Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0986

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 986/2013 tal- 14 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi r-rati tal-imgħax li jridu jintużaw biex jiġu kkalkulati l-ispejjeż għall-finanzjament tal-miżuri ta’ intervent, li jikkonsistu fix-xiri, il-ħżin u r-rimi tal-ħażniet għas-sena fiskali 2014 tal-FAEG

ĠU L 273, 15.10.2013, pp. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/986/oj

15.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 273/25


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 986/2013

tal-14 ta’ Ottubru 2013

li jistabbilixxi r-rati tal-imgħax li jridu jintużaw biex jiġu kkalkulati l-ispejjeż għall-finanzjament tal-miżuri ta’ intervent, li jikkonsistu fix-xiri, il-ħżin u r-rimi tal-ħażniet għas-sena fiskali 2014 tal-FAEG

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 884/2006 (2) jistipula li n-nefqa relatata mal-ispejjeż finanzjarji mġarrba mill-Istati Membri sabiex jimmobilizzaw fondi biex jixtru prodotti, għandha tiġi stabbilita skont il-metodi stabbiliti fl-Anness IV ta’ dak ir-Regolament.

(2)

L-ewwel subparagrafu tal-punt I.1 tal-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 884/2006 jistipula li l-kalkolu tal-ispejjeż finanzjarji kkonċernati jrid isir abbażi ta’ rata tal-imgħax li tkun l-istess fl-Unjoni kollha u li tistabbilixxiha l-Kummissjoni fil-bidu ta’ kull sena fiskali. Din ir-rata tal-imgħax tikkorrispondi għal medja tar-rati bil-quddiem tal-Euribor għal terminu ta’ tliet xhur u ta’ 12-il xahar, miġbura matul is-sitt xhur ta’ qabel in-notifika mingħand l-Istati Membri stabbilita fl-ewwel paragrafu tal-punt I.2 ta’ dak l-Anness, b’valur ta’ terz u żewġ terzi rispettivament. Din ir-rata trid tiġi stabbilita fil-bidu ta’ kull sena fiskali tal-FAEG.

(3)

Madankollu, f’konformità mat-tieni paragrafu tal-punt I.2 tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 884/2006, jekk ir-rata tal-imgħax li jinnotifika l-Istat Membru tkun ogħla mir-rata tal-imgħax uniformi stabbilita għall-Unjoni matul il-perjodu ta’ referenza, għandha tapplika r-rata uniformi. Jekk ir-rata tal-imgħax li jinnotifika l-Istat Membru tkun inqas mir-rata tal-imgħax uniformi stabbilita għall-Unjoni matul il-perjodu ta’ referenza, ir-rata tal-imgħax għal dak l-Istat Membru għandha tiġi stabbilita fil-livell tar-rata notifikata.

(4)

Barra minn hekk, f’konformità mat-tielet paragrafu tal-punt I.2 tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 884/2006, meta Stat Membru ma jagħmilx notifika fl-għamla u sal-iskadenza msemmija fl-ewwel paragrafu tal-punt I.2 ta’ dak l-Anness, ir-rata tal-imgħax li jġarrab dak l-Istat Membru għandha titqies 0 %. Jekk Stat Membru jiddikjara li ma ġarrab ebda spejjeż tal-imgħax għax ma kellux prodotti agrikoli fil-ħżin pubbliku matul il-perjodu ta’ referenza, għal dak l-Istat Membru għandha tapplika r-rata tal-imgħax uniformi stabbilita mill-Kummissjoni.

(5)

Ħlief Franza u l-Isvezja, l-Istati Membri ddikjaraw li huma ma ġarrbux spejjeż tal-imgħax għax ma kellhomx prodotti agrikoli fil-ħżin pubbliku matul il-perjodu ta’ referenza. Barra minn hekk, matul il-perjodu ta’ referenza, dawn l-Istati Membri kellhom rati ta’ referenza ogħla mir-rata tal-imgħax uniformi stabbilita għall-Unjoni. Fl-aħħar nett, ir-rati ta’ referenza użati għall-Kroazja kienu dawk għal Lulju u Awwissu 2013.

(6)

Fid-dawl tan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni, ir-rati tal-imgħax applikabbli għas-sena fiskali 2014 tal-FAEG għandhom jiġu stabbiliti filwaqt li jitqiesu dawn il-bosta fatturi.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għan-nefqa marbuta mal-ispejjeż ta’ finanzjament li ġarrbu l-Istati Membri biex immobilizzaw il-fondi għax-xiri ta’ prodotti li għandhom jitħallsu mis-sena fiskali 2014 tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), ir-rati tal-imgħax previsti fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 884/2006 skont l-Artikolu 4(1)(a) tal-istess Regolament għandhom ikunu r-rata tal-imgħax uniformi stabbilita ta’ 0,4 %.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 884/2006 tal-21 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 rigward il-finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) tal-miżuri ta’ intervent taħt forma ta’ operazzjonijiet ta’ ħżin pubbliku u l-kontabilità tal-operazzjonijiet ta’ ħżin pubbliku mill-aġenziji tal-ħlas tal-Istati Membri (ĠU L 171, 23.6.2006, p. 35).


Top