Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1866

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1866 tat-3 ta’ Lulju 2019 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/653 biex jiġi allinjat l-arranġament tranżitorju għall-manifatturi tal-PRIIP li joffru unitajiet ta’ fondi msemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bħala għażliet ta’ investiment sottostanti mal-perjodu ta’ eżenzjoni estiż skont dak l-Artikolu (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2019/4912

    ĠU L 289, 8.11.2019, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/1866/oj

    8.11.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 289/4


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1866

    tat-3 ta’ Lulju 2019

    li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/653 biex jiġi allinjat l-arranġament tranżitorju għall-manifatturi tal-PRIIP li joffru unitajiet ta’ fondi msemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bħala għażliet ta’ investiment sottostanti mal-perjodu ta’ eżenzjoni estiż skont dak l-Artikolu

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014, il-kumpaniji maniġerjali kif definiti fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-kumpaniji ta’ investiment kif imsemmija fl-Artikolu 27 tagħha u l-persuni li jagħtu pariri dwar, jew ibigħu, l-unitajiet tal-UCITS kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) huma eżentati mill-obbligi skont dak ir-Regolament sal-31 ta’ Diċembru 2019. Meta Stat Membru japplika r-regoli dwar il-format u l-kontenut tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija, kif stabbilit fl-Artikoli minn 78 sa 81 tad-Direttiva 2009/65/KE, għall-fondi mhux UCITS offruti lill-investituri fil-livell ta’ konsumatur, l-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tapplika għal kumpaniji amministrattivi, il-kumpaniji tal-investiment u l-persuni li jagħtu parir dwar l-unitajiet ta’ fondi bħal dawn lill-investituri fil-livell tal-konsumatur jew li jbigħuhom. Biex jiġu pprovduti dawn il-fondi b’reġim legali tranżizzjonali konsistenti, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 18 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/653 (3) jippermetti lill-manifatturi ta’ prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (“il-manifatturi tal-PRIIP”) biex ikomplu jużaw dawn id-dokumenti mfassla skont dawn l-Artikoli sal-31 ta’ Diċembru 2019, fejn mill-inqas waħda mill-għażliet ta’ investiment sottostanti hija UCITS jew fond li mhuwiex tal-UCITS.

    (2)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 ġie emendat biex jestendi l-arranġamenti tranżitorji msemmija fl-Artikolu 32 tiegħu sal-31 ta’ Diċembru 2021 (4). Biex il-manifatturi tal-PRIIP ikunu jistgħu jiddeterminaw l-obbligi tagħhom b’ċertezza, id-data stabbilita fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 18 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/653 jenħtieġ li tinbidel skont dan.

    (3)

    Ir-Regolament ta’ Delega (UE) 2017/653 jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat skont dan.

    (4)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomessi lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej”).

    (5)

    L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ma wettqux konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, u lanqas ma analizzaw l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati, billi valutazzjoni tal-impatt diġà ġiet prodotta għal standards tekniċi regolatorji stipulati fir-Regolament Delegat (UE) 2017/653. Dan ir-Regolament la jibdel is-sustanza tar-Regolament Delegat (UE) 2017/653 u lanqas joħloq obbligi ġodda għall-manifatturi tal-PRIIPs jew il-persuni li jagħtu pariri dwar il-PRIIPs jew ibigħuhom, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014. L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej talbu l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), il-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassikurazzjoni stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 18 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/653, it-tielet paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “L-Artikolu 14(2) għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2021.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Lulju 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1.

    (2)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi tal-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (riformulazzjoni) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/653 tat-8 ta’ Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) billi jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji dwar il-preżentazzjoni, il-kontenut, ir-rieżami u r-reviżjoni tad-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija u l-kundizzjonijiet biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li jiġu pprovduti dawn id-dokumenti (ĠU L 100, 12.4.2017, p. 1.)

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2019/1156 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar l-iffaċilitar tad-distribuzzjoni transfruntiera ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 345/2013, (UE) Nru 346/2013 u (UE) Nru 1286/2014 (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 55).

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

    (6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

    (7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


    Top