Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0177

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/177 tal-31 ta' Jannar 2017 dwar il-konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-proposta konġunta biex jiġi stabbilit il-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija “Amber” (notifikata bid-dokument C(2017) 141)

    C/2017/0141

    ĠU L 28, 2.2.2017, p. 69–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/177/oj

    2.2.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 28/69


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/177

    tal-31 ta' Jannar 2017

    dwar il-konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-proposta konġunta biex jiġi stabbilit il-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija “Amber”

    (notifikata bid-dokument C(2017) 141)

    (It-test bl-Ungeriż, bil-Pollakk, bis-Slovakk u bis-Sloven biss huwa awtentiku)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta' merkanzija kompetittiv (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, il-ministeri responsabbli għat-trasport ferrovjarju fl-Ungerija, fir-Repubblika tal-Polonja, fir-Repubblika Slovakka u fir-Repubblika tas-Slovenja bagħtu ittra ta' intenzjoni lill-Kummissjoni li waslet fis-7 ta' April 2016. L-ittra kien fiha proposta biex jiġi stabbilit il-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija “Amber” fuq it-territorju ta' dawk l-erba' Stati Membri.

    (2)

    Il-Kummissjoni eżaminat din il-proposta skont l-Artikolu 5(6) tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, u tqisha konformi mal-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament għar-raġunijiet stabbiliti hawn taħt.

    (3)

    Il-kriterji mniżżlin fl-Artikolu 4 tar-Regolament ġew ikkunsidrati fil-proposta. Il-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija propost li jaqsam it-territorju ta' aktar minn tliet Stati Membri, jiffaċilita l-konnessjonijiet marittimi bejn il-portijiet tal-Adrijatiku fir-Repubblika tas-Slovenja, il-portijiet tal-passaġġi tal-ilma interni fuq id-Danubju fl-Ungerija u fir-Repubblika Slovakka. Itejjeb ukoll il-konnessjonijiet mat-terminali ferrovjarji intermodali ewlenin fl-Istati Membri involuti u jipprovdi rotta diretta għall-merkanzija lejn il-lvant tal-Alpi. Jista' wkoll irawwem l-iżvilupp tat-traffiku ferrovjarju mas-Serbja u potenzjalment itejjeb it-traffiku ferrovjarju lil hin mill-fruntiera tal-Lvant tal-UE u fuq il-pont kontinentali bejn l-Ewropa u l-Asja.

    (4)

    Barra minn hekk, ir-riżultati tal-istudji tas-suq li jappoġġjaw il-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija “Amber” juru li hemm domanda tat-traffiku tul ir-rotta proposta, inkluż it-traffiku intern bejn il-portijiet permezz tal-Punent tal-Ungerija minn u lejn il-port marittimu ta' Koper u t-traffiku bejn ir-reġjunijiet tal-Lvant tal-Polonja, tas-Slovakkja u tal-Ungerija. L-istudji juru l-potenzjal għal bidla modali u għal żieda fit-traffiku tul il-kuritur.

    (5)

    Il-maniġers tal-infrastruttura kkonċernati esprimew l-appoġġ sħiħ tagħhom għal dan il-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija l-ġdid u, skont l-ittra ta' intenzjoni, l-applikanti potenzjali esprimew l-interess tagħhom li jużaw dan il-kuritur.

    (6)

    Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-ittra ta' intenzjoni li waslet nhar is-7 ta' April 2016 rigward it-twaqqif tal-kuritur tat-trasport tal-merkanzija “Amber”, mibgħuta lill-Kummissjoni mill-ministeri responsabbli għat-trasport ferrovjarju fl-Ungerija, fir-Repubblika tal-Polonja, fir-Repubblika Slovakka u fir-Repubblika tas-Slovenja, u li tipproponi r-rotta Koper — Ljubljana –/Zalaszentivan — Sopron/Csorna –/(il-fruntiera bejn l-Ungerija u s-Serbja) — Kelebia — Budapest –/– Komárom — Leopoldov/Rajka — Bratislava — Žilina — Katowice/Kraków — Warszawa/Łuków — Terespol — (il-fruntiera bejn il-Polonja u l-Belarus) bħala r-rotta prinċipali tal-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija “Amber” hija konformi mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Slovakka u lir-Repubblika tas-Slovenja.

    Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Jannar 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Violeta BULC

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 276, 20.10.2010, p. 22.


    Top