Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0490

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/490 tal-25 ta’ Marzu 2022 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 fir-rigward ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Juglans regia L., tan-Nerium oleander L. u tar-Robinia pseudoacacia L. li joriġinaw fit-Turkija, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 fir-rigward tal-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni ta’ dawk il-pjanti għat-tħawwil fit-territorju tal-Unjoni

    C/2022/1750

    ĠU L 100, 28.3.2022, p. 10–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/490/oj

    28.3.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 100/10


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/490

    tal-25 ta’ Marzu 2022

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 fir-rigward ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Juglans regia L., tan-Nerium oleander L. u tar-Robinia pseudoacacia L. li joriġinaw fit-Turkija, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 fir-rigward tal-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni ta’ dawk il-pjanti għat-tħawwil fit-territorju tal-Unjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 42(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Abbażi ta’ valutazzjoni preliminari, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (2) jistabbilixxi lista ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra ta’ riskju għoli.

    (2)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2018 (3) jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward il-proċedura li trid tiġi segwita sabiex issir il-valutazzjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 42(4) tar-Regolament (UE) 2016/2031 għal dawk il-pjanti, il-prodotti tal-pjanti u l-oġġetti l-oħra ta’ riskju għoli.

    (3)

    Wara l-valutazzjoni preliminari, fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 iddaħħlu 34 ġeneru u speċi waħda ta’ pjanti għat-tħawwil li joriġinaw mill-pajjiżi terzi kollha, bħala pjanti ta’ riskju għoli, li fosthom hemm il-ġeneri Juglans L., Nerium L. u Robinia L.

    (4)

    F’konformità mar-Regolament (UE) 2016/2031, jekk jiġi konkluż, abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju, li pjanta, prodott tal-pjanti jew oġġett ieħor li joriġinaw minn pajjiż terz, minn grupp ta’ pajjiżi terzi jew minn żona speċifika tal-pajjiż terz ikkonċernat, ikun fihom riskju inaċċettabbli ta’ pesti, iżda li dak ir-riskju jista’ jitnaqqas għal livell aċċettabbli jekk jitwettqu ċerti miżuri, il-Kummissjoni trid tneħħi dik il-pjanta, dak il-prodott tal-pjanti jew dak l-oġġett l-ieħor mil-lista stabbilita mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 u żżidhom mal-lista msemmija fl-Artikolu 41(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

    (5)

    Dik il-lista hija prevista mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 (4).

    (6)

    Fid-9 ta’ Awwissu 2019, it-Turkija ressqet talba lill-Kummissjoni għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ pjanti għat-tħawwil imlaqqma ta’ sentejn tal-Juglans regia L., li għandhom l-għeruq mikxufin, huma ħielsa mill-weraq u għandhom dijametru massimu ta’ 2 cm fil-bażi taz-zokk. Dik it-talba ġiet sostnuta bid-dossier tekniku rispettiv.

    (7)

    Fid-19 ta’ Mejju 2021, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju ta’ komodità tal-pjanti għat-tħawwil tal-Juglans regia L. mit-Turkija (5). L-Awtorità identifikat Anoplophora chinensis, Euzophera semifuneralis, Garella musculana, Lasiodiplodia pseudotheobromae u Lopholeucaspis japonica bħala pesti rilevanti għal dawk il-pjanti għat-tħawwil, evalwat il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji deskritti fid-dossier għal dawk il-pesti u stmat il-probabbiltà li dawn ikunu ħielsa minn dawk il-pesti.

    (8)

    Fis-27 ta’ Novembru 2019, it-Turkija ressqet talba lill-Kummissjoni għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ pjanti għat-tħawwil ta’ bejn sena u erba’ snin bil-materjal għat-tkabbir tan-Nerium oleander L. Dik it-talba kienet akkumpanjata mid-dossier tekniku rispettiv.

    (9)

    Fil-25 ta’ Marzu 2021, l-Awtorità adottat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju ta’ komodità tal-pjanti għat-tħawwil tan-Nerium oleander L. mit-Turkija (6). L-Awtorità identifikat il-Phenacoccus solenopsis bħala pest rilevanti għal dawk il-pjanti għat-tħawwil, evalwat il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji deskritti fid-dossier għal dak il-pest u stmat il-probabbiltà li dawn ikunu ħielsa minn dak il-pest.

    (10)

    Fis-27 ta’ Novembru 2019, it-Turkija ressqet talba lill-Kummissjoni għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ pjanti għat-tħawwil ta’ bejn tlieta u seba’ snin, bl-għeruq mikxufin u pjanti bil-materjal għat-tkabbir tar-Robinia pseudoacacia L. Dik it-talba kienet akkumpanjata mid-dossier tekniku rispettiv.

    (11)

    Fil-25 ta’ Marzu 2021, l-Awtorità adottat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju ta’ komodità tal-pjanti tar-Robinia pseudoacacia L. mit-Turkija (7). L-Awtorità identifikat lil Anoplophora chinensis, Lopholeucapsis japonica, u Pochazia shantungensis bħala pest rilevanti għal dawk il-pjanti għat-tħawwil, evalwat il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji deskritti fid-dossier għal dawk il-pesti u stmat il-probabbiltà li dawn ikunu ħielsa minn dawk il-pesti.

    (12)

    Abbażi ta’ dawk l-opinjonijiet, jenħtieġ li jiġu adottati l-miżuri meħtieġa biex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ dawk il-pesti bħala rekwiżiti fitosanitarji tal-importazzjoni, sabiex jiġi żgurat li r-riskju fitosanitarju mill-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fl-Unjoni jitnaqqas għal livell aċċettabbli.

    (13)

    Għalhekk, il-pjanti li ġejjin jenħtieġ li jitneħħew mill-Anness għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019: pjanti għat-tħawwil ta’ Juglans regia L. ta’ mhux aktar minn sentejn, bl-għeruq mikxufin, mingħajr weraq u b’dijametru massimu ta’ 2 cm fil-bażi taz-zokk, li joriġinaw mit-Turkija, pjanti għat-tħawwil ta’ Nerium oleander L. ta’ mhux aktar minn erba’ snin, li joriġinaw mit-Turkija, u pjanti għat-tħawwil ta’ Robinia pseudoacacia L. ta’ mhux aktar minn seba’ snin u b’dijametru massimu ta’ 25 cm, li joriġinaw mit-Turkija. Dawn il-pjanti għat-tħawwil jenħtieġ li jiżdiedu mal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 u, jekk applikabbli, jenħtieġ li l-miżuri fitosanitarji tal-importazzjoni meħtieġa jiġu stabbiliti fih.

    (14)

    Minħabba l-inċertezzi identifikati mill-Awtorità f’dawk id-dossiers, l-applikazzjoni waħidha tal-miżuri proposti mit-Turkija fid-dossiers ma tistax tnaqqas għal livell aċċettabbli r-riskju mill-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fl-Unjoni. Sabiex jitnaqqas ir-riskju fitosanitarju għal tali livell, minbarra l-miżuri diga’ proposti fid-dossiers mit-Turkija, jenħtieġ li dawk il-pjanti jitkabbru f’siti ta’ produzzjoni ħielsa mill-pesti.

    (15)

    Anoplophora chinensis u Lopholeucaspis japonica huma elenkati bħala pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (8). Euzophera semifuneralis, Garella musculana, Lasiodiplodia pseudotheobromae, Phenacoccus solenopsis u Pochazia shantungensis għadhom mhumiex inklużi f’dik il-lista iżda jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jiġu inklużi ladarba tkun twettqet valutazzjoni sħiħa tar-riskju.

    (16)

    F’konformità mal-Artikolu 42(5) tar-Regolament (UE) 2016/2031, il-valutazzjoni tar-riskju se titwettaq f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Madankollu, minħabba d-domanda għall-importazzjonijiet, miżuri fitosanitarji temporanji li jikkonċernaw l-Euzophera semifuneralis, il-Garella musculana, il-Lasiodiplodia pseudotheobromae, il-Phenacoccus solenopsis u l-Pochazia shantungensis huma meħtieġa u xierqa sakemm titlesta l-valutazzjoni tar-riskju.

    (17)

    Għal konformità mal-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri sanitarji u fitosanitarji (9), l-importazzjoni ta’ dawk il-komoditajiet fl-Unjoni jenħtieġ li tissokta fl-iqsar żmien possibbli. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (18)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    L-Artikolu 1

    Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

    L-Artikolu 2

    Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    L-Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Marzu 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi lista proviżorja ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u lista ta’ pjanti li ma jeħtiġux ċertifikati fitosanitarji għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 10).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2018 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward il-proċedura li trid tiġi segwita sabiex issir il-valutazzjoni tar-riskju ta’ pjanti b’riskju għoli, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra fit-tifsira tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 7).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 tal-21 ta’ Awwissu 2020 dwar il-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 275, 24.8.2020, p. 5).

    (5)  EFSA PLH Panel (European Food Safety Authority Panel on Plant Health), Scientific Opinion on the Commodity risk assessment of Juglans regia plants from Turkey. EFSA Journal 2021;19(6):6665, 99 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2021.6665.

    (6)  EFSA PLH Panel, Scientific Opinion on the commodity risk assessment of Nerium oleander plants from Turkey. EFSA Journal 2021;19(5):6569, 34 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2021.6569.

    (7)  EFSA PLH Panel, Scientific Opinion on the commodity risk assessment of Robinia pseudoacacia plants from Turkey. EFSA Journal 2021;19(5):6568, 54 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2021.6568.

    (8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).

    (9)  Il-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-Applikazzjoni ta’ Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (adottat fil-15 ta’ April 1994, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995), 1867 UNTS 493 (Ftehim SPS).


    ANNESS I

    Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019, fil-punt 1 tat-tabella, it-tieni kolonna “Deskrizzjoni” hija emendata kif ġej:

    (1)

    l-entrata ta’ “Juglans L.” hija sostitwita b’dan li ġej:

    Juglans L. minbarra pjanti għat-tħawwil ta’ Juglans regia L. ta’ mhux aktar minn sentejn bl-għeruq mikxufin, mingħajr weraq u b’dijametru massimu ta’ 2 cm fil-bażi taz-zokk, li joriġinaw mit-Turkija”;

    (2)

    l-entrata ta’ “Nerium L.” hija sostitwita b’dan li ġej:

    Nerium L. minbarra pjanti għat-tħawwil ta’ Nerium oleander L. ta’ mhux aktar minn erba’ snin, li joriġinaw mit-Turkija”;

    (3)

    l-entrata “Robinia L., minbarra pjanti mlaqqma bl-għeruq mikxufin inattivi għat-tħawwil b’dijametru massimu ta’ 2,5 cm ta’ Robinia pseudoacacia L. li joriġinaw mill-Iżrael” hija sostitwita b’dan li ġej:

    Robinia L. minbarra pjanti għat-tħawwil imlaqqma, bl-għeruq mikxufin, inattivi u b’dijametru massimu ta’ 2,5 cm ta’ Robinia pseudoacacia L. li joriġinaw fl-Iżrael u minbarra pjanti għat-tħawwil ta’ Robinia pseudoacacia L. ta’ mhux aktar minn seba’ snin u b’dijametru massimu ta’ 25 cm, li joriġinaw mit-Turkija”.


    ANNESS II

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    l-entrati li ġejjin jiddaħħlu wara l-entrata “il-biċċiet mingħajr għeruq ta’ pjanti għat-tħawwil tal-Jasminum polyanthum Franchet”

    Pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra

    Kodiċi NM

    Pajjiżi terzi tal-oriġini

    Miżuri

    “Pjanti għat-tħawwil ta’ Juglans regia L, ta’ mhux aktar minn sentejn bl-għeruq mikxufin, mingħajr weraq u b’dijametru massimu ta’ 2 cm fil-bażi taz-zokk.

    ex 0602 20 20

    It-Turkija

    (a)

    Dikjarazzjoni uffiċjali li:

    (i)

    il-pjanti huma ħielsa minn Euzophera semifuneralis, Garella musculana u Lasiodiplodia pseudotheobromae;

    (ii)

    waqt spezzjonijiet uffiċjali li saru fiż-żminijiet xierqa, mill-bidu taċ-ċiklu sħiħ tal-produzzjoni, is-sit tal-produzzjoni nstab li hu ħieles mill-Euzophera semifuneralis mill-Garella musculana u mil-Lasiodiplodia pseudotheobromae;

    (iii)

    twaqqfet sistema biex tiżgura li, qabel ma jiddaħħlu f’kull sit tal-produzzjoni, l-għodod tat-tilqim u taż-żbir ikunu ġew diżinfettati biex jinħelsu mil-Lasiodiplodia pseudotheobromae u li l-pjanti mlaqqma jew miżbura jkun sarilhom trattament xieraq biex jiġi evitat id-dħul tal-Lasiodiplodia pseudotheobromae permezz tal-qatgħat; u

    (iv)

    immedjatament qabel l-esportazzjoni, il-konsenji tal-pjanti saritilhom spezzjoni uffiċjali għall-preżenza tal-Euzophera semifuneralis u tal-Garella musculana, b’mod partikolari fiz-zkuk u fil-friegħi tal-pjanti, b’tali daqs tal-kampjun li jkun jippermetti s-sejbien ta’ mill-inqas livell ta’ infestazzjoni ta’ 1 % b’livell ta’ kunfidenza ta’ 99 %, u spezzjoni uffiċjali għall-preżenza tal-Lasiodiplodia pseudotheobromae, inkluż kampjunar u ttestjar aleatorju tal-pjanti;

    (b)

    Taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali”, iċ-ċertifikati fitosanitarji għal dawk il-pjanti jinkludu:

    (i)

    id-dikjarazzjoni li ġejja: “Il-konsenja tikkonforma mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213;

    (ii)

    l-ispeċifikazzjoni tas-siti tal-produzzjoni rreġistrati.”

    “Pjanti għat-tħawwil ta’Nerium oleander L., ta’ mhux aktar minn erba’ snin.

    ex 0602 90 45

    ex 0602 90 46

    ex 0602 90 47

    ex 0602 90 70

    ex 0602 90 91

    It-Turkija

    (a)

    Dikjarazzjoni uffiċjali li:

    (i)

    il-pjanti huma ħielsa mill-Phenacoccus solenopsis;

    (ii)

    waqt spezzjonijiet uffiċjali li saru fi żminijiet xierqa, mill-bidu taċ-ċiklu tal-produzzjoni tal-pjanti, is-sit tal-produzzjoni nstab li hu ħieles mill-Phenacoccus solenopsis; u

    (iii)

    immedjatament qabel l-esportazzjoni, il-konsenji tal-pjanti saritilhom spezzjoni uffiċjali għall-preżenza tal-Phenacoccus solenopsis, b’tali daqs tal-kampjun li jkun jippermetti s-sejbien ta’ mill-inqas livell ta’ infestazzjoni ta’ 1 % b’livell ta’ kunfidenza ta’ 99 %;

    (b)

    taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali”, iċ-ċertifikati fitosanitarji għal dawk il-pjanti għandhom jinkludu:

    (i)

    id-dikjarazzjoni li ġejja: “Il-konsenja tikkonforma mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213”;

    (ii)

    l-ispeċifikazzjoni tas-siti tal-produzzjoni rreġistrati”

    (2)

    din l-entrata li ġejja tiżdied wara “Robinia pseudoacacia, bl-għeruq mikxufa, inattivi, pjanti mlaqqma għat-tħawwil b’dijametru massimu ta’ 2,5 cm”

    Pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra

    Kodiċi NM

    Pajjiżi terzi tal-oriġini

    Miżuri

    “Pjanti għat-tħawwil ta’ Robinia pseudoacacia L. ta’ mhux aktar minn seba’ snin u b’dijametru massimu ta’ 25 cm.

    ex 0602 90 41

    ex 0602 90 45

    ex 0602 90 46

    ex 0602 90 48

    It-Turkija

    (a)

    Dikjarazzjoni uffiċjali li:

    (i)

    il-pjanti huma ħielsa mill-Pochazia shantungensis;

    (ii)

    waqt spezzjonijiet uffiċjali li saru fi żminijiet xierqa, mill-bidu taċ-ċiklu tal-produzzjoni tal-pjanti, is-sit tal-produzzjoni nstab li hu ħieles mill-Pochazia shantungensis; u

    (iii)

    immedjatament qabel l-esportazzjoni, il-konsenji tal-pjanti saritilhom spezzjoni uffiċjali għall-preżenza tal-Pochazia shantungensis, b’tali daqs tal-kampjun li jkun jippermetti s-sejbien ta’ mill-inqas livell ta’ infestazzjoni ta’ 1 % b’livell ta’ kunfidenza ta’ 99 % għal kull pest;

    (b)

    Taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali”, iċ-ċertifikati fitosanitarji għal dawk il-pjanti għandhom jinkludu:

    (i)

    id-dikjarazzjoni li ġejja: “Il-konsenja tikkonforma mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213”;

    (ii)

    l-ispeċifikazzjoni tas-siti tal-produzzjoni rreġistrati.”


    Top