Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1093

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1093/2013 tal- 4 ta’ Novembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1982/2004 fir-rigward tas-simplifikazzjoni tas-sistema tal-Intrastat u l-ġbir tat-tagħrif fil-kuntest ta’ din is-sistema

    ĠU L 294, 6.11.2013, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2021; Impliċitament imħassar minn 32020R1197

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1093/oj

    6.11.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 294/28


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1093/2013

    tal-4 ta’ Novembru 2013

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1982/2004 fir-rigward tas-simplifikazzjoni tas-sistema tal-Intrastat u l-ġbir tat-tagħrif fil-kuntest ta’ din is-sistema

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq l-istatistiċi Komunitarji rigward il-kummerċ ta’ merkanzija bejn Stati Membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 9(1) u 10(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 jistabbilixxi qafas komuni għall-produzzjoni sistematika ta’ statistiċi Komunitarji rigward il-kummerċ ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri.

    (2)

    Wara l-iżviluppi tekniċi u ekonomiċi li kien hemm, ir-rata ta’ kopertura minima stabbilita għall-wasliet tista’ tiġi adattata filwaqt li jinżammu statistiċi li jilħqu l-indikaturi tal-kwalità u l-istandards fis-seħħ. Din is-simplifikazzjoni se tippermetti t-tnaqqis tal-piż tar-rispons fuq il-partijiet li huma responsabbli biex jipprovdu l-informazzjoni tal-istatistika, partikolarment l-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju. Għaldaqstant, ir-rata ta’ kopertura għall-wasliet għandha titnaqqas minn 95 % għal 93 %.

    (3)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1982/2004 tat-18 ta’ Novembru 2004 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistiċi tal-Komunità rigward il-kummerċ ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1901/2000 u (KEE) Nru 3590/92 (2) jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ġbir tat-tagħrif fil-kuntest tas-sistema tal-Intrastat. Filwaqt li l-Istati Membri jridu jibagħtu r-riżultati tagħhom ta’ kull xahar lill-Eurostat, imqassmin skont il-valur statistiku tagħhom, dawn huma limitati fl-arranġamenti prattiċi għall-ġbir ta’ dan it-tagħrif. Għandu jiġi stipulat approċċ ġenerali koerenti għall-ġbir tat-tagħrif fil-kuntest tas-sistema tal-Intrastat u l-arranġamenti marbutin mal-ġbir f’termini tal-valur statistiku għandhom jiġu ssimplifikati.

    (4)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-istatistika marbuta mal-kummerċ tal-merkanzija bejn l-Istati Membri,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 638/2004 il-perċentwal “95 %” għandu jinbidel bil-perċentwal “93 %”.

    Artikolu 2

    L-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 1982/2004 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “2.   Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jiġbru wkoll il-valur statistiku tal-oġġetti, kif definit fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 638/2004.”

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Novembru 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 102, 7.4.2004, p. 1.

    (2)  ĠU L 343, 19.11.2004, p. 3.


    Top