-akkomodazzjoni tal-ħaddiema migranti

    5.4.1

    Il-ħaddiema migranti għandhom id-dritt għal akkomodazzjoni deċenti fil-pajjiż fejn jaħdmu. Fil-livell Ewropew għandu jitfassal qafas bl-istandards bażiċi għall-akkomodazzjoni tal-ħaddiema migranti.

    5.5   Ċertifikat ta' kwalità għal xogħol temporanju ġust

    5.5.1

    Il-Kumitat ilu snin iħejji opinjonijiet dwar il-ġestjoni ekonomika sostenibbli. Din m'għandhiex biss dimensjoni ekoloġika, iżda tikkonċerna l-aspetti maniġerjali u soċjali wkoll. Sistema ta' ċertifikazzjoni volontarja u non-statali għal xogħol staġjonali ġust kapaċi twassal għal kompetizzjoni aktar ġusta. Il-kriterji għal sistema ta' ċertifikazzjoni volontarja jistgħu jkunu:

    il-ħlas ta' pagi xierqa,

    is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol,

    il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fi proċessi interni tan-negozju,

    l-arranġamenti kuntrattwali tax-xogħol,

    l-akkomodazzjoni,

    il-ħin tax-xogħol.

    Iċ-ċertifikazzjoni għandha:

    tippromovi l-kompetizzjoni ġusta,

    tinforma lill-ħaddiema staġjonali kkonċernati dwar in-negozju u

    tirreklama l-prattika tajba fin-negozju.

    5.6   Inxerrdu l-prattika t-tajba

    5.6.1

    Fl-agrikoltura Ewropea jeżistu ħafna skemi u proġetti sabiex insaħħu l-mobilità fl-agrikoltura u sabiex intejbu s-sitwazzjoni tal-ħaddiema staġjonali. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-miżuri neċessarji għall-analiżi u t-tixrid tal-prattika t-tajba.

    Brussell, it-13 ta' Diċembru 2007.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Dimitris DIMITRIADIS


    (1)  KOM (2006)857 finali, “Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar Il-postijiet tax-xogħol fiż-żoni rurali: Inneħħu d-differenzi fl-impjiegi”.


    Top