Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0800

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/800 tal-21 ta' Mejju 2015 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2013/233/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya)

    ĠU L 127, 22.5.2015, p. 22–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/800/oj

    22.5.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 127/22


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/800

    tal-21 ta' Mejju 2015

    li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2013/233/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-22 ta' Mejju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/233/PESK (1) li tistabbilixxi l-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya). Id-Deċiżjoni 2013/233/PESK tiskadi fil-21 ta' Mejju 2015.

    (2)

    Fl-20 ta' Mejju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/294/PESK (2) li temenda d-Deċiżjoni 2013/233/PESK u li tipprevedi ammont ta' referenza finanzjarja għall-perijodu sal-21 ta' Mejju 2015.

    (3)

    Konsegwentement għas-sitwazzjoni fir-rigward tas-sigurtà u tal-politika fil-Libja, il-persunal tal-EUBAM Libya ġew rilokati u ridotti fin-numru fl-aħħar tal-2014 għal kapaċità limitata, b'kontinwazzjoni ta' riduzzjoni oħra fl-2015. Konsegwentement għar-reviżjoni strateġika tal-EUBAM Libya, il-Kumitat ta' Politika u Sigurtà (KPS) iddeċieda li l-istatus trattenut tal-Missjoni għandu jinżamm u li l-Missjoni għandha tiġi estiża għal perijodu ulterjuri ta' sitt xhur, sal-21 ta' Novembru 2015.

    (4)

    Id-Deċiżjoni 2013/233/PESK għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ.

    (5)

    L-EUBAM Libya ser titmexxa fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' tostakola l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2013/233/PESK hija emendata kif ġej:

    (1)

    jitħassar il-paragrafu 4 mill-Artikolu 4.

    (2)

    l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1a.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun ir-rappreżentant tal-EUBAM Libya fil-qasam ta' responsabbiltà tagħha. Il-Kap tal-Missjoni jista' jiddelega kompiti ta' ġestjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-persunal u dawk finanzjarji lil membri tal-persunal tal-EUBAM Libya taħt ir-responsabbiltà ġenerali tiegħu.”

    ;

    (b)

    jitħassru l-paragrafi 4 u 8;

    (3)

    fl-Artikolu 7, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “5.   Il-kondizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti li għandhom jiġu konklużi bejn l-EUBAM Libya u l-membru tal-persunal ikkonċernat.”

    ;

    (4)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 12a

    Arranġamenti legali

    EUBAM Libya għandu jkollha l-kapaċità li takkwista servizzi u provvisti, tidħol f'kuntratti u arranġamenti amministrattivi, timpjega persunal, ikollha kontijiet bankarji, takkwista u tiddisponi minn assi u twettaq l-obbligi tagħha, u li tkun parti fi proċeduri legali, kif meħtieġ sabiex timplimenta din id-Deċiżjoni.”

    ;

    (5)

    l-Artikolu 13 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 13

    Arranġamenti finanzjarji

    1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUBAM Libya għall-perijodu mit-22 ta' Mejju 2013 sal-21 ta' Mejju 2014 għandu jkun ta' EUR 30 300 000.

    L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUBAM Libya għall-perijodu mit-22 ta' Mejju 2014 sal-21 ta' Novembru 2015 għandu jkun ta' EUR 26 200 000.

    2.   In-nefqa kollha għandha tiġi amministrata f'konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist mill-EUBAM Libya għandha tkun miftuħa mingħajr limitazzjonijiet. Minbarra dan, m'għandha tapplika l-ebda regola ta' oriġini għall-prodotti mixtrija mill-EUBAM Libya. Soġġett għal approvazzjoni tal-Kummissjoni, il-Missjoni tista' tikkonkludi arranġamenti tekniċi ma' Stati Membri, l-Istat ospitanti, Stati terzi parteċipanti u atturi internazzjonali oħra fir-rigward tal-provvista ta' tagħmir, servizzi u siti lill-EUBAM Libya.

    3.   L-EUBAM Libya għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni. Għal dak il-għan, l-EUBAM Libya għandha tiffirma ftehim mal-Kummissjoni.

    4.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar l-istatus tal-EUBAM Libya u l-persunal tagħha, l-EUBAM Libya għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe pretensjoni u obbligu li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-mandat, b'bidu mill-22 ta' Mejju 2015, bl-eċċezzjoni ta' kwalunkwe pretensjoni relatata ma' kondotta ħażina serja mill-Kap tal-Missjoni, li għaliha l-Kap tal-Missjoni għandu jġorr ir-responsabbiltà.

    5.   L-implimentazzjoni tal-arranġamenti finanzjarji għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand kif previst fl-Artikoli 4, 5 u 6 u r-rekwiżiti operazzjonali tal-EUBAM Libya, inklużi l-kompatibbiltà tat-tagħmir u l-interoperabbiltà tat-timijiet tagħha.

    6.   In-nefqa għandha tkun eliġibbli mid-data tal-iffirmar tal-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3.”

    ;

    (6)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 13a

    Ċellula ta' Proġetti

    1.   L-EUBAM Libya għandu jkollha Ċellula ta' Proġetti għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti li huma konsistenti mal-objettivi tal-Missjoni u tikkontribwixxi għat-twettiq tal-mandat. L-EUBAM Libya għandha, kif meħtieġ, tiffaċilita u tagħti pariri dwar proġetti, implimentati mill-Istati Membri u minn Stati terzi, taħt ir-responsabbiltà tagħhom f'oqsma relatati mal-EUBAM Libya u b'appoġġ għall-għanijiet tagħha.

    2.   Soġġett għall-paragrafu 3, l-EUBAM Libya għandha tkun awtorizzata li tuża l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri jew Stati terzi għall-implimentazzjoni ta' proġetti identifikati li jissupplimentaw b'mod konsistenti azzjonijiet oħra tal-EUBAM Libya, jekk il-proġetti jkunu:

    previsti fid-dikjarazzjoni finanzjarja relatata ma' din id-Deċiżjoni; jew

    integrati matul il-mandat permezz ta' emenda fid-dikjarazzjoni finanzjarja fuq talba tal-Kap tal-Missjoni.

    L-EUBAM Libya għandha tikkonkludi arranġament ma' dawk l-Istati, li jkopri b'mod partikolari l-proċeduri speċifiċi għat-trattament ta' kwalunkwe ilment minn partijiet terzi dwar ħsara kkawżata minħabba atti jew ommissjonijiet mill-EUBAM Libya fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati. L-Istati li jikkontribwixxu ma jistgħu fl-ebda ċirkostanza jżommu lill-Unjoni jew lir-RGħ responsabbli għal atti jew ommissjonijiet mill-EUBAM Libya fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati.

    3.   Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati terzi għaċ-Ċellula ta' Proġetti għandhom ikunu soġġetti għall-aċċettazzjoni mill-KPS.”

    ;

    (7)

    fl-Artikolu 16, it-tieni paragrafu huwa mibdul b'dan li ġej:

    “Hija għandha tapplika sal-21 ta' Novembru 2015.”

    .

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Hija għandha tapplika mit-22 ta' Mejju 2015.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Mejju 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. RINKĒVIČS


    (1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat-22 ta' Mejju 2013 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya) (ĠU L 138, 24.5.2013, p. 15).

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/294/PESK tal-20 ta' Mejju 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2013/233/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya) (ĠU L 151, 21.5.2014, p. 24).


    Top