EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1788

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1788 tal-1 ta' Ottubru 2015 li tikkonċerna t-tiġdid tal-Ftehim għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja

ĠU L 260, 7.10.2015, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1788/oj

7.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 260/18


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1788

tal-1 ta' Ottubru 2015

li tikkonċerna t-tiġdid tal-Ftehim għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 186 flimkien mal-punt (v) tal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni 2002/648/KE (2), il-Kunsill approva l-konklużjoni tal-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja (3) (“il-Ftehim”).

(2)

Il-punt (b) tal-Artikolu 11 tal-Ftehim jistipula li l-Ftehim ġie konkluż għal perjodu ta' ħames snin u jista' jiġġedded bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet. Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/501/KE (4), il-Ftehim iġġedded għal perjodu ulterjuri ta' ħames snin u wasal biex jiskadi fis-17 ta' Mejju 2015.

(3)

Il-Partijiet għall-Ftehim jikkunsidraw li t-tiġdid rapidu tal-Ftehim ikun fl-interess reċiproku tagħhom.

(4)

Jeħtieġ li l-kontenut tal-Ftehim imġedded ikun identiku għall-kontenut tal-Ftehim.

(5)

B'konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea ssostitwixxiet u ssuċċediet lill-Komunità Ewropea.

(6)

It-tiġdid tal-Ftehim għandu jiġi approvat f'isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-tiġdid tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Indja, għal perjodu addizzjonali ta' ħames snin, huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika lill-Gvern tar-Repubblika tal-Indja li l-Unjoni temmet il-proċeduri interni tagħha meħtieġa sabiex jiġġedded il-Ftehim skont il-punt (b) tal-Artikolu 11 tal-Ftehim.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika li ġejja lill-Gvern tar-Repubblika tal-Indja:

“Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea ssostitwixxiet u ssuċċediet lill-Komunità Ewropea, u minn dik id-data teżerċita d-drittijiet kollha u tassumi l-obbligi kollha tal-Komunità Ewropea. Għalhekk, ir-referenzi għal ‘il-Komunità Ewropea’ fit-test tal-Ftehim għandhom, fejn xieraq, jinqraw bħala ‘l-Unjoni Ewropea’.”

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-1 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SCHNEIDER


(1)  Għadu mhuwiex ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/648/KE tat-25 ta' Ġunju 2002 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja (ĠU L 213, 9.8.2002, p. 29).

(3)  Ftehim dwar il-koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja (ĠU L 213, 9.8.2002, p. 30).

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/501/KE tad-19 ta' Jannar 2009 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim li jġedded il-Ftehim għall-koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja (ĠU L 171, 1.7.2009, p. 17).


Top