Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0568

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 568/2014 tat- 18 ta' Frar 2014 li jemenda l-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-valutazzjoni u l-verifika tal-kostanza tal-prestazzjoni tal-prodotti għall-kostruzzjoni

ĠU L 157, 27.5.2014, p. 76–79 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/568/oj

27.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 157/76


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 568/2014

tat-18 ta' Frar 2014

li jemenda l-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-valutazzjoni u l-verifika tal-kostanza tal-prestazzjoni tal-prodotti għall-kostruzzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 60(e) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, il-valutazzjoni u l-verifika tal-kostanza tal-prestazzjoni tal-prodotti għall-kostruzzjoni, f'dak li jikkonċerna l-karatteristiċi essenzjali tagħhom, għandhom jitwettqu f'konformità mas-sistemi stabbiliti fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 305/2011.

(2)

L-Anness V għandu jiġi adattat biex jirreaġixxi għall-progress teknoloġiku, biex jinkludi dispożizzjoni għall-każ speċifiku ta' prodotti li għalihom ikunu saru Valutazzjonijiet Tekniċi Ewropej, kif ukoll biex id-deskrizzjonijiet u t-termini li jintużaw fih ikunu aktar ċari, preċiżi u konsistenti, skont l-esperjenza prattika miksuba mill-applikazzjoni tal-Anness V.

(3)

Dan l-adattament jiffaċilita x-xogħol tal-manifatturi u l-korpi nnotifikati awtorizzati biex iwettqu l-kompiti ta' parti terza fil-proċess tal-valutazzjoni u l-verifika tal-kostanza tal-prestazzjoni tal-prodotti għall-kostruzzjoni, inaqqas il-piż amministrattiv u jagħmel l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 aktar ċara, u b'hekk ikollu impatt favorevoli fuq il-kompetittività tas-settur tal-kostruzzjoni kollu kemm hu.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 jimplika li l-manifattur għandu r-responsabbiltà li jiddetermina t-tip tal-prodott għal kull prodott li jixtieq iqiegħed fis-suq. Fl-istess kuntest, ir-raġunament wara r-Regolament (UE) Nru 305/2011 ma jimplikax l-eżistenza taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti, iżda l-korpi nnotifikati huma responsabbli biss għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-prodotti għall-kostruzzjoni, li l-kostanza tagħhom għandha mbagħad tiġi ċċertifikata. Dan it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-manifattur u l-korpi nnotifikati għandu jkun rifless aħjar fl-Anness V, mingħajr ma jbiddel ir-responsabbiltajiet ta' dawn l-atturi.

(5)

Billi mhuwiex possibbli li l-korpi nnotifikati jissorveljaw kostantament il-kontroll tal-produzzjoni tal-fabbrika u dan lanqas ma jitwettaq fil-prattika, minflok għandha ssir referenza għan-natura kontinwa tas-sorveljanza.

(6)

Għall-prodotti għall-kostruzzjoni mhux koperti jew mhux koperti kompletament minn standards armonizzati, jista' jkun hemm Valutazzjonijiet Tekniċi Ewropej (ETA) minn Korp tal-Valutazzjoni Teknika. Skont l-Artikolu 2(13) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, ETA bħal din diġà tinkludi valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-prodott in kwistjoni, f'dak li jikkonċerna l-karatteristiċi essenzjali tiegħu. Kontrolli addizzjonali sussegwenti tal-korrettezza ta' dan il-proċess ta' valutazzjoni ma jwasslu għall-ebda valur miżjud, iżda jiġġeneraw biss spejjeż mhux meħtieġa għall-manifatturi. L-intrapriżi diġà talbu biex isiru ETAs u huma jeħtieġu ċertezza legali fir-rigward tal-kompiti ta' parti terza li għandhom jitwettqu fil-proċess tal-valutazzjoni u l-verifika tal-kostanza tal-prestazzjoni ta' dawn il-prodotti għall-kostruzzjoni.

(7)

Sabiex jirriflettu aħjar il-prattika fil-preżent, l-ismijiet tat-tipi ta' korpi nnotifikati u d-deskrizzjoni tal-kompiti rispettivi tagħhom għandhom jiġu aġġustati.

(8)

Huwa meħtieġ adattament tekniku dwar it-terminu “assorbiment tal-ħsejjes” li hemm referenza għalih fit-Taqsima 3 tal-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 biex ikun hemm deskrizzjoni aktar preċiża tal-karatteristiċi essenzjali li għandhom jiġu evalwati, u aktar konsistenza mat-terminoloġija użata fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi armonizzati rilevanti.

(9)

Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għall-manifatturi, dawn għandu jkollhom id-dritt li jkomplu jużaw iċ-ċertifikati u dokumenti oħrajn li ngħataw mill-korpi nnotifikati f'konformità mal-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 305/2011 jiġi sostitwit bit-test fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Iċ-ċertifikati u dokumenti l-oħrajn li ngħataw mill-korpi nnotifikati f'konformità mal-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għandhom jitqiesu li jikkonformaw ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Frar 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5.


ANNESS

“ANNESS V

VALUTAZZJONI U VERIFIKA TAL-KOSTANZA TAL-PRESTAZZJONI

1.   SISTEMI TA' VALUTAZZJONI U VERIFIKA TAL-KOSTANZA TAL-PRESTAZZJONI

Il-manifattur għandu jħejji d-dikjarazzjoni tal-prestazzjoni u jiddetermina t-tip tal-prodott fuq il-bażi tal-valutazzjonijiet u tal-verifiki tal-kostanza tal-prestazzjoni mwettqa skont is-sistemi li ġejjin:

1.1.   Sistema 1+

(a)

Il-manifattur għandu jwettaq:

(i)

il-kontroll tal-produzzjoni fil-fabbrika;

(ii)

l-ittestjar ulterjuri ta' kampjuni meħudin fl-impjant tal-manifattura mill-manifattur f'konformità mal-pjan preskritt għall-ittestjar.

(b)

Il-korp għaċ-ċertifikazzjoni tal-prodott innotifikat għandu jiddeċiedi dwar l-għoti, ir-restrizzjoni, is-sospensjoni jew l-irtirar taċ-ċertifikat tal-kostanza tal-prestazzjoni tal-prodott għall-kostruzzjoni fuq il-bażi tar-riżultat tal-valutazzjonijiet u l-verifiki li ġejjin imwettqa minn dak il-korp:

(i)

valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-prodott għall-kostruzzjoni li twettqet fuq il-bażi tal-ittestjar tat-tip (inkluż il-kampjunar), il-kalkolu tat-tip, il-valuri tabulati jew id-dokumentazzjoni deskrittiva tal-prodott;

(ii)

l-ispezzjoni inizjali tal-impjant tal-manifattura u tal-kontroll tal-produzzjoni fil-fabbrika;

(iii)

is-sorveljanza, il-valutazzjoni u l-evalwazzjoni kontinwi tal-kontroll tal-produzzjoni fil-fabbrika;

(iv)

eżerċizzju tal-awditjar — l-ittestjar tal-kampjuni meħuda mill-korp għaċ-ċertifikazzjoni tal-prodott innotifikat fl-impjant tal-manifattura jew fil-faċilitajiet ta' ħażna tal-manifattur.

1.2.   Sistema 1

(a)

Il-manifattur għandu jwettaq:

(i)

il-kontroll tal-produzzjoni fil-fabbrika;

(ii)

l-ittestjar ulterjuri ta' kampjuni meħuda fl-impjant tal-manifattura mill-manifattur f'konformità mal-pjan preskritt għall-ittestjar;

(b)

Il-korp għaċ-ċertifikazzjoni tal-prodott innotifikat għandu jiddeċiedi dwar l-għoti, ir-restrizzjoni, is-sospensjoni jew l-irtirar taċ-ċertifikat ta' kostanza tal-prestazzjoni tal-prodott għall-kostruzzjoni fuq il-bażi tar-riżultat ta' dawn il-valutazzjonijiet u l-verifiki mwettqa minn dak il-korp:

(i)

valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-prodott għall-kostruzzjoni li twettqet fuq il-bażi tal-ittestjar tat-tip (inkluż il-kampjunar), il-kalkolu tat-tip, il-valuri tabulati jew id-dokumentazzjoni deskrittiva tal-prodott;

(ii)

l-ispezzjoni inizjali tal-impjant tal-manifattura u tal-kontroll tal-produzzjoni fil-fabbrika;

(iii)

is-sorveljanza, il-valutazzjoni u l-evalwazzjoni kontinwi tal-kontroll tal-produzzjoni fil-fabbrika.

1.3.   Sistema 2+

(a)

Il-manifattur għandu jwettaq:

(i)

valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-prodott għall-kostruzzjoni fuq il-bażi tal-ittestjar (inkluż il-kampjunar), il-kalkolu, il-valuri tabulati jew id-dokumentazzjoni deskrittiva ta' dak il-prodott;

(ii)

il-kontroll tal-produzzjoni fil-fabbrika;

(iii)

l-ittestjar ta' kampjuni meħudin fl-impjant tal-manifattura f'konformità mal-pjan preskritt għall-ittestjar;

(b)

Il-korp ta' ċertifikazzjoni tal-kontroll tal-produzzjoni fil-fabbrika nnotifikat għandu jiddeċiedi dwar il-ħruġ, ir-restrizzjoni, is-sospensjoni jew l-irtirar ta' ċertifikat ta' konformità tal-kontroll tal-produzzjoni fil-fabbrika abbażi tar-riżultat ta' dawn il-valutazzjonijiet u l-verifiki mwettqa minn dak il-korp:

(i)

l-ispezzjoni inizjali tal-impjant ta' manifattura u tal-kontroll tal-produzzjoni fil-fabbrika;

(ii)

is-sorveljanza, il-valutazzjoni u l-evalwazzjoni kontinwi tal-kontroll tal-produzzjoni fil-fabbrika.

1.4.   Sistema 3

(a)

Il-manifattur għandu jwettaq il-kontroll tal-produzzjoni fil-fabbrika;

(b)

Il-laboratorju nnotifikat għandu jivvaluta l-prestazzjoni fuq il-bażi tal-prodott abbażi tal-ittestjar (fuq il-bażi tal-kampjunar imwettaq mill-manifattur), il-kalkolu tat-tip, il-valuri tabulati jew id-dokumentazzjoni deskrittiva tal-prodott.

1.5.   Sistema 4

(a)

Il-manifattur għandu jwettaq:

(i)

valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-prodott għall-kostruzzjoni fuq il-bażi tal-ittestjar, il-kalkolu, il-valuri tabulati jew id-dokumentazzjoni deskrittiva ta' dak il-prodott;

(ii)

il-kontroll tal-produzzjoni fil-fabbrika;

(b)

L-ebda kompitu ma jeħtieġ l-intervent tal-korpi nnotifikati.

1.6.   Il-prodotti għall-kostruzzjoni li għalihom tkun saret Valutazzjoni Teknika Ewropea

Il-korpi nnotifikati li jwettqu kompiti taħt is-Sistemi 1+, 1 u 3 kif ukoll il-manifatturi li jwettqu kompiti taħt is-Sistemi 2+ u 4 għandhom jikkunsidraw il-Valutazzjoni Teknika Ewropea li saret għall-prodott għall-kostruzzjoni speċifiku bħala l-valutazzjoni tal-prestazzjoni ta' dak il-prodott. Għaldaqstant, il-korpi nnotifikati u l-manifatturi ma għandhomx iwettqu l-kompiti msemmija fil-punti 1.1.(b)(i), 1.2.(b)(i), 1.3.(a)(i), 1.4.(b) u 1.5.(a)(i) rispettivament.

2.   IL-KORPI INVOLUTI FIL-VALUTAZZJONI U L-VERIFIKA TAL-KOSTANZA TAL-PRESTAZZJONI

Fir-rigward tal-funzjoni tal-korpi nnotifikati involuti fil-valutazzjoni u l-verifika tal-kostanza tal-prestazzjoni tal-prodotti għall-kostruzzjoni, għandha ssir distinzjoni bejn:

(1)

il-korp għaċ-ċertifikazzjoni tal-prodott: korp innotifikat, f'konformita mal-Kapitolu VII biex iwettaq iċ-ċertifikazzjoni tal-kostanza tal-prestazzjoni;

(2)

il-korp għaċ-ċertifikazzjoni tal-kontroll tal-produzzjoni fil-fabbrika: korp innotifikat, f'konformita mal-Kapitolu VII biex iwettaq iċ-ċertifikazzjoni tal-kontroll tal-produzzjoni fil-fabbrika;

(3)

il-laboratorju: korp innotifikat, f'konformità mal-Kapitolu VII, biex ikejjel, jeżamina, jittestja, jikkalkula jew b'xi mod ieħor jivvaluta l-prestazzjoni tal-prodotti għall-kostruzzjoni.

3.   NOTIFIKI ORIZZONTALI: KAŻIJIET TA' KARATTERISTIĊI ESSENZJALI LI GĦALIHOM MA HEMMX BŻONN LI SSIR REFERENZA GĦAL SPEĊIFIKAZZJONI TEKNIKA ARMONIZZATA RILEVANTI

1.

Reazzjoni għan-nar.

2.

Resistenza għan-nar

3.

Prestazzjoni esterna fil-konfront tan-nar

4.

Prestazzjoni akustika

5.

Emissjonijiet ta' sustanzi perikolużi.”


Top