Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0123

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 123/2009 tal- 10 ta' Frar 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1266/2007 dwar il-kundizzjonijiet għall-moviment tal-annimali fl-istess żona ristretta u l-kundizzjonijiet biex l-annimali jkunu eżentati mill-projbizzjoni ta' ħruġ stipulata fid-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 40, 11.2.2009, p. 3–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32020R0689

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/123/oj

11.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 40/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 123/2009

tal-10 ta' Frar 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1266/2007 dwar il-kundizzjonijiet għall-moviment tal-annimali fl-istess żona ristretta u l-kundizzjonijiet biex l-annimali jkunu eżentati mill-projbizzjoni ta' ħruġ stipulata fid-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE tal-20 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kontroll u l-eradikazzjoni tal-bluetongue  (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 9(1)(ċ), 11 u 12 u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2000/75/KE tistabbilixxi regoli ta’ kontroll u miżuri biex ikun affaċċjat u megħlub il-virus bluetongue, inkluż regoli dwar it-twaqqif ta' żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza u l-implimentazzjoni ta' programmi ta' tilqim, kif ukoll projbizzjoni ta' ħruġ għall-annimali li jitilqu minn dawk iż-żoni.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1266/2007 (2) jistipula regoli għall-kontroll, monitoraġġ, sorveljanza u restrizzjonijiet fuq il-movimenti tal-annimali, fir-rigward tal-bluetongue, fi u minn żona protetta u ta' sorveljanza (“iż-żona ristretta”).

(3)

L-Anness III ta' dak ir-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżenzjonijiet mill-projbizzjoni ta' ħruġ applikabbli għall-movimenti ta’ annimali suxxettibbli, l-isperma, l-bajd u l-embrijuni tagħhom kif stipulat fid-Direttiva 2000/75/KE.

(4)

Skont l-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar is-saħħa u l-benesseri tal-annimali tal-EFSA dwar organiżmi li jġorru l-mikrobi u vaċċini (3), adottata fis-27 ta' April 2007, it-tilqim huwa għodda ideali għall-kontroll tal-bluetongue u kontra t-tfaqqigħ kliniku u għalhekk ideali biex ikun limitat it-telf għar-raħħala.

(5)

It-tilqim tal-annimali kontra l-bluetongue jirrappreżenta bidla radikali tal-istat immuni tal-popolazzjoni suxxettibbli. Il-prova tal-assenza taċ-ċirkolazzjoni tal-virus ġenerali jew ta' serotip speċifiku jew serotipi speċifiċi tal-bluetongue f'parti miż-żona ristretta għandu jsir mill-Istati Membri permezz tar-riżultati tal-programmi ta' monitoraġġ tal-bluetongue li jeżistu skont ir-Regolament (KE) Nru 1266/2007. Dawn il-programmi ta' monitoraġġ għandhom jinkludu sorveljanza klinika passiva u sorverljanza attiva bbażata fuq testijiet fil-laboratorju tal-anqas permezz ta' monitoraġġ fl-annimali sentinella.

(6)

Is-sorveljanza bbażata fuq il-laboratorju permezz ta' testijiet fuq annimali sentinella m'għandhiex tkun ristretta biss għat-test seroloġiku iżda tista' ssir permezz ta' metodi ta' dijanjosi oħra, pereżempju testijiet għall-identifikazzjoni tal-aġent.

(7)

It-tilqim fl-assenza taċ-ċirkolazzjoni tal-virus m'għandux ikun skoraġġut u t-tilqim preventiv fiż-żoni risretti migħajr iċ-ċirkolazzjoni tal-virus għandu jkun permess. Madankollu, skont id-Direttiva 2000/75/KE, it-tilqim kontra l-bluetongue huwa permess biss fiż-żona ta' protezzjoni. L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1266/2007 jistipula li l-moviment tal-annimali fl-istess żona ristretta meta l-istess serotip jew serotipi tal-virus tal-bluetongue huma preżenti għandu jkun permess mill-awtorità kompetenti sakemm l-annimali li għandhom ikunu mċaqalqa ma juru l-ebda sinjal kliniku ta' bluetongue fil-jum tat-trasport, fuq is-suppożizzjoni li dawn l-annimali ma huma tal-ebda riskju addizzjonali għas-saħħa tal-annimali.

(8)

Iż-żoni fejn it-tilqim kien applikat u fejn ma hemm l-ebda preżenza ta' xi serotip speċifiku jew serotipi speċifiċi tal-virus tal-bluetongue huma ta' riskju aktar baxx miż-żoni l-oħra li huma parti miż-żona ristretta fejn hemm iċ-ċirkolazzjoni tal-virus. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jitħallew jiddemarkaw, fi ħdan iż-żoni protetti fejn sar tilqim u fejn ma hemmx preżenza ta xi serotip speċifiku jew serotipi speċifiċi tal-virus tal-bluetongue. L-intenzjoni li jkunu ddemarkati dawn iż-żoni għandha tkun innotifikata lill-Kummissjoni, flimkien mal-informazzjoni li turi li dan huwa ġustifikat. L-Istati Membri l-oħra għandhom ikunu infurmati wkoll b'din id-demarkazzjoni.

(9)

L-Artikolu 7(2) ta' dak ir-Regolament jippermetti l-moviment tal-annimali minn żona protetta għal żona sorveljata, taħt ċerti kundizzjonijiet. Il-moviment tal-annimali fl-istess żona ristretta, minn parti ta' dik iż-żona bil-preżenza tal-virus għal parti mlaqqma u mingħajr preżenza tal-virus għandu jkun permess taħt kundizzjonijiet simili għal dawk rikjesti għall-moviment tal-annimali minn żona protetta għal żona sorveljata fl-istess żona ristretta biex jitnaqqas ir-riskju tal-firxa tal-virus f'dik il-parti taż-żona ristretta li hija mlaqqma u mingħajr il-preżenza tal-virus. Għaldaqstant ir-regoli eżistenti dwar il-moviment ta' annimali fl-istess żona ristretta fejn jeżisti l-istess serotip jew serotipi tal-virus tal-bluetongue għandhom ikunu emendati

(10)

Il-moviment tal-annimali minn parti ta' żona ristretta mlaqqma u mingħajr l-eżistenza tal-virus għal żona barra miż-żona ristretta huwa bħalissa permess suġġett għall-istess kundizzjonijiet li japplikaw meta annimali jkunu mċaqalqa minn żona ristretta bl-eżistenza tal-virus għal żona 'l barra miż-żona ristretta. Madankollu, meta wieħed jikkunsidra l-ammont relattivament żgħir ta' riskju tal-moviment tal-annimali minn żona ristretta mlaqqma u mingħajr l-eżistenza tal-virus, huwa xieraq li dawn il-movimenti jkunu permessi taħt kundizzjonijiet anqas stretti fir-rigward tat-test għall-identifikazzonni tal-virus li huwa obbligatorju għal ċerti kategoriji ta' annimali mlaqqma. L-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 1266/2007 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(11)

Ir-Regolament (KE) Nru 1266/2007 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(12)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1266/2007 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

Qed jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a.   L-Istati Membri jistgħu, fuq il-bażi tar-riżultati ta' evalwazzjoni tar-riskji li trid tikkunsidra biżżejjed dejta epidemijoloġika miġbura wara l-implimentazzjoni tal-monitoraġġ tal-annimali sentinella skont il-punt 1.1.2.1 tal-Anness I, jiddemarkaw parti minn żona protetta bħala ‘żona ristretta mlaqqma u mingħajr l-eżistenza ta' xi serotip speċifiku jew serotipi speċifiċi tal-virus tal-bluetongue’ (‘żona b'riskju aktar baxx’), suġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

it-tilqim ikun appplikat f'dik il-parti taż-żona protetta għal serotip speċifiku jew serotipi speċifiċi tal-virus tal-bluetongue;

(ii)

dak is-serotip speċifiku jew is-serotipi speċifiċi tal-virus tal-bluetongue ma jeżistux f'dik il-parti taż-żona protetta.

Stat Membru li għandu l-intenzjoni li jiddemarka parti minn żona protetta bħala ‘żona b'riskju aktar baxx’ għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b'din l-intenzjoni. Din in-notifika għanda tkun akkumpanjata mill-informazzjoni u d-dejta kollha neċessarja biex tkun ġustifikata d-demarkazzjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemijoloġika taż-żona kkonċernata, b'mod partikolari fir-rigward tal-eżistenza tal-programm ta' monitoraġġ tal-bluetongue. Huwa għandu wkoll jgħarraf lill-Istati Membri l-oħra b'dan mingħajr dewmien.

Il-moviment tal-annimali fl-istess żona ristretta minn żona fejn jiċċirkolaw serotip jew serotipi tal-virus tal-bluetongue għal parti mill-istess żona ristretta ddemarkata bħala ‘żona b'riskju aktar baxx’ jista' biss ikun permess jekk:

(a)

l-annimali jkunu konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness III; jew

(b)

l-annimali jkunu konformi ma’ kull garanzija oħra xierqa tas-saħħa tal-annimali bbażata fuq riżultat pożittiv ta’ evalwazzjoni tar-riskji ta’ miżuri kontra t-tixrid tal-virus tal-bluetongue u l-protezzjoni kontra attakki minn organiżmi li jġorru l-mikrobu, meħtieġa mill-awtorità kompetenti tal-post tal-oriġini u approvata mill-awtorità kompetenti tal-post tad-destinazzjoni, qabel ma jsir il-moviment ta’ annimali bħal dawn; jew

(ċ)

l-annimali huma ddestinati għall-qatla immedjata.”

(b)

Il-paragrafi 3 u 4 jinbidlu b'dan li ġej:

“3.   L-Istat Membru tal-oriġini għandu minnufih jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn dwar il-garanziji tas-saħħa tal-annimali msemmija fil-paragrafu 2(b) jew 2a(b).

4.   Għall-annimali msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 2a ta’ dan l-Artikolu, il-kliem addizzjonali li ġej għandu jiżdied maċ-ċertifikati korrispondenti tas-saħħa stabbiliti fid-Direttivi 64/432/KEE, 91/68/KEE u 92/65/KEE, jew imsemmija fid-Deċiżjoni 93/444/KEE:

‘Annimali f’konformità ma’ … (l-Artikolu 7(1) jew 7(2)(a) jew 7(2)(b) jew 7(2)(ċ), jew 7(2a)(a) jew 7(2a)(b), jew 7(2a)(ċ), indika kif xieraq) tar-Regolament (KE) Nru 1266/2007’”.

(2)

Fl-Anness I, il-punt 1.1.2.1 jinbidel b'dan li ġej:

1.1.2.1.   Il-monitoraġġ b'annimali sentinella:

Il-monitoraġġ permezz ta' annimali sentinella għandu jikkonsisti fi programm annwali attiv ta’ ttestjar ta’ annimali sentinella mmirat lejn l-evalwazzjoni taċ-ċirkolazzjoni tal-virus bluetongue fi ħdan iż-żona ristretta. Fejn possibbli, l-annimali sentinella għandhom ikunu annimali bovini. Dawn għandhom ikunu f’partijiet taż-żona ristretta fejn, wara li ssir analiżi tar-riskji li tqis evalwazzjonijiet entomoloġiċi u ekoloġiċi, tkun ġiet ikkonfermata l-preżenza tal-organiżmu li jġorr il-mikrobu jew ikunu preżenti abitazzjonijiet xierqa għat-tnissil tal-organiżmu li jġorr il-mikrobu.

L-annimali sentinella għandhom jiġu ttestjati mill-inqas kull xahar matul il-perjodu ta’ attività tal-organiżmu li jġorr il-mikrobu involut, jekk ikun magħruf. F'nuqqas ta’ tagħrif bħal dan l-annimali tal-madwar għandhom jiġu ttestjati mill-inqas darba kull xahar matul is-sena kollha.

In-numru minimu ta’ annimali sentinella għal kull unità ġeografika ta' referenza għall-għanijiet ta' monitoraġġ u sorveljanza tal-bluetongue għandu jkun rappreżentattiv u suffiċjenti biex tinstab inċidenza kull xahar (*) ta’ 2 % bi grad ta' ċertezza ta’ 95 % f’kull unità ġeografika ta' referenza;

L-ittestjar fil-laboratorju għandu jkun maħsub b'mod li wara t-testijiet ta' skrining pożittiv ikun hemm testijiet seroloġiċi/viroloġiċi speċifiċi tas-serotip immirati għas-serotip jew serotipi tal-bluetongue neċessarji biex tkun aċċertata ċ-ċirkolazzjoni ta' serotip speċifiku f'kull żona ġeografika epidemijoloġikament rilevanti.

(*)  Huwa stmat li r-rata normali annwali ta' serokonverżjoni f'żona infettata huwa ta' 20 %. Madankollu, fil-Komunità, iċ-ċirkolazzjoni tal-virus isseħħ l-aktar f'perjodu ta' madwar sitt xhur (tmiem ir-rebbiegħa/nofs il-ħarifa). Għalhekk 2 % hija stima konservattiva tar-rata mistennija ta' serokonverżjoni kull xahar.”"

(3)

Fl-Anness III, it-Taqsima A hija emendata kif ġej:

(a)

Il-punt 5(b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

tlaqqmu b’vaċċin inattivat qabel mill-inqas in-numru ta’ jiem meħtieġa għall-bidu tal-protezzjoni tal-immunità stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-vaċċin approvat fil-programm ta’ tilqim u ġew suġġetti għal test għall-identifikazzjoni tal-aġent skont il-Manwal tal-Annimali Terrestri tal-OIE, b’riżultati negattivi, li jkun sar mill-inqas 14-il jum wara l-bidu tal-protezzjoni tal-immunità stabbilita fl-ispeċifikazzjonijiet tal-vaċċin approvat fil-programm ta’ tilqim; madankollu, it-test għall-identifikazzjoni tal-aġent mhuwiex neċessarju għall-movimenti ta' annimali minn parti taż-żona ristretta ddemarkata bħala ‘żona b'riskju aktar baxx’ skont l-Artikolu 7.2(a) ta' dan ir-Regolament.”

(b)

It-tielet paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Għal annimali tqal, dawn għandhom ikunu konformi ma' tal-anqas waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fil-punti 5, 6 u 7 qabel l-inseminazzjoni jew it-tgħammir, jew il-kundizzjoni stipulata fil-punt 3 għandha tkun rispettata. Fil-każ ta' test seroloġiku, kif stipulat fil-punt 3, it-test għandu jsir biss fl-aħħar sebat ijiem mid-data taċ-ċaqliq.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu jkun applikabbli b’mod dirett fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Frar 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 74.

(2)  ĠU L 283, 27.10.2007, p. 37.

(3)  Il-Ġurnal tal-EFSA (2007) 479, 1-29.


Top