Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1142

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1142/2008 tat- 13 ta' Novembru 2008 li jikkonċerna l-klassifika ta’ ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda

    ĠU L 308, 19.11.2008, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1142/oj

    19.11.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 308/11


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1142/2008

    tat-13 ta' Novembru 2008

    li jikkonċerna l-klassifika ta’ ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifika tal-merkanzija msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata, totalment jew parzjalment fuq in-Nomenklatura Magħquda jew li żżid magħha kwalunkwe subdiviżjoni addizzjonali u li hija stabbilita permezz ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji speċifiċi, bil-ħsieb li jiġu applikati tariffi u miżuri oħrajn li għandhom x’jaqsmu mal-kummerċ tal-merkanzija.

    (3)

    Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-merkanizja deskritta fil-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-Anness għandha tkun ikklassifikata taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna 2, għar-raġunijiet imniżżla fil-kolonna 3 ta’ dik it-tabella.

    (4)

    Huwa xieraq li jkun stipulat li tagħrif tariffarju li jorbot u li jkun inħareġ mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li hu marbut mal-klassifikazzjoni tal-prodotti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhuwiex skont dan ir-Regolament jista’, għal perjodu ta’ tliet xhur, ikompli jkun invokat mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

    (5)

    Il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali ma tax opinjoni fiż-żmien stipulat mill-President tiegħu,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT

    Artikolu 1

    Il-merkanzija deskritta fil-kolonna 1 tat-tabella li hi mniżżla fl-Anness għandha tkun ikklassifikata fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna 2 ta’ dik it-tabella.

    Artikolu 2

    Tagħrif tariffarju li jorbot maħruġ mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri li mhux f’konformità ma’ dan ir-Regolament jista’ jkompli jiġi invokat għal perjodu ta’ tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 13 ta’ Novembru 2008.

    Għall-Kummissjoni

    László KOVÁCS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

    (2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


    ANNESS

    Id-deskrizzjoni tal-merkanzija

    Il-klassifika

    (Il-kodiċi tan-NM)

    Ir-raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Kejbil, twil bejn wieħed u ieħor 250 ċm, tat-tip li jintuża biss ma’ magna tal-logħob tal-vidjow/tal-kompjuter li taqa’ taħt l-intestatura 9504 .

    Il-kejbil huwa mgħammar b’konnettur wieħed iddiżinjat b’mod speċifiku għall-magna tal-logħob tal-vidjow/tal-kompjuter fuq naħa waħda u b’ħames konnetturi sabiex jitqabbad ma’ moniter jew ma’ sett tat-televiżjoni min-naħa l-oħra.

    Id-dejta tista’ tiġi ttrasferita mill-magna tal-logħob tal-vidjow/tal-kompjuter għall-moniter jew għas-sett tat-televiżjoni permezz tal-kejbil u tista’, skont il-kontenut, tiġi vviżwalizzata bħala logħba tal-vidjow/tal-kompjuter, vidjow jew immaġni fissa jew riprodotta bħala ħoss.

    8544 42 90

    Il-klassifika hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali nri 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u mill-kliem tal-kodiċi tan-NM 8544 , 8544 42 u 8544 42 90 .

    Il-klassifika taħt l-intestatura 9504 bħala aċċessorju tal-magna tal-logħob tal-vidjow/tal-kompjuter hija eskluża, minħabba li l-intestatura 8544 tipprovdi l-iktar deskrizzjoni speċifika li tirreferi għall-kejbils u għal kondutturi elettriċi oħra.

    Il-prodott għandu għalhekk jiġi klassifikat taħt il-kodiċi NM 8544 42 90 bħala konduttur elettriku mwaħħal bil-konnekters.


    Top