EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1134

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1134 tal-1 ta' Lulju 2019 li temenda d-Deċiżjoni 2009/300/KE u d-Deċiżjoni (UE) 2015/2099 fir-rigward tal-perjodu ta' validità tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE lil ċerti prodotti, u tar-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom (notifikata bid-dokument C(2019) 4626) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2019/4626

ĠU L 179, 3.7.2019, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1134/oj

3.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/25


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1134

tal-1 ta' Lulju 2019

li temenda d-Deċiżjoni 2009/300/KE u d-Deċiżjoni (UE) 2015/2099 fir-rigward tal-perjodu ta' validità tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE lil ċerti prodotti, u tar-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom

(notifikata bid-dokument C(2019) 4626)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-validità tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għat-televiżjonijiet, u tar-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom, stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/300/KE (2), tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2019.

(2)

Il-validità tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-materjal tat-tkabbir, għas-sustanzi li jtejbu l-ħamrija u għall-ħuxlief, u tar-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom, stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2099 (3), tiskadi fit-18 ta' Novembru 2019.

(3)

Il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għat-televiżjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni 2009/300/KE jirreferu, fir-rigward tal-iffrankar tal-enerġija, għar-rekwiżiti tat-tikkettar enerġetiku u tal-ekodisinn għat-televiżjonijiet stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2009 (4) u fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2010 (5) li t-tnejn li huma attwalment qegħdin jiġu rieżaminati fid-dawl tal-progress teknoloġiku.

(4)

F'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kontroll tal-Idoneità tal-Ekotikketta tal-UE (REFIT) tat-30 ta' Ġunju 2017 (6), il-Kummissjoni, flimkien mal-Bord tal-Ekotikkettar tal-UE, kienet qed tivvaluta r-rilevanza ta' kull grupp ta' prodotti qabel ma tipproponi l-estensjoni assoċjata miegħu, filwaqt li tissuġġerixxi soluzzjonijiet biex jittejbu s-sinerġiji bejn il-gruppi ta' prodotti u biex jiżdied l-użu tal-Ekotikketta tal-UE, kif ukoll biex jiġi żgurat li, matul il-proċess ta' reviżjoni, tingħata attenzjoni xierqa lill-koerenza bejn il-politiki rilevanti tal-UE, il-leġiżlazzjoni u l-evidenza xjentifika. Saru wkoll konsultazzjonijiet addizzjonali mal-partijiet ikkonċernati pubbliċi.

(5)

Għad-Deċiżjoni (UE) 2015/2099, din il-valutazzjoni kkonfermat ir-rilevanza u l-adegwatezza tal-kriterji ekoloġiċi attwali u tar-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati.

(6)

Għad-Deċiżjoni 2009/300/KE, jenħtieġ li din il-valutazzjoni tirrifletti iktar fuq ir-rilevanza u l-adegwatezza tal-kriterji, sakemm jiġu adottati r-rekwiżiti l-ġodda tat-tikkettar enerġetiku u tal-ekodisinn għat-televiżjonijiet, inkluż il-proposti għal rekwiżiti addizzjonali li jappoġġaw id-Direttiva dwar l-Iskart tat-Tagħmir Elettriku u Elettroniku u l-objettivi usa' tal-ekonomija ċirkolari.

(7)

F'dawk iċ-ċirkostanzi, sabiex jitħalla biżżejjed żmien għall-finalizzazzjoni tal-valutazzjoni u tar-reviżjoni potenzjali jew it-tneħħija tal-kriterji ekoloġiċi attwali għat-televiżjonijiet, jenħtieġ li l-perjodu ta' validità tal-kriterji eżistenti għat-televixins u r-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati jiġi estiż sal-31 ta' Diċembru 2020.

(8)

Sabiex tingħata stabbiltà lis-suq, jiżdied l-użu tal-Ekotikketta tal-UE u d-detenturi attwali ta' liċenzja jitħallew igawdu l-benefiċċji tal-Ekotikketta tal-UE mill-prodotti tagħhom li ngħatatilhom din it-tikketta, jenħtieġ li l-perjodu ta' validità tal-kriterji attwali għall-materjal tat-tkabbir, għas-sustanzi li jtejbu l-ħamrija u għall-ħuxlief, u tar-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati miegħu, jiġi estiż sat-30 ta' Ġunju 2022.

(9)

Għalhekk huwa xieraq li jiġi estiż il-perjodu ta' validità tal-kriterji ekoloġiċi għall-gruppi ta' prodotti “televiżjonijiet” u “materjal tat-tkabbir, sustanzi li jtejbu l-ħamrija u ħuxlief”, u tar-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati.

(10)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2009/300/KE u d-Deċiżjoni (UE) 2015/2099 jiġu emendati skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2009/300/KE huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 3

Il-kriterji ekoloġiċi għall-grupp ta' prodotti “televiżjonijiet”, u r-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati, għandhom jibqgħu validi sal-31 ta' Diċembru 2020.”.

Artikolu 2

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/2099 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 4

Il-kriterji ekoloġiċi għall-grupp ta' prodotti “materjal tat-tkabbir, sustanzi li jtejbu l-ħamrija u ħuxlief”, u r-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom, għandhom jibqgħu validi sat-30 ta' Ġunju 2022.”.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/300/KE tat-12 ta' Marzu 2009 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi riveduti għall-għotja tal-Ekotikketta Komunitarja lit-televiżjonijiet (ĠU L 82, 28.3.2009, p. 3).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2099 tat-18 ta' Novembru 2015 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi biex tingħata l-Ekotikketta tal-UE għall-materjal tat-tkabbir, is-sustanzi li jtejbu l-ħamrija u l-ħuxlief (ĠU L 303, 20.11.2015, p. 75).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2009 tat-22 ta' Lulju 2009 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għat-televixins (ĠU L 191, 23.7.2009, p. 42).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2010 tat-28 ta' Settembru 2010 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku għat-televixins, (ĠU L 314, 30.11.2010, p. 64).

(6)  Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rieżami tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) u tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE.


Top