EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0598

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/598 tad-9 ta' April 2019 dwar ir-regoli tranżizzjonali għall-ħatra tal-Prosekuturi Ewropej għall-ewwel perijodu ta' mandat u matulu, previsti fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) 2017/1939

ST/7267/2019/INIT

ĠU L 103, 12.4.2019, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/598/oj

12.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 103/29


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/598

tad-9 ta' April 2019

dwar ir-regoli tranżizzjonali għall-ħatra tal-Prosekuturi Ewropej għall-ewwel perijodu ta' mandat u matulu, previsti fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) 2017/1939

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 16(4) tiegħu,

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939, il-Prosekuturi Ewropej iridu jinħatru mill-Kunsill għal mandat mhux rinnovabbli ta' sitt snin, li jista' jiġi estiż għal massimu ta' tliet snin fi tmiem il-perijodu ta' sitt snin.

(2)

F'konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) 2017/1939, kull tliet snin irid ikun hemm sostituzzjoni parzjali ta' terz tal-Prosekuturi Ewropej. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, irid jadotta regoli tranżizzjonali għall-ħatra ta' Prosekuturi Ewropej għall-ewwel perijodu tal-mandat u matulu.

(3)

Dawk ir-regoli tranżizzjonali jenħtieġ li jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tal-prinċipju ta' sostituzzjoni perjodika tal-Prosekuturi Ewropej maħtura għall-ewwel darba fuq l-UPPE, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kontinwità tal-ħidma tal-Kulleġġ ta' Prosekuturi Ewropej. Fl-istess ħin, jenħtieġ li jitqiesu l-bżonnijiet speċjali tal-UPPE fl-ewwel snin wara l-istabbiliment tiegħu u fil-bidu tal-operazzjonijiet.

(4)

Għal dawk il-finijiet, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi dwar it-tul ta' żmien ta' kariga tal-Prosekuturi Ewropej maħtura għall-ewwel darba wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2017/1939.

(5)

Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza sħiħa u l-imparzjalità fid-determinazzjoni ta' dawk il-Prosekuturi Ewropej matul l-ewwel perijodu ta' mandat li l-kariga tagħhom ser tkun ta' tliet snin minflok ta' sitt snin, jenħtieġ li tiġi segwita sistema bbażata fuq it-tlugħ bil-polza. Din is-sistema tiżgura wkoll li l-għażla tal-Prosekuturi Ewropej li l-mandat tagħhom ser ikun iqsar ikun newtrali f'termini ġeografiċi.

(6)

Fil-15 ta' Jannar 2019, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill dwar regoli tranżizzjonali għall-ħatra tal-Prosekuturi Ewropej għall-ewwel perijodu tal-mandat u matulu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli tranżizzjonali għall-ħatra tal-Prosekuturi Ewropej għall-ewwel perijodu tal-mandat u matulu wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2017/1939.

Artikolu 2

1.   Qabel il-ħatra tal-Prosekuturi Ewropej, grupp li jinkludi terz min-numru tal-Istati Membri parteċipanti fil-mument tal-applikazzjoni ta' dawk ir-regoli tranżizzjonali għandhom ikunu determinati bit-tlugħ tal-polza.

2.   Jekk in-numru ta' Stati Membri parteċipanti fil-mument tal-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli tranżizzjonali ma jkunx diviżibbli bi tlieta, in-numru ta' Stati Membri li jrid jiġu inkluż fil-grupp għandu jkun aġġustat 'il fuq lejn l-eqreb u l-ogħla numru sħiħ.

3.   Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jimplimenta l-proċedura ta' tlugħ bil-polza, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni.

Artikolu 3

Il-mandat tal-Prosekuturi Ewropej mill-Istati Membri inklużi fil-grupp stabbilit f'konformità mal-Artikolu 2 għandu jkun ta' tliet snin. Dan il-mandat ma għandux jiġġedded.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta' April 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1.


Top