EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1929

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1929 tal-4 ta' Novembru 2016 li japprova l-Bacillus thuringiensis sottospeċi kurstaki, serotip 3a3b, tar-razza ABTS-351 bħala sustanza attiva għall-użu fi prodotti bijoċidali għat-tip ta' prodott 18 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE )

C/2016/6937

ĠU L 299, 5.11.2016, p. 26–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/1929/oj

5.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 299/26


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1929

tal-4 ta' Novembru 2016

li japprova l-Bacillus thuringiensis sottospeċi kurstaki, serotip 3a3b, tar-razza ABTS-351 bħala sustanza attiva għall-użu fi prodotti bijoċidali għat-tip ta' prodott 18

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 90(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-30 ta' Jannar 2013, Franza irċeviet applikazzjoni, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), għall-inklużjoni tas-sustanza attiva Bacillus thuringiensis sottospeċi kurstaki, serotip 3a3b, tar-razza ABTS-351, fl-Anness I ta' dik id-Direttiva għall-użu fi prodotti tat-tip ta' prodott 18, insettiċidi, akariċidi, u prodotti sabiex jikkontrollaw antropodi oħra, kif iddefinit fl-Anness V ta' dik id-Direttiva, li jikkorrispondi għat-tip ta' prodott 18, kif iddefinit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(2)

Fid-29 ta' Mejju 2015, f'konformità mal-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, Franza ressqet rapport ta' valutazzjoni, flimkien mar-rakkomandazzjonijiet tagħha.

(3)

L-opinjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ġiet ifformulata fis-16 ta' Frar 2016 mill-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni.

(4)

Skont dik l-opinjoni, il-prodotti bijoċidali tal-kategorija tat-tip ta' prodott 18 u li fihom Bacillus thuringiensis sottospeċi kurstaki, serotip 3a3b, tar-razza ABTS-351, jistgħu jkunu mistennija li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, dment li jkun hemm konformità ma' ċerti speċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu tagħhom.

(5)

Għalhekk, huwa xieraq li s-sustanza Bacillus thuringiensis sottospeċi kurstaki, serotip 3a3b, tar-razza ABTS-351 tiġi approvata għall-użu fi prodotti bijoċidali għat-tip ta' prodott 18, soġġett għall-konformità ma' ċerti speċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Bacillus thuringiensis sottospeċi kurstaki, serotip 3a3b, tar-razza ABTS-351 hija approvata bħala sustanza attiva għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip ta' prodott 18, soġġett għall-ispeċifikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Novembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1).


ANNESS

Isem Komuni

Isem tal-IUPAC

Numri tal-Identifikazzjoni

Grad minimu ta' purità tas-sustanza attiva (1)

Data ta' approvazzjoni

Data tal-iskadenza tal-approvazzjoni

Tip ta' prodott

Kundizzjonijiet speċifiċi

Bacillus thuringiensis sottospeċi kurstaki serotip 3A3b, tar-razza ABTS-351

Mhux applikabbli

L-ebda impurità rilevanti

fl-1 ta' Marzu 2017.

fit-28 ta' Frar 2027.

18

L-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti bijoċidali huma soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

1.

Fil-valutazzjoni tal-prodott għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-esponimenti, ir-riskji u l-effikaċja marbuta ma' kull użu kopert mill-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, iżda li mhuwiex indirizzat fil-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni tas-sustanza attiva.

2.

Fid-dawl tar-riskji identifikati għall-użu vvalutati, fil-valutazzjoni tal-prodott għandha tingħata attenzjoni partikolari lil:

(a)

utenti professjonali;

(b)

popolazzjoni ġenerali esposta għal titjir tal-isprej;

(c)

kompartimenti tal-ħamrija meta l-prodott jiġi applikat qabel preċipitazzjoni tax-xita.


(1)  Il-purità indikata f'din il-kolonna kienet il-grad minimu ta' purità tas-sustanza attiva evalwata skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Is-sustanza attiva fil-prodott imqiegħed fis-suq tista' tkun ta' purezza ugwali jew differenti, jekk tkun ġiet ippruvata teknikament ekwivalenti għas-sustanza attiva evalwata.


Top